5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 398/18


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI — EACEA/41/2018

Programm Erasmus+, Azzjoni Ewlenija 3 — Appoġġ għar-Riforma ta’ Politika

Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam taż-Żgħażagħ (1)

(2018/C 398/14)

Introduzzjoni

Il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ hija essenzjali sabiex jinħoloq sens wiesa’ ta’ sjieda fir-rigward tal-istrateġiji u l-politiki dwar it-tagħlim, u sabiex jitqiesu l-ideat u t-tħassib tal-partijiet ikkonċernati f’kull livell.

Hi vitali sabiex jinkiseb l-involviment attiv tal-partijiet, għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm Erasmus+ u fi programmi Ewropej oħra u għat-tixrid ta’ politika, tar-riżultati tal-programmi u ta’ prattika tajba permezz tan-netwerks estensivi tagħhom ta’ sħubija.

1.   Għanijiet u objettivi

L-objettiv ta’ din is-Sejħa huwa li jingħata appoġġ strutturali, imsejjaħ għotja operattiva, lil organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej (ENGOs) u lil netwerks fl-UE kollha attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u li jsegwu l-għanijiet ġenerali li ġejjin:

Titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ (2) għall-perjodu 2019-2027, ibbażat fuq proposta tal-Kummissjoni (3) li mistennija tiġi adottata sa tmiem is-sena.

Tiżviluppa, tippromwovi u tappoġġja azzjonijiet biex toħloq impenn, tgħaqqad u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ fl-ispirtu tal-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ

Iżżid l-għarfien u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-azzjonijiet tal-UE għaż-żgħażagħ, inklużi dawk li ġew stabbiliti dan l-aħħar bħall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u DiscoverEU.

Jiżdiedu l-impenn u l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ma’ awtoritajiet pubbliċi għall-implimentazzjoni ta’ politiki f'oqsma rilevanti għaż-żgħażagħ.

Tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil- dwar iż-żgħażagħ.

Tingħata spinta għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati fit-tixrid ta’ azzjonijiet ta’ politika u tal-programm inklużi riżultati u prattiki tajbin fost il-membri tagħhom u lil hinn.

Dawn l-għanijiet għandhom ikunu inkorporati b’mod ċar fil-pjanijiet ta’ ħidma, fl-attivitajiet u fir-riżultati tal-organizzazzjonijiet applikanti.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ, li se jkunu appoġġati skont din is-Sejħa, huma mistennija li jwettqu attivitajiet bil-għan li:

Jippromwovu parteċipazzjoni iktar b’saħħitha taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika u ċivika fl-Ewropa; jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar/l-iżvilupp ta’ kwistjonijiet relatati mal-politika li jaffettwaw liż-żgħażagħ u lil organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali; isemmgħu iktar leħen iż-żgħażagħ fis-soċjetà; iħeġġu l-votazzjoni fl-elezzjonijiet parlamentari Ewropej; irawwmu t-tisħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

Iħeġġu l-aċċess ġust u ugwali għall-opportunitajiet fost iż-żgħażagħ; jiffaċilitaw it-tranżizzjoni miż-żgħożija għall-età ta’ adult, b’mod partikolari l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; iżidu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha u l-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet ta’ solidarjetà;

Irawwmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi u ta’ ħiliet permezz ta’ tagħlim mhux formali, ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ; jippromwovu l-litteriżmu diġitali, it-tagħlim interkulturali, il-ħsieb kritiku, ir-rispett tad-diversità, u l-valuri ta’ solidarjetà, ta’ opportunitajiet indaqs u tad-drittijiet tal-bniedem fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa.

Jippromwovu l-inklużjoni taż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet fis-soċjetà.

Jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, li kienet adottata f’Pariġi fis-17 ta’ Marzu 2015, pereżempju billi jintegraw il-promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika, id-djalogu interkulturali u ċ-ċittadinanza demokratika fil-programmi ta’ ħidma tagħhom.

Jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi adottat fis-7 ta’ Ġunju 2016 permezz tat-tnedija u l-promozzjoni ta’ azzjonijiet u proġetti li jindirizzaw is-soċjetà ospitanti ta’ żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni, inkluż ir-refuġjati li jkunu għadhom jaslu.

L-attivitajiet kollha msemmija hawn fuq għandhom jikkontribwixxu sabiex is-sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ titwessa’ biex tiżgura diversità ta’ ilħna, tilħaq liż-żgħażagħ kemm fi ħdan organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll lil hinn minnhom u żgħażagħ b’inqas opportunitatjiet, u b’hekk jintużaw mezzi differenti.

