31.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/3


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI

Appoġġ għal miżuri ta' informazzjoni marbuta mal-politika agrikola komuni (PAK) għall-2019

(2018/C 395/03)

1.   INTRODUZZJONI — SFOND

Din hija sejħa għall-proposti għal miżuri ta' informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1).

Din is-sejħa għall-proposti hija rregolata wkoll bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2) (ir-Regolament Finanzjarju).

Miżura ta' informazzjoni hija ġabra awtonoma u koerenti ta' attivitajiet ta' informazzjoni organizzati abbażi ta' baġit uniku.

2.   OBJETTIVI, TEMI U PUBBLIKU FIL-MIRA

2.1.   Objettivi

L-objettiv ġenerali tas-sejħa huwa li tinbena fiduċja fl-UE u fost iċ-ċittadini kollha bl-istess mod, kemm jekk ikunu bdiewa u kemm jekk ma jkunux. Il-politika agrikola komuni (PAK) hija politika għaċ-ċittadini kollha tal-UE u l-benefiċċji li tipprovdilhom għandhom jidhru b'mod ċar.

Jenħtieġ li l-kwistjonijiet u l-messaġġi ewlenin ikunu konsistenti għalkollox mar-rekwiżit ġuridiku tal-Kummissjoni li l-miżuri ta' informazzjoni dwar il-PAK jitwettqu skont it-tifsira tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Għall-pubbliku ġenerali — l-objettiv huwa li titrawwem kuxjenza pubblika dwar ir-rilevanza tal-appoġġ tal-UE għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali permezz tal-PAK.

Għall-partijiet ikkonċernati — l-objettiv huwa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati (l-iktar il-bdiewa u partijiet oħra li jkunu attivi fiż-żoni rurali) sabiex ikun hemm aktar komunikazzjoni dwar il-PAK mal-kostitwenzi tagħhom u mal-pubbliku inġenerali.

2.2.   Temi

Il-proposti għal miżuri ta' informazzjoni għandhom juru kif il-PAK jenħtieġ li tkompli tikkontribwixxi għat-twettiq tal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.

Il-Politika Agrikola Komuni hija waħda mill-iktar politiki importanti tal-UE. Hija sħubija bejn l-agrikoltura u s-soċjetà kif ukoll bejn l-Ewropa u l-bdiewa tagħha. Hija politika komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE. Il-PAK għandha għadd ta' għanijiet fosthom l-appoġġ għall-bdiewa u t-titjib tal-produzzjoni agrikola, iż-żamma taż-żoni rurali u tal-pajsaġġi, iż-żamma tal-għajxien tal-ekonomija rurali u l-għajnuna għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali.

Wara li jiġu kkunsidrati dawk l-għanijiet u, b'mod partikolari, l-enfasi dejjem ikbar fuq is-sostenibbiltà tal-produzzjoni, l-ambjent u ż-żoni rurali, il-proposti għal miżuri ta' informazzjoni jenħtieġ li jiffokaw speċifikament fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta' Politika Agrikola Komuni sostenibbli.

2.3.   Pubbliku fil-mira

Il-pubbliku fil-mira għat-temi tal-punt 2.2 huwa l-pubbliku ġenerali (b'mod partikolari ż-żgħażagħ fiż-żoni urbani) u/jew il-bdiewa u partijiet oħra li jkunu attivi fiż-żoni rurali. Jekk l-informazzjoni tkun iffokata fuq il-PAK, ikun hemm iktar enfasi fuq l-indirizzar tal-perċezzjonijiet (ħżiena) dwar l-agrikoltura Ewropea, ir-rwol tal-biedja fis-soċjetà u l-ħtieġa għal iktar fehim tal-kontribut enormi li s-settur agroalimentari tal-UE jagħti lill-ekonomija inġenerali tal-UE.

B'mod iktar speċifiku:

Għat-tfal tal-iskola, għall-għalliema u għall-istudenti universitarji: jenħtieġ li jintużaw approċċi innovattivi biex jiġu involuti ż-żgħażagħ u titqajjem il-kuxjenza tagħhom dwar il-PAK u l-kontribut li din tagħti f'bosta oqsma bħall-isfida tat-tibdil fil-klima, l-ikel, id-dieta tajba għas-saħħa u ta' kwalità għolja bħala għażla ta' stil ta' ħajja, anke b'rabta mal-Iskema l-Ġdida tal-UE għall-Iskejjel għall-Ħalib, għall-Frott u għall-Ħxejjex li daħlet fis-seħħ mill-1 ta' Awwissu 2017 (3).

