30.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/1


SEJĦA GĦAL NOMINI BIL-ĦSIEB TAL-ELEZZJONI TAL-OMBUDSMAN EWROPEW

(2019/C 293/01)

Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

Wara li kkunsidra r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman adottati mill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Marzu 1994 (1) u, b'mod partikolari, l-Artikoli 6 u 7 tagħhom.

Wara li kkunsidra l-Artikolu 231 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Ombudsman,

Billi din l-elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew se tkun għat-tul tal-leġiżlatura parlamentari 2019-2024,

Billi l-Ombudsman Ewropew hu eliġibbli għal ħatra mill-ġdid,

Billi l-Ombudsman Ewropew jintgħażel minn fost persuni li huma ċittadini tal-Unjoni, li għandhom id-drittijiet ċivili u politiċi kollha, li joffru kull garanzija ta' indipendenza u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti għat-twettiq tal-ogħla kariga ġudizzjarja f'pajjiżhom jew li jkollhom il-kompetenza u l-esperjenza rikonoxxuti biex iwettqu d-dmirijiet tal-Ombudsman,

1.   

Qed issir stedina għal nomini bl-intenzjoni li jiġi elett Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew.

2.   

L-applikanti jeħtiġilhom l-appoġġ ta' minimu ta' 40 Membru tal-Parlament Ewropew li jkunu ċittadini ta' mill-inqas żewġ Stati Membri u jridu jipprovdu d-dokumenti ġustifikattivi kollha li hemm bżonn biex jintwera b'mod konklużiv li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti mir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman u impenn solenni minnhom li, jekk jinħatru, ma jinvolvu ruħhom fl-ebda okkupazzjoni oħra, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk bla ħlas, waqt iż-żmien tagħhom fil-kariga.

3.   

In-nomini iridu jintbagħtu lill-President tal-Parlament Ewropew sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2019 (2).

4.   

L-ipproċessar tad-data personali kollha matul il-proċedura ta' valutazzjoni u elezzjoni se jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Id-dettalji kollha dwar l-attivitajiet ta' pproċessar huma disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/ombudsmanelection2019/en/home/home.html

D.M. SASSOLI

President tal-Parlament Ewropew


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)  In-nomini għandhom jintbagħtu lil:

Il-President tal-Parlament Ewropew

(In-nomini għall-kariga ta' Ombudsman Ewropew)

PHS 06A055

Indirizz tal-posta:

Louise Weiss Building

Allée du Printemps

BP 1024/F

67070 Strasbourg Cedex

FRANCE

jew

Paul-Henri Spaak Building

Rue Wiertz/Wiertzstraat

1047 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

In-nomini għandhom jiddikjaraw id-dettalji tal-kuntatt rilevanti, inkluż l-indirizz elettroniku.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).