2.   Eliġibbiltà

2.1.   Applikanti eliġibbli

Din is-Sejħa hija miftuħa għal żewġ kategoriji ta’ korpi: Organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej (ENGO) u netwerks fl-UE kollha(netwerk informali).

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

Kategorija 1 : Organizzazzjoni mhux governattiva Ewropea (ENGO) trid:

Topera permezz ta’ struttura rikonoxxuta b’mod formali, magħmula minn a) korp/segretarjat Ewropew (l-applikant) stabbilit legalment għal mill-anqas sena f’Pajjiż Eliġibbli fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u b) organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali f’mill-anqas tnax-il Pajjiż Eliġibbli li jkollhom rabta statutorja mal-korp/segretarjat Ewropew;

Tkun attiva fil-qasam taż-żgħażagħ u tmexxi attivitajiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ;

Tinvolvi żgħażagħ fit-tmexxija u l-governanza tal-organizzazzjoni.

Kategorija 2 : Netwerk fl-UE kollha (netwerk informali) għandu:

Ikun magħmul minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u legalment awtonomi, attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u li jmexxu attivitajiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ;

Jopera permezz ta’ struttura ta’ governanza informali, magħmula minn a) organizzazzjoni stabbilita legalment għal mill-anqas sena fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni f’Pajjiż Eliġibbli b’funzjonijiet ta’ koordinazzjoni ta’ u ta’ appoġġ għan-netwerk f’livell Ewropew (l-applikant); u b) organizzazzjonijiet oħrajn stabbiliti f’mill-anqas tnax-il Pajjiż Eliġibbli;

Jinvolvi żgħażagħ fit-tmexxija u l-governanza tan-netwerk.

2.2.   Pajjiżi eliġibbli

Huma eliġibbli applikazzjonijiet minn entitajiet legali stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

L-Istati Membri tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit;

Għall-applikanti Brittaniċi: Jekk jogħġbok kun af li jrid ikun hemm konformità mal-kriterji ta' eliġibilità tul id-durata sħiħa tal-għotja. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja finanzjarja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, int ma tirċevix aktar finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn hu possibbli) jew tkun mitlub tieqaf mill-proġett abbażi tal-artikulu II.16.2.1 (a) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim tal-għotja.

Il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jiffurmaw parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

Pajjiżi kandidati li għalihom tkun ġiet stabbilita strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet qafas li jkunu ntlaħqu ma’ dawk il-pajjiżi bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni tagħhom fi Programmi tal-UE: L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja (4) u t-Turkija.

3.   Attivitajiet

Il-korpi applikanti jridu jippreżentaw pjan ta’ ħidma konsistenti li jintegra attivitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, immexxijin miż-żgħażagħ, li jkunu adatti biex ikunu segwiti l-objettivi tas-Sejħa.

B’mod partikolari:

Programmi ta’ tagħlim u attivitajiet mhux formali u informali mmirati lejn iż-żgħażagħ u ħaddiema żgħażagħ;

Attivitajiet għall-iżvilupp kwalitattiv tax-xogħol għaż-żgħażagħ;

Attivitajiet għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ għodod ta’ għarfien u trasparenza fil-qasam taż-żgħażagħ;

Seminars, laqgħat, sessjonijiet ta’ ħidma, konsultazzjonijiet, dibattiti minn żgħażagħ dwar politiki għaż-żgħażagħ u/jew kwistjonijiet Ewropej;

Konsultazzjonijiet taż-żgħażagħ li, bil-ħsieb li jiżviluppaw l-għodod, il-metodoloġiji u l-formati tal-konsultazzjoni fid-dawl tad-Djalogu Ewropew maż-Żgħażagħ futur (5)

Attivitajiet għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika;

Attivitajiet għall-promozzjoni tat-tagħlim u l-ftehim interkulturali fl-Ewropa;

Attivitajiet u għodod tal-midja u tal-komunikazzjoni dwar iż-żgħażagħ u kwistjonijiet Ewropej.

Bħala prinċipju transversali, il-korpi applikanti għandhom isegwu strateġiji biex jinteraġixxu ma’ żgħażagħ f’livelli lokali minn sfondi differenti bil-għan li jiżguraw li jkun qed jintlaħaq numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ f’livelli lokali.

La l-Aġenziji Nazzjonali ta’ Erasmus+ u lanqas organizzazzjonijiet li għandhom ħafna Aġenziji Nazzjonali ta’ Erasmus+ bħala membri (2/3 jew aktar) ma huma eliġibbli għal din is-Sejħa.