Għall-partijiet ikkonċernati: jenħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm iżjed għarfien dwar il-kontribut li l-PAK tagħti għall-appoġġ tat-tkabbir sostenibbli taż-żoni rurali.

3.   SKEDA INDIKATTIVA

 

Stadji

Data jew perjodu indikattiv

a)

Pubblikazzjoni tas-sejħa

Ottubru 2018

b)

Skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

L-14 ta' Diċembru 2018

c)

Perjodu ta' evalwazzjoni

Frar 2019

d)

Informazzjoni lill-applikanti

April 2019

e)

Iffirmar tal-ftehimiet dwar l-għotjiet finanzjarji

Ġunju 2019

Il-miżuri ta' informazzjoni ma għandhomx jaqbżu d-durata ta' 12-il xahar.

4.   BAĠIT DISPONIBBLI

Huwa stmat li l-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-miżuri ta' informazzjoni huwa ta' EUR 4 000 000.

Dan l-ammont huwa soġġett għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fl-abbozz ta' baġit għall-2019 wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2019 mill-awtorità baġitarja jew previsti fis-sistema tad-dodiċeżmi proviżorji.

L-ammont tal-għotja finanzjarja se jkun bejn minimu ta' EUR 75 000 u massimu ta' EUR 500 000.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

5.   REKWIŻITI TA' AMMISSIBBILTÀ

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu mhux iktar tard mill-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 3;

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu fl-indirizz għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet imsemmi fit-Taqsima 14;

L-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati bil-miktub (ara t-Taqsima 14), billi jintużaw il-formola tal-applikazzjoni u l-annessi disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/;

Il-proposti jridu jitfasslu b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-applikanti huma mħeġġa jippreżentaw il-proposta tagħhom bl-Ingliż biex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

L-applikanti jistgħu jippreżentaw applikazzjoni waħda biss għal din is-sejħa għall-proposti.

In-nuqqas ta' konformità ma' dawk ir-rekwiżiti jaf iwassal biex l-applikazzjoni ma tintlaqax.

6.   KRITERJI TA' ELIĠIBBILTÀ

6.1.   Applikanti eliġibbli

L-applikant (u l-entitajiet affiljati tiegħu, jekk ikun hemm) għandu jkun entità ġuridika stabbilita fi Stat Membru tal-UE.

L-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali applikabbli jistgħu jkunu applikanti eliġibbli, diment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità li jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi f'isimhom, u li dawn joffru garanziji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkunu ekwivalenti għal dawk offruti minn persuni ġuridiċi.

Jenħtieġ li d-dokumenti ta' sostenn jiġu pprovduti flimkien mal-formola tal-applikazzjoni.

Il-persuni fiżiċi, kif ukoll l-entitajiet stabbiliti biss għall-implimentazzjoni ta' miżura ta' informazzjoni bħala parti minn din is-sejħa għall-proposti mhumiex applikanti eliġibbli.

Eżempji ta' organizzazzjonijiet eliġibbli:

organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ (privati jew pubbliċi),

awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali, reġjonali, lokali),

assoċjazzjonijiet Ewropej,

universitajiet,

istituzzjonijiet edukattivi,

ċentri ta' riċerka,

kumpaniji privati (pereżempju kumpaniji tal-midja tal-komunikazzjoni).

Entitajiet affiljati

L-entitajiet ġuridiċi li jkollhom rabta ġuridika jew ta' kapital mal-applikanti, li la tkun limitata għall-miżura ta' informazzjoni u lanqas ma tkun stabbilita biss għall-implimentazzjoni tagħha (eż. membri ta' netwerks, federazzjonijiet, trejdjunjins), jistgħu jieħdu sehem fil-miżura ta' informazzjoni bħala entitajiet affiljati u jistgħu jiddikjaraw il-kostijiet eliġibbli kif speċifikat fit-Taqsima 11.1.

Jenħtieġ li r-rabta ġuridika u ta' kapital la tkun limitata għall-miżura ta' informazzjoni u lanqas ma tkun stabbilita biss għall-implimentazzjoni tagħha.

Ir-rabta ġuridika u ta' kapital li tiddefinixxi l-affiljazzjoni tħaddan tliet kunċetti:

(i)

Il-kontroll, kif iddefinit fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (4).

