25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/45


Il-Programm HERCULE III

Sejħa għal proposti — 2019

Taħriġ, Konferenza u Skambju tal-Persunal fl-2019

(C/2018/8568)

(2019/C 111/11)

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Dan l-avviż ta' sejħa għal proposti jibbaża fuq ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jistabbilixxi l-Programm Hercule III, b'mod partikolari l-Artikolu 8(b) (“Azzjonijiet Eliġibbli”), kif ukoll id-Deċiżjoni ta' Finanzjament tal-2019 li tadotta l-programm ta' ħidma annwali (2) għall-implimentazzjoni tal-Programm Hercule III fl-2019, b'mod partikolari t-taqsima 2.2.1 azzjonijiet 1 sa 5 ta' “Azzjonijiet ta' taħriġ”. Id-Deċiżjoni ta' Finanzjament tal-2019 tipprevedi l-organizzazzjoni ta' Sejħa għal Proposti għal “Taħriġ, Konferenza u Skambju tal-Persunal fl-2019”.

2.   Applikanti eliġibbli

Il-korpi eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm huma:

L-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali ta' Stat Membru li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni f'livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Jew:

L-istituti ta' riċerka u dawk edukattivi u l-entitajiet bla skop ta' qligħ sakemm ikunu ilhom stabbiliti u ilhom joperaw għal mill-inqas sena, fi Stat Membru, u jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

L-għan ta' din is-sejħa huwa li tistieden lill-applikanti eliġibbli biex jissottomettu applikazzjonijiet għal azzjonijiet taħt wieħed mit-tliet suġġetti li ġejjin:

1.

Taħriġ speċjalizzat immirat (suġġett 1) - biex jinħolqu netwerks u pjattaformi strutturali bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, pajjiżi terzi oħra u l-organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattiki fost il-persunal impjegat mill-benefiċjarji; biex jinħolqu sinerġiji bejn is-servizzi fiskali u dawk doganali tal-Istati Membri, l-OLAF u korpi rilevanti oħra tal-UE.

2.

Konferenzi u workshops (suġġett 2) - biex jinħolqu netwerks u pjattaformi strutturali bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, pajjiżi terzi oħra u l-organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattiki fost il-persunal impjegat mill-benefiċjarji; biex jiġu ffaċilitati l-iskambju ta' informazzjoni, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u/jew proġetti komuni għall-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fost is-servizzi ta' kontra l-frodi tal-Istati Membri; biex jinħolqu sinerġiji bejn is-servizzi fiskali u dawk doganali tal-Istati Membri, l-OLAF u korpi rilevanti oħra tal-UE.

3.

L-iskambju ta' persunal (suġġett 3) - l-organizzazzjoni ta' skambji ta' persunal bejn amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali (inklużi (potenzjalment) pajjiżi kandidati u ġirien) għall-kontribuzzjoni ta' aktar żvilupp, titjib u aġġornamenti fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-persunal fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-applikanti jistgħu jissottomettu aktar minn applikazzjoni waħda għal proġetti differenti taħt l-istess sejħa. L-applikanti huma mitluba jagħżlu suġġett ewlieni wieħed u għandhom ikunu konxji li applikazzjoni tista' tinkorpora wkoll elementi ta' suġġetti oħra.

4.   Baġit

Il-baġit indikattiv disponibbli għal din is-sejħa huwa ta' EUR 1 100 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tieħu l-forma ta' għotja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mhix se taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli.

Il-limitu minimu stabbilit għal azzjoni ta' “Taħriġ” se jkun EUR 40 000. Il-baġit ta' azzjoni li għaliha tintalab għotja ma jkunx anqas minn dan il-livell minimu stabbilit.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.

5.   Data tal-għeluq tas-sottomissjoni

L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mhux aktar tard mill-: Erbgħa 15 ta' Mejju 2019 - 17:00 CET, u jistgħu jiġu sottomessi biss billi jsir użu mill-Portal tal-Parteċipanti għall-programm Hercule III:

https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/herc/index.html

6.   Aktar informazzjoni

Id-dokumenti kollha relatati ma' din is-sejħa għall-proposti jistgħu jitniżżlu mill-Portal tal-Parteċipanti msemmi taħt il-punt 5 msemmi aktar 'il fuq jew minn dan is-sit dan is-sit web:

http://ec.europa.eu/anti-fraud/policy/hercule_en

Il-mistoqsijiet u/jew it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta' din is-sejħa jridu jintbagħtu permezz tal-Portal tal-Parteċipanti.

Jekk ikunu ta' rilevanza għal applikanti oħrajn, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jiġu ppubblikati b'mod anonimu fil-Gwida għall-Applikanti li hija disponibbli fuq il-Portal tal-Parteċipanti u fuq is-sit web tal-Internet tal-Kummissjoni.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta' attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali u l-finanzjament tal-Programm Hercule III fl-2019 C/2018/8568 finali tas-17 ta' Diċembru 2018.