4.   Baġit disponibbli

Din is-Sejħa għall-proposti toffri l-opportunità ta’ applikazzjoni għal Għotjiet Operattivi Annwali (6).

L-Għotjiet Operattivi Annwali jiffukaw fuq kooperazzjoni ta’ terminu qasir fuq livell Ewropew. L-applikazzjonijiet iridu jinkludu programm ta’ ħidma dettaljat ta’ 12-il xahar (programm ta’ ħidma annwali) għall-2019 flimkien mal-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi kkalkulata l-għotja.

5.   Kriterji tal-għoti

Il-kwalità tal-applikazzjonijiet eliġibbli se tiġi eżaminata abbażi tal-kriterji li ġejjin (7):

Rilevanza (massimu 30 punt);

Kwalità tat-tifsila u tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma (massimu 20 punt);

Profil, għadd u diversità tal-isfond tal-parteċipanti u pajjiżi involuti fl-attivitajiet (massimu 30 punt);

Impatt, disseminazzjoni u sostenibbiltà (massimu 20 punt).

6.   Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom isiru billi tintuża formola ta’ applikazzjoni online għal għotja (Formola elettronika).

Il-formola elettronika hija disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fl-indirizz li ġej fuq l-Internet: http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en u għandha timtela kif dovut f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Il-Formola elettronika mimlija għandha tiġi sottomessa online sas-6 ta’ Diċembru 2018, 12.00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) u tinkludi l-annessi rilevanti (8):

L-annessi obbligatorji addizzjonali (9) jridu jintbagħtu b’email lill-Aġenzija sal-istess skadenza.

7.   Informazzjoni addizzjonali

L-applikazzjonijiet iridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet li hemm fil-Linji gwida għall-Applikanti – Sejħa għall-proposti EACEA/41/2018, disponibbli fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en


(1)  Ara l-Programm ta’ Ħidma Annwali Erasmus+ kif adottat fil-ĠU C(2018) 6572 11/10/2018, WPI 3.77

(2)  https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy_en

(3)  Commission Communication “Engaging, Connecting and Empowering young people: a new EU Youth Strategy”, 22.5.2018, COM(2018) 269

(4)  L-adattamenti baġitarji ddeterminati mill-fatt li s-Serbja ssir Pajjiż tal-Programm tal-Programm Erasmus+ għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2019 u għandhom ikunu soġġetti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-(emenda għall-)Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’“Erasmus +”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport mill-1 ta’ Jannar 2019

(5)  Li l-Kummissjoni pprevediet fil-qafas tal-proposta tagħha għall-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, imressqa fil-Komunikazzjoni “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ”, 22.5.2018, COM(2018) 269. Id-Djalogu Ewropew maż-Żgħażagħ futur “se jħaddan forom ġodda u alternattivi ta' parteċipazzjoni, inklużi kampanji online, konsultazzjonijiet permezz ta' pjattaformi diġitali konnessi mal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Id-djalogu se jkun ikkoordinat fil-livell tal-UE, immexxi minn żgħażagħ fil-livelli kollha u appoġġat minn Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali b'arranġamenti mtejba ta' monitoraġġ. Għandu jkun trasparenti u viżibbli f'termini ta' impatt. Biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiffurmaw l-opinjoni tagħhom ibbażata fuq fatti u argumenti, l-aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità huwa essenzjali”

(6)  Il-baġit totali allokat fis-sena 2019 għall-Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam taż-Żgħażagħ huwa ta’ EUR 4 000 000 u huwa maqsum kif ġej: EUR 3 500 000 - riservati għall-benefiċjarji li ffirmaw il-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija dwar Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam taż-Żgħażagħ fl-2018 u għalhekk mhumiex disponibbli għal din is-sejħa; EUR 500 000 - disponibbli għall-applikanti li jissottomettu proposti għal għotja operattiva annwali taħt din is-Sejħa.

(7)  Ara l-Programm ta’ Ħidma Annwali Erasmus+ kif adottat fil-ĠU C(2018) 6572 11/10/2018, WPI 3.77

(8)  Kwalunkwe dokument amministrattiv ieħor mitlub fil-Linji gwida għall-Applikanti għandu jintbagħat b’posta elettonika lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura sat-06/12/2018 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) fl-indirizz tal-email li ġej: EACEA-YOUTH@ec.europa.eu.

(9)  Għal aktar dettalji dwar l-annessi li għandhom jiġu sottomessi, jekk jogħġbok ara s-Sezzjoni 14 tal-Linji gwida għall-Applikanti.