Għaldaqstant l-entitajiet affiljati ma' benefiċjarju jistgħu jkunu:

Entitajiet ikkontrollati direttament jew indirettament mill-benefiċjarju (kumpaniji filjali jew sussidjarji primarji). Jistgħu jkunu wkoll entitajiet ikkontrollati minn entità kkontrollata mill-benefiċjarju (kumpaniji sottofiljali jew sussidjarji sekondarji) u l-istess japplika għal-livelli l-oħra ta' kontroll,

Entitajiet li jikkontrollaw direttament jew indirettament lill-benefiċjarju (kumpaniji omm). Bl-istess mod, jistgħu jkunu entitajiet li jikkontrollaw entità li tikkontrolla lill-benefiċjarju,

Entitajiet ikkontrollati direttament jew indirettament bl-istess mod bħall-benefiċjarju (kumpaniji kofiljali).

(ii)

Sħubija, jiġifieri l-benefiċjarju jkun iddefinit ġuridikament pereżempju bħala netwerk, federazzjoni, assoċjazzjoni, li fih/a jipparteċipaw ukoll l-entitajiet affiljati proposti jew jipparteċipa l-benefiċjarju fl-istess entità (pereżempju netwerk, federazzjoni, assoċjazzjoni) bħall-entitajiet affiljati proposti.

(iii)

Il-każ speċifiku tal-korpi pubbliċi u tal-entitajiet ta' proprjetà pubblika.

L-entitajiet ta' proprjetà pubblika u l-korpi pubbliċi (l-entitajiet stabbiliti hekk skont il-liġi nazzjonali, Ewropea jew internazzjonali) mhux dejjem jitqiesu bħala entitajiet affiljati (pereżempju, l-universitajiet pubbliċi jew iċ-ċentri ta' riċerka).

Il-kunċett ta' affiljazzjoni fl-isfera pubblika jkopri:

Il-livelli differenti tal-istruttura amministrattiva fil-każ ta' amministrazzjoni deċentralizzata (eż. il-ministeri nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-każ ta' entitajiet ġuridiċi separati) jistgħu jitqiesu bħala affiljati mal-Istat;

Korp pubbliku stabbilit minn awtorità pubblika biex jaqdi skop amministrattiv u li jkun sorveljat mill-awtorità pubblika. Din il-kundizzjoni trid tiġi vverifikata abbażi tal-istatuti jew ta' atti oħra li jistabbilixxu l-korp pubbliku. Mhux neċessarjament tinvolvi l-finanzjament sħiħ jew parzjali tal-korp pubbliku mill-baġit pubbliku (eż. l-iskejjel nazzjonali affiljati mal-Istat).

Dawn li ġejjin mhumiex entitajiet affiljati ma' benefiċjarju:

Entitajiet li daħlu f'kuntratt jew f'sottokuntratt (ta' akkwist) mal-benefiċjarju, jaġixxu bħala konċessjonarji jew delegati tas-servizzi pubbliċi għall-benefiċjarju,

Entitajiet li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-benefiċjarju,

Entitajiet li jikkooperaw fuq bażi regolari mal-benefiċjarju abbażi ta' memorandum ta' qbil jew billi jikkondividu xi assi,

Entitajiet li ffirmaw ftehim ta' konsorzju skont il-ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji,

Entitajiet li ffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni għal proġetti ta' ġemellaġġ.

Jekk l-entitajiet affiljati jieħdu sehem fil-miżura ta' informazzjoni, l-applikazzjoni għandha:

tidentifika lil dawn l-entitajiet affiljati fil-formola tal-applikazzjoni,

tinkludi l-ftehim bil-miktub tal-entitajiet affiljati,

tipprovdi d-dokumenti ta' sostenn li jippermettu li ssir il-verifika tal-konformità tagħhom mal-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' nonesklużjoni.

Sabiex tiġi vvalutata l-eliġibbiltà tal-applikanti, l-applikant u l-entitajiet affiljati tiegħu huma mitluba jipprovdu d-dokumenti ta' sostenn li ġejjin:

entità privata: estratt mill-ġurnal uffiċjali, kopja tal-istatut ta' assoċjazzjoni, estratt mir-reġistru kummerċjali jew ta' assoċjazzjoni, ċertifikat ta' responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT (jekk, bħal f'xi pajjiżi, in-numru tar-reġistru kummerċjali u n-numru tal-VAT huma identiċi, ikun meħtieġ wieħed biss minn dawn id-dokumenti);

entità pubblika: kopja tar-riżoluzzjoni, tad-deċiżjoni jew ta' dokument uffiċjali ieħor li jistabbilixxi lill-entità tal-liġi pubblika;

entitajiet mingħajr personalità ġuridika: dokumenti li jipprovdu evidenza li kull rappreżentant tagħhom ikollu l-kapaċità li jissodisfa l-obbligi ġuridiċi f'isimhom.

