11.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/23


Sejħa għall-proposti 2020 — EAC/A03/2019

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

(2019/C 382/08)

1.   Introduzzjoni u Għanijiet

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (1), kif ukoll fuq il-Programm ta’ Ħidma Annwali għall-2020 tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkopri l-perjodu bejn l-2018 u l-2020. L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jinsabu fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament.

2.   Azzjonijiet

Din is-sejħa għall-proposti tkopri dawn l-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà:

Proġetti ta’ Volontarjat

Sħubiji ta’ Volontarjat (ftehimiet speċifiċi għall-2020 skont l-FPA 2018–2020) (2)

Timijiet ta’ Voluntiera f’oqsma ta’ prijorità għolja

Traineeships u Impjiegi

Proġetti ta’ Solidarjetà

Tikketta tal-Kwalità

3.   Eliġibbiltà

Kwalunkwe korp pubbliku jew privat jista’ japplika għall-finanzjament mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (3). Barra minn hekk, gruppi ta’ żgħażagħ irreġistrati fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jistgħu japplikaw għall-finanzjament għall-Proġetti ta’ Solidarjetà.

Il-korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin:

It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jistgħu jieħdu sehem sħiħ fl-azzjonijiet kollha tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Barra minn hekk, ċerti azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huma miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet minn:

pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja;

il-pajjiżi kandidati tal-UE: it-Turkija, is-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq;

il-Pajjiżi sħab.

Jekk jogħġbok ara l-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-2020 għal aktar dettalji dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni.

Għall-applikanti Brittaniċi: Jekk jogħġbok kun af li jrid ikun hemm konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà tul id-durata sħiħa tal-għotja. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura, b’mod partikolari, li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, int ma tibqax tirċievi finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn ikun possibbli) jew tiġi mitlub titlaq mill-proġett abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim tal-għotja dwar it-terminazzjoni.

4.   Baġit u durata tal-proġetti

L-implimentazzjoni ta’ din is-sejħa għall-proposti hija soġġetta għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit għall-2020 wara l-adozzjoni tiegħu mill-awtorità tal-baġit jew, jekk il-baġit ma jiġix adottat, kif previst fis-sistema tad-dodiċeżmi proviżorji.

Il-baġit totali allokat għal din is-sejħa għall-proposti huwa stmat għal EUR 117 650 000 u huwa bbażat fuq il-programm ta’ ħidma annwali tal-2020 għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Il-baġit totali allokat għas-sejħa għall-proposti, kif ukoll it-tqassim tiegħu, huwa indikattiv, u jista’ jiġi mmodifikat soġġett għal emenda tal-programm ta’ ħidma annwali tal-2020 għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. L-applikanti potenzjali huma mistiedna jikkonsultaw regolarment il-programm ta’ ħidma annwali tal-2020 għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-emendi tiegħu, ippubblikati fuq:

 

[https://ec.europa.eu/youth/annual-work-programmes_en] fir-rigward tal-baġit għal kull azzjoni koperta mis-sejħa.

Il-livell tal-għotjiet kif ukoll it-tul tal-proġetti jvarjaw skont fatturi bħat-tip ta’ proġett u l-għadd ta’ sħab involuti.

5.   Data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet imsemmija hawn taħt jistgħu jitressqu sa 12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Proġetti ta’ Volontarjat

fil-5 ta’ Frar 2020.

fit-30 ta’ April 2020.

fl-1 ta’ Ottubru 2020.

Sħubiji ta’ Volontarjat (ftehimiet speċifiċi għall-2020 skont l-FPA 2018–2020)

fit-30 ta’ April 2020.

Timijiet ta’ Voluntiera f’oqsma ta’ prijorità għolja

fis-17 ta’ Settembru2020.

Traineeships u Impjiegi

fil-5 ta’ Frar 2020.

fit-30 ta’ April 2020.

fl-1 ta’ Ottubru 2020.

Proġetti ta’ Solidarjetà

fil-5 ta’ Frar 2020.

fit-30 ta’ April 2020.

fl-1 ta’ Ottubru 2020.

L-applikazzjonijiet għat-Tikketta ta’ Kwalità jistgħu jitressqu fuq bażi kontinwa.

Jekk jogħġbok ara l-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal aktar struzzjonijiet dettaljati dwar it-tressiq tal-applikazzjonijiet.

6.   Dettalji sħaħ

Il-kundizzjonijiet fid-dettall ta’ din is-sejħa għall-proposti, inklużi l-prijoritajiet, jistgħu jinstabu fil-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-2020 fis-sit web li ġej:

 

https://ec.europa.eu/youth/solidarity-corps

Il-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-2020 hija parti integrali minn din is-sejħa għall-proposti u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u għall-finanzjament li jissemmew fiha japplikaw bis-sħiħ għal din is-sejħa.


(1)  ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1.

(2)  Dawk l-organizzazzjonijiet parteċipanti li ffirmaw Ftehim Qafas ta’ Sħubija għall-2018-2020 biss huma eliġibbli biex japplikaw taħt din l-azzjoni.

(3)  Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-eliġibbiltà applikabbli għall-azzjonijiet individwali koperti minn din is-sejħa.