15.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/9


SEJĦA GĦAL PROPOSTI – EACEA 33/2019

TAĦT IL-PROGRAMM Erasmus+

KA3 – Appoġġ għar-Riforma Politika

Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali

(2019/C 349/09)

1.   Objettiv

L-objettiv ġenerali tas-sejħa huwa li jiġu appoġġjati l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (CoVEs) għall-konnessjoni ta’ Ċentri li joperaw f’kuntest lokali partikolari fil-livell Ewropew.

Il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali se jgħaqqdu flimkien CoVEs li:

Jikkondividu interess komuni f’setturi jew negozji speċifiċi (eż. l-ajrunawtika, l-elettromobbiltà, il-kura tas-saħħa, it-turiżmu, eċċ.), jew

Flimkien jiżviluppaw approċċi innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali, teknoloġiċi u ekonomiċi (eż. it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni tal-migranti, l-appoġġ lill-istudenti b’diżabbiltżà/bi bżonnijiet speċjali, it-titjib tal-ħiliet ta’ nies b’livell baxx ta’ ħiliet u/jew livelli ta’ kwalifiki baxxi, eċċ.).

Il-pjattaformi se joħolqu punti ta’ referenza ta’ klassi dinjija għat-taħriġ vokazzjonali. Dawn se jkunu inklużivi u jew jgħaqqdu flimkien il-CoVEs eżistenti f’pajjiżi differenti, jew jespandu l-mudell billi jorbtu l-CoVEs stabbiliti sew f’pajjiż wieħed ma’ sħab f’pajjiżi oħra, li beħsiebhom jiżviluppaw CoVEs fl-ekosistema lokali tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għal “konverġenza ’l fuq” tal-eċċellenza tal-ETV.

Il-CoVEs se jadottaw approċċ minn isfel għal fuq għal eċċellenza fejn l-istituzzjonijiet tal-ETV huma kapaċi jadattaw malajr il-provvista ta’ ħiliet għal ħtiġijiet lokali li qed jevolvu. Huma għandhom l-għan li jgħaqqdu flimkien sett ta’ sħab lokali/reġjonali bħall-fornituri tal-ETV inizjali u kontinwi, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja, inklużi universitajiet tax-xjenzi applikati u politekniċi, istituzzjonijiet tar-riċerka, parks tax-xjenza, kumpaniji, intrapriżi soċjali, kmamar u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, sħab soċjali, kunsilli settorjali tal-ħiliet, assoċjazzjonijiet professjonali/settorjali, awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u aġenziji tal-iżvilupp, servizzi pubbliċi tal-impjiegi, eċċ.

Il-proġetti jridu jipprovdu evidenza li għandhom l-għan li:

Jistabbilixxu relazzjonijiet b’saħħithom u dejjiema kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak transnazzjonali, bejn il-komunità tal-ETV u n-negozji, fejn l-interazzjonijiet huma reċiproki u ta’ benefiċċju reċiproku, u

Jintegraw attivitajiet, jibnu relazzjonijiet riflessivi bejn l-attivitajiet u s-servizzi varji, u

Ikunu ankrati sew f’oqfsa usa’ ta’ strateġiji ta’ żvilupp reġjonali, ta’ innovazzjoni u/jew ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Dawn jistgħu jkunu jew strateġiji eżistenti (li għandhom jiġu identifikati b’mod ċar) jew li qed jiġu żviluppati fil-kuntest tal-proġett (li jiddeskrivi kif il-proġett jikkontribwixxi għal dawk l-istrateġiji).

2.   Sħubijiet

Is-sħubija għandha tinkludi mill-anqas tmien sħab sħaħ minn minimu ta’ erba’ pajjiżi tal-Programm Erasmus+ (inklużi mill-anqas żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea).

Kull pajjiż għandu jinvolvi:

(a)

mill-anqas kumpanija waħda, rappreżentanti tal-industrija jew tas-settur (eż. kmamar jew assoċjazzjonijiet tan-negozju), u

b)

mill-anqas fornitur wieħed tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (fil-livell sekondarju u/jew terzjarju (1)).

Wieħed mis-sħab hawn fuq se jkun l-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni, li tapplika għall-għotja ta’ Erasmus+ f’isem is-sħubija.

Il-kompożizzjoni ulterjuri tas-sħubija jenħtieġ li tirrifletti n-natura speċifika tal-proposta.

Il-pajjiżi tal-Programm Erasmus+ huma dawn li ġejjin:

It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (2);

Il-pajjiżi tal-Programm li mhumiex fl-UE: L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija.

Organizzazzjonijiet mill-Programm Erasmus+ u/jew Pajjiżi sħab (3) jistgħu jkunu sħab assoċjati, sal-punt li jintwera li l-parteċipazzjoni tagħhom iġġib valur miżjud lill-CoVE. Għal kwistjonijiet ta’ ġestjoni kuntrattwali, is-sħab assoċjati, li jkunu minn Pajjiżi tal-Programm jew minn Pajjiżi Sħab, mhumiex meqjusa bħala parti mis-sħab tal-proġett, u ma jirċivux finanzjament. Madankollu, l-involviment u r-rwol tagħhom fil-proġett u f’attivitajiet differenti għandhom jiġu deskritti b’mod ċar.

3.   Attivitajiet

L-attivitajiet iridu jibdew fl-1 ta’ Ottubru 2020 jew fl-1 ta’ Novembru 2020. Il-proġetti jdumu 4 snin.

