12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/22


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI 2018 — EAC/A01/2019

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Timijiet ta’ Volontarjat f’Oqsma ta’ Prijorità Għolja

(2019/C 196/09)

1.   Introduzzjoni/Sfond

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (1), kif ukoll fuq il-Programm ta’ Ħidma Annwali għall-2018 tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkopri l-perjodu bejn l-2018 u l-2020. L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jinsabu fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament.

2.   Deskrizzjoni

It-timijiet ta’ volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja huma proġetti fuq skala kbira li jappoġġjaw attivitajiet ta’ timijiet ta’ voluntiera li jkollhom l-għan li jwettqu interventi qosra u ta’ impatt qawwi li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà f’oqsma ta’ politika definiti fil-livell tal-UE.

3.   L-Objettivi u l-Prijoritajiet

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandu l-għan li jippromwovi s-solidarjetà bħala valur, prinċipalment permezz tal-volontarjat, biex isaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet f’attivitajiet ta’ solidarjetà aċċessibbli u ta’ kwalità għolja bħala mod biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni, tas-solidarjetà, tad-demokrazija u taċ-ċittadinanza fl-Ewropa, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà u jsaħħu l-komunitajiet, bi sforz partikolari fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Se jikkontribwixxi wkoll għall-kooperazzjoni Ewropea li tkun rilevanti għaż-żgħażagħ.

It-Timijiet tal-Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja se jimmiraw b’mod partikolari li:

jindirizzaw il-ħtiġijiet ċari tas-soċjetà li mhumiex qed jiġu indirizzati;

jippromwovu s-solidarjetà fost l-Istati Membri;

jippermettu lill-voluntiera żgħażagħ jiksbu ħiliet u kompetenzi li huma utli għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali u professjonali tagħhom;

jipprovdu benefiċċji tanġibbli lill-komunitajiet li fihom jitwettqu l-attivitajiet;

jilħqu liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, fosthom lir-refuġjati, l-applikanti għall-ażil u l-migranti;

jippromwovu d-diversità, id-djalogu interkulturali u interreliġjuż, il-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu wkoll fuq proġetti li jtejbu l-litteriżmu medjatiku, il-ħsieb kritiku u s-sens ta’ inizjattiva fiż-żgħażagħ;

isaħħu l-kapaċitajiet u l-ambitu internazzjonali tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;

ikabbru l-għarfien u l-fehim tal-parteċipanti dwar kulturi u pajjiżi oħrajn, billi jingħataw l-opportunità jibnu netwerks ta’ kuntatti internazzjonali, jieħdu sehem b’mod attiv fis-soċjetà u jiżviluppaw sens ta’ ċittadinanza u ta’ identità Ewropej;

Minbarra l-objettivi msemmija hawn fuq, il-proposti ppreżentati taħt din is-sejħa għandhom jindirizzaw waħda jew aktar mit-tliet prijoritajiet elenkati hawn taħt:

il-patrimonju kulturali Ewropew;

l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi l-applikanti għall-ażil u r-refuġjati);

rispons għall-isfidi ambjentali, inkluż il-prevenzjoni tad-diżastri, l-istat ta’ tħejjija u l-irkupru (li jeskludi r-rispons immedjat għad-diżastri).

Bħala parti mill-prijorità tal-patrimonju kulturali Ewropew, jistgħu jiġu appoġġati proġetti ta’ rikostruzzjoni, inkluż pereżempju n-Notre Dame de Paris.

4.   Applikanti eliġibbli

L-applikanti eliġibbli huma organizzazzjonijiet pubbliċi u privati li għandhom akkreditazzjoni ta’ volontarjat ta’ Erasmus+ valida jew Tikketta ta’ Kwalità għall-volontarjat sal-iskadenza tal-applikazzjoni.

Huma eliġibbli biss l-applikazzjonijiet minn entitajiet ġuridiċi stabbiliti fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Għall-applikanti mir-Renju Unit: Ta’ min wieħed jinnota li l-applikanti jridu jibqgħu konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà tul id-durata kollha tal-għotja. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja finanzjarja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li b’mod partikolari jiżgura li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, int ma tirċevix aktar finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn hu possibbli) jew tkun mitlub tieqaf mill-proġett abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-għotja finanzjarja dwar it-terminazzjoni.

5.   L-Attivitajiet eliġibbli u t-tul tal-proġett

Huma eliġibbli attivitajiet ta’ dan it-tip:

It-Timijiet ta’ Volontarjat huma attivitajiet ta’ solidarjetà li jippermettu li timijiet ta’ parteċipanti li jiġu minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti jwettqu volontarjat flimkien għal perjodu ta’ bejn ħmistax u xahrejn. Fit-timijiet ta’ volontarjat, il-voluntiera tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jwettqu kompiti għal proġett fuq perjodu qasir ta’ żmien. Minkejja li ma jdumux fit-tul, dawn l-attivitajiet ikunu siewja kemm għall-individwi kif ukoll għall-komunitajiet li jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Iż-żjarat ta’ ppjanar bil-quddiem huma żjarat ta’ ppjanar qabel jibdew l-attivitajiet ta’ volontarjat biex jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiffaċilitaw u jippreparaw l-arranġamenti amministrattivi, jissawru l-fiduċja u l-fehim u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti.

L-attivitajiet kumplimentari huma attivitajiet addizzjonali rilevanti mfassla biex iżidu l-valur u jtejbu r-riżultati tal-proġett, kif ukoll biex isaħħu l-impatt tiegħu fil-livell lokali, reġjonali u/jew Ewropew. Dawn l-attivitajiet supplimentari għandhom ukoll l-għan li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-volontarjat għaż-żgħażagħ u għall-komunitajiet, kif ukoll l-għan li jsaħħu r-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba mill-voluntiera.

It-tul ta’ żmien tal-proġett jrid ikun bejn tlieta u 24 xahar.

6.   Baġit

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għall-proposti huwa stmat għal EUR 1 018 325 u huwa bbażat fuq il-programm ta’ ħidma annwali tal-2018 għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż it-80 % tat-total tal-ispejjeż tal-proġetti eliġibbli.

L-Aġenzija tistenna li tiffinanzja disa’ proposti.

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

7.   Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-użu ta’ formola ta’ applikazzjoni għal għotja online (eForm). Il-formola elettronika hi disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://eacea.ec.europa.eu/documents/eforms_en u għandha timtela kif suppost b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

L-applikazzjoni — mimlija kif suppost — trid tintbagħat onlajn sad-19 ta’ Settembru 2019, 12.00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).

8.   Dettalji sħaħ

Il-kundizzjonijiet dettaljati ta’ din is-sejħa għall-proposti huma stabbiliti fi gwida għall-Gruppi ta’ Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja disponibbli f’dan l-indirizz:

https://eacea.ec.europa.eu/sites/european-solidarity-corps/funding_en

It-Timijiet tal-Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja jikkostitwixxu parti integrali minn din is-sejħa għall-proposti u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-finanzjament li jissemmew fiha japplikaw bis-sħiħ għal din is-sejħa.


(1)  ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1.