22.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 69/4


Avviż ta’ Kompetizzjoni għall-għażla ta’ membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq li mhumiex minn bank ċentrali u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva — Ref. PRO-004931

(2019/C 69/03)

Permezz ta’ dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed iniedi l-proċess għall-għażla u l-ħatra ta’ żewġ membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) li mhumiex minn bank ċentrali u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva.

1.   Informazzjoni Ġenerali

B’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Ewrosistema toffri infrastrutturi tas-suq, pjattaformi, applikazzjonijiet u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu tal-flus kontanti, is-saldu ta' titoli u l-ġestjoni tal-kollateral, li jikkonsisti f’servizzi TARGET, li jinkludu TARGET2, T2S u servizzi TIPS, kif ukoll, fil-futur, ECMS.

Fis-16 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (il-“Kunsill Governattiv”) approva l-istabbiliment tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (“MIB”). MIB huwa l-korp għall-governanza responsabbli għal kompiti ta’ ġestjoni tekniċi u operattivi fil-qasam tal-infrastrutturi u pjattaformi tas-suq. Fil-25 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (Deċiżjoni BĊE/2019/3) (id-“Deċiżjoni”) (1).

Il-MIB huwa kompost minn, inter alia, żewġ membri ta’ bank mhux ċentrali (mingħajr drittijiet ta’ votazzjoni), wieħed b’esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti u wieħed b’esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tat-titoli (Kapitolu I, Sezzjoni 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni).

Il-mandat tal-MIB, inkluż l-objettivi, responsabbiltajiet u kompiti tal-Bord u tal-membri tiegħu, huma stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni.

Il-BĊE qed jorganizza dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni biex jinħatru żewġ membri ġodda fil-MIB li mhumiex minn bank ċentrali, u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva li tista’ tintuża għas-sostituzzjoni tal-membri ta’ bank mhux ċentrali fil-MIB.

2.   Post tal-qadi/tat-twettiq tad-dmirijiet

Il-post tal-qadi tad-dmirijiet huwa prinċipalment il-bini tal-BĊE, fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja, u jista’ jinvolvi vjaġġar lejn postijiet oħra fl-UE.

3.   Tip ta’ proċedura: avviż ta’ kompetizzjoni

Il-BĊE jistieden applikazzjonijiet bil-ħsieb li jintgħażlu u jinħatru żewġ kandidati bħala membri li mhumiex minn bank ċentrali fil-MIB u tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ sostituti. L-għażla tiddependi esklużivament mill-kwalità tal-applikazzjonijiet li jsiru.

Il-proċedura hija rregolata mill-Anness IV tad-Deċiżjoni, li tistabbilixxi l-proċeduri u rekwiżiti applikabbli għall-għażla, ħatra u sostituzzjoni ta’ membri fil-MIB li mhumiex minn bank ċentrali, kif ukoll mid-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/2) (2).

4.   Dokumentazzjoni sħiħa

Id-dokumentazzjoni sħiħa (bl-Ingliż), li tistipula (a) ir-rwol tal-MIB; (b) ir-rwol u dmirijiet tal-membri fil-MIB li mhumiex minn bank ċentrali; (ċ) il-kriterji għall-għażla; (d) l-aspetti finanzjarja relevanti u (e) l-proċedura għall-applikazzjoni, inkluż l-iskadenza sa meta għandhom jaslu l-applikazzjonijiet (35-il ġurnata mid-data ta’ meta dan l-avviż ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropeja) tista’ titniżżel mill-websajt tal-BĊE permezz ta’ din il-link: https://www.ecb.europa.eu/ecb/jobsproc/tenders/html/index.en.html

5.   Aktar informazzjoni

Kandidati jistgħu jindirizzaw kull mistoqsija rigward din il-proċedura lis-

Sinjura Emilia Pérez Barreiro

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Infrastruttura tas-Suq u Pagamenti

Sonnemannstrasse 22

60314 Frankfurt am Main

DEUTSCHLAND

Tel. +49 6913445788.

Mistoqsijiet għandhom jintbagħtu bil-miktub, preferibbilment permezz ta’ email, lil emilia.perez@ecb.int. Il-BĊE ma jassumix l-ebda responsabbiltà għal mistoqsijiet li ma jintbagħtux hekk kif deskritt hawn fuq.


(1)  ĠU L 32, 4.2.2019, p. 14.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Frar 2016 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (ĠU L 45 20.2.2016, p. 15), kif emendata mid-Deċiżjoni BĊE/2016/17 (ĠU L 159, 16.6.2016, p. 21).