11.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/4


DEĊIŻJONI TAL-QORTI ĠENERALI

tas-16 ta’ Ottubru 2019

li tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti Ġenerali li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha

(2019/C 383/03)

IL-QORTI ĠENERALI,

Wara li rat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidrat li, skont l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”,

Wara li kkunsidrat li, skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, “[l]-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti”,

Wara li kkunsidrat li, skont l-Artikolu 57(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, il-kompiti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma jkoprux l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Qorti Ġenerali li taġixxi fil-kapaċità ġudizzjarja tagħha,

Wara li kkunsidrat li, fir-rigward tas-superviżjoni ta’ tali pproċessar, il-leġiżlatur tal-Unjoni, filwaqt li għamel riferiment għall-Artikolu 8(3) tal-Karta, issuġġerixxa, fil-premessa 74 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-implimentazzjoni ta’ superviżjoni indipendenti, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmu intern.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Jekk persuna fiżika tressaq talba quddiem ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali li biha tistiednu jadotta deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ Kontrollur tad-data personali fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali, huwa għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna kkonċernata f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata tat-tressiq ta’ din it-talba. Wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, in-nuqqas ta’ risposta jammonta għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba.

2.   Deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fil-kwalità tiegħu ta’ Kontrollur tad-data personali fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali, adottata b’risposta għal talba fis-sens tal-paragrafu 1 jew ex officio, tista’ tkun is-suġġett ta’ lment imressaq quddiem il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 2 (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

1.   Il-Kumitat għandu jkun kompost minn President u minn żewġ membri, magħżula minn fost l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali.

2.   Il-President u l-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru mill-Qorti Ġenerali fuq proposta tal-President tal-Qorti Ġenerali għall-perijodu tal-mandat ta’ dan tal-aħħar.

3.   Fuq proposta tal-President tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha taħtar ukoll membri supplenti li jissejħu sabiex ikunu sedenti fil-każ ta’ impediment ta’ membru jew iktar tal-Kumitat. Il-membri supplenti jissostitwixxu lill-membri li ma jistgħux ikunu sedenti, skont l-ordni protokollari.

4.   Fil-każ ta’ impediment tal-President tal-Kumitat, il-Kumitat jiġi ppresjedut minn wieħed mill-membri titolari jew supplenti, skont l-ordni protokollari.

5.   Il-Kumitat jiltaqa’ fuq konvokazzjoni tal-President tiegħu. Huwa jistabbilixxi l-aġenda tal-laqgħat kif ukoll il-minuti tagħhom.

6.   Il-Kumitat għandu jiġi assistit fil-funzjonament tiegħu mill-Konsulent legali għall-affarijiet amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

1.   L-ilment għandu jitressaq mill-persuna fiżika kkonċernata mid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) jew mir-rappreżentant tagħha, f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni jew, jekk ikun il-każ, mid-data ta’ meta din il-persuna tkun saret taf biha.

2.   L-ilment għandu jiġi ppreżentat f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

1.   Meta l-ilment jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3, il-Kumitat għandu jwettaq eżami ġdid tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu taw lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

2.   Il-Kumitat jista’ jisma’ kull persuna li jqis li s-smigħ tagħha jkun utli.

3.   Il-Kumitat jista’ jannulla u, f’dan il-każ, anki jbiddel, jew jikkonferma d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2). Id-deċiżjoni tal-Kumitat tissostitwixxi, fir-rigward tal-awtur tal-ilment, id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

4.   Il-Kumitat għandu jikkomunika lill-awtur tal-ilment id-deċiżjoni tiegħu, li għandha tittieħed f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tat-tressiq ta’ dan l-ilment. Fil-każ li l-Kumitat jonqos milli jadotta deċiżjoni espliċita f’dan it-terminu, dan jitqies li jkun ikkonferma d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

5.   Il-preżentata, mill-awtur tal-ilment, ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), ittemm il-kompetenza tal-Kumitat li jittratta l-ilment imressaq quddiemu.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ottubru 2019.

Ir-Reġistratur

E. COULON

Il-President

M. VAN DER WOUDE