Iċ-ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali huma kkaratterizzati bl-adozzjoni ta’ approċċ sistemiku li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet tal-ETV jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ħolqien konġunt ta’ ekosistemi tal-ħiliet, flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab lokali/reġjonali oħra. Il-CoVEs huma mistennija li jmorru ferm lil hinn mis-sempliċi provvista ta’ kwalifika vokazzjonali ta’ kwalità.

Il-karatteristiċi li jikkaratterizzaw il-CoVEs jinkludu sett ta’ attivitajiet miġbura fi tliet raggruppamenti (ara t-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida tal-Applikanti).

Il-proġett irid jinkludi riżultati tanġibbli rilevanti marbuta ma’:

mill-anqas 3 attivitajiet relatati mar-Raggruppament 1 — Tagħlim u apprendiment, u

mill-anqas 3 attivitajiet relatati mar-Raggruppament 2 — Kooperazzjoni u sħubija, u

mill-anqas 2 attivitajiet relatati mar-Raggruppament 3 — Governanza u finanzjament.

Il-lista mhijiex eżawrjenti, u l-applikanti jistgħu jinkludu attivitajiet oħra. Madankollu, dawn għandhom juru li huma partikolarment xierqa biex jissodisfaw l-objettivi tas-sejħa u l-ħtiġijiet identifikati, u jridu jitqiesu u jiġu ppreżentati bħala parti minn sett ta’ attivitajiet koerenti.

Huwa meħtieġ li l-proġetti japplikaw strumenti u għodod madwar l-UE kollha meta jkunu rilevanti.

Jenħtieġ li huma jimmiraw ukoll li jadottaw dimensjoni inklużiva, billi jinkludu azzjonijiet li jgħinu biex tiġi indirizzata d-diversità u jippromwovu – b’mod partikolari permezz ta’ approċċi innovattivi u integrati – is-sjieda ta’ valuri kondiviżi, l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u n-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni soċjali, inkluż għal persuni bi bżonnijiet speċjali/b’anqas opportunitajiet.

Se jkun hemm enfasi partikolari fuq il-ħiliet diġitali peress li qed isiru dejjem aktar importanti fuq il-profili kollha tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol kollu, kif ukoll fuq il-ħiliet biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u aktar ekoloġika biex jintlaħqu l-ħtiġijiet professjonali emerġenti għall-ħiliet ekoloġiċi u l-iżvilupp sostenibbli.

L-applikazzjonijiet iridu jinkludu pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-implimentazzjoni progressiva tar-riżultati tal-proġett wara li l-proġett ikun lest. Dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq sħubiji sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija ewlenin fil-livell xieraq. Dan jenħtieġ li jinkludi l-identifikazzjoni tal-istrutturi ta’ governanza xierqa, kif ukoll pjanijiet għall-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li jiżgura wkoll il-viżibbiltà xierqa u t-tixrid wiesa’ tal-ħidma tal-pjattaformi.

L-attivitajiet iridu jsiru f’pajjiżi tal-Programm Erasmus+.

4.   Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-rilevanza tal-proġett (massimu 35 punt – Livell limitu: minimu ta’ 18-il punt);

2.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (Massimu 25 punt – Livell limitu: minimu ta’ 13-il punt);

3.

Il-kwalità tal-konsorzju tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (Massimu 20 punt – Livell limitu: minimu ta’ 11-il punt);

4.

L-impatt u t-tixrid(Massimu ta’ 20 punt – Livell limitu: minimu ta’ 11-il punt).

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jġibu punteġġ ta’ mill-anqas 70 punt (minn total ta’ 100 punt), filwaqt li jitqies ukoll il-livell limitu minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti.

5.   Baġit

Il-baġit totali assenjat għall-kofinanzjament ta’ proġetti huwa stmat għal massimu ta’ EUR 20 miljun. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż it-80 % tal-ispejjeż tal-azzjonijiet totali eliġibbli.

L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 4 miljun.

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Frar 2020, 17:00 (ħin ta’ Brussell), bl-użu tal-formola tal-applikazzjoni uffiċjali korretta (Formola elettronika) u abbozzati f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

7.   Id-dettalji kollha

Il-Linji Gwida tal-Applikanti flimkien mal-Formola Elettronika ta’ applikazzjoni jinsabu fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/ka3-centers-of-vocational-excellence_en

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mat-termini kollha tal-Linji Gwida.


(1)  Madanakollu, l-applikazzjonijiet ma jistgħux jinkludu biss attivitajiet immirati esklussivament għal studenti fil-livell terzjarju; applikazzjonijiet li jiffukaw fuq l-ETV fil-livell terzjarju (il-livelli 6 sa 8 tal-QEK) iridu jinkludu mill-anqas livell ta’ kwalifika tal-ETV ieħor bejn il-livelli 3 sa 5 tal-QEK.

(2)  Għall-applikanti Brittaniċi: Jekk jogħġbok kun af li jrid ikun hemm konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà għad-durata kollha tal-għotja. Jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja mingħajr ma jikkonkludi ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jibqgħu eliġibbli, inti se tieqaf tirċievi finanzjament mill-UE (filwaqt li, sa fejn ikun possibbli, tkompli tipparteċipa) jew tintalab tħalli l-proġett fuq il-bażi tal-Artikolu II. 17.3.1 (a) tal-ftehim ta’ għotja.

(3)  Il-pajjiżi Sħab ta’ Erasmus+ huma elenkati fil-Linji Gwida tal-Applikanti taħt it-Taqsima 6.2.