21.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 356/4


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2019/C 356/04)

Image 1

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta’ EUR 2 maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Portugall

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita: Il-Portugall

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: 500 sena mill-ewwel ċirkumnavigazzjoni organizzata u mmexxija mill-esploratur u navigatur Portugiż Fernão De Magalhães

Id-deskrizzjoni tad-disinn: L-espedizzjoni Spanjola lejn l-Indji tal-Lvant bdiet fl-1519 u ntemmet fl-1522, u rriżultat fl-ewwel ċirkumnavigazzjoni tad-Dinja.

Id-disinn juri x-xbieha ta’ Fernão De Magalhães. Fuq in-naħa tal-lemin, f’semiċirku, hemm l-iskrizzjoni “CIRCUM NAVEGAÇÃO” (ċirkumnavigazzjoni) u taħt l-iskrizzjoni “1519 FERNÃO DE MAGALHÃES”. Fin-naħa ta’ fuq, f’semiċirku, hemm is-sena tal-ħruġ “2019” u l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “PORTUGAL”.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 750 000

Data tal-ħruġ: It-tieni nofs tas-sena tal-2019


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-ewro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).