Għall-applikanti Brittaniċi: Jekk jogħġbok kun af li jrid ikun hemm konformità mal-kriterji ta' eliġibbiltà tul id-durata sħiħa tal-għotja finanzjarja. Jekk ir-Renju Unit jirtira mill-UE matul il-perjodu tal-għotja finanzjarja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura b'mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, ma tibqax tirċievi finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, meta dan ikun possibbli) jew tiġi mitlub titlaq mill-proġett abbażi tal-Artikolu II.17 (Terminazzjoni tal-ftehim mill-Kummissjoni) tal-Ftehim dwar l-Għotjiet Finanzjarji.

6.2.   Attivitajiet eliġibbli u perjodu ta' implimentazzjoni skont din is-sejħa għall-proposti

A.

Jenħtieġ li l-miżuri ta' informazzjoni jinkludu attività waħda jew diversi attivitajiet bħal pereżempju:

Produzzjoni u distribuzzjoni ta' materjal multimedjatiku jew awdjoviżiv,

Kampanji fuq il-web u fuq il-midja soċjali,

Avvenimenti tal-midja,

Konferenzi, seminars, workshops u studji dwar kwistjonijiet relatati mal-PAK.

B.

Jenħtieġ li l-miżuri ta' informazzjoni jiġu implimentati:

fil-livell multireġjonali jew nazzjonali ta' Stat Membru tal-UE, jew

fil-livell tal-Unjoni Ewropea (f'minn tal-inqas żewġ Stati Membri).

C.

L-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli:

miżuri meħtieġa bil-liġi,

laqgħat ġenerali jew statutorji,

appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi.

D.

Il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-miżuri ta' informazzjoni

Id-durata massima tal-miżuri ta' informazzjoni hija ta' 12-il xahar.

Applikazzjoni għal proġetti skedati għal perjodu ta' żmien itwal minn dak speċifikat f'din is-sejħa għall-proposti ma tiġix aċċettata.

7.   KRITERJI TA' ESKLUŻJONI

7.1.   Esklużjoni

L-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni għandu jeskludi lil applikant milli jipparteċipa fi proċeduri ta' sejħa għall-proposti meta:

(a)

l-applikant ikun falla, ikun soġġett għal proċeduri ta' insolvenza jew ta' likwidazzjoni, meta l-assi tiegħu jkunu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew minn qorti, meta jkun jinsab f'arranġament ma' kredituri, meta l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jkunu sospiżi, jew meta jkun qiegħed f'xi sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-liġijiet jew fir-regolamenti nazzjonali;

(b)

ikun ġie stabbilit b'sentenza finali jew b'deċiżjoni amministrattiva finali li l-applikant jkun kiser l-obbligi tiegħu marbuta mal-ħlas ta' taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont il-liġi tal-pajjiż li fih ikun stabbilit, skont il-liġi tal-pajjiż li fih jinsab l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni jew skont il-liġi tal-pajjiż tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(c)

ikun ġie stabbilit b'sentenza finali jew b'deċiżjoni amministrattiva finali li l-applikant huwa ħati ta' mġiba professjonali gravi peress li jkun kiser il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni tal-applikant, jew peress li jkun ħati ta' xi mġiba ħażina li jkollha impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu meta din it-tip ta' mġiba tkun tindika intenzjoni ħażina jew negliġenza gravi, inkluż, b'mod partikolari, kwalunkwe wieħed mill-eżempji li ġejjin:

(i)

informazzjoni qarrieqa bi frodi jew b'negliġenza li tkun meħtieġa biex issir verifika tan-nuqqas ta' raġunijiet għal esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji tal-għażla jew fl-eżekuzzjoni ta' kuntratt, ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji jew deċiżjoni dwar l-għotjiet finanzjarji;

(ii)

ftehim ma' applikanti oħra bl-għan li ssir distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(iii)

ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(iv)

tentattiv li jiġi influwenzat il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura tal-għoti;

(v)

it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista' tagħti vantaġġi indebiti lill-applikant fil-proċedura tal-għoti;

(d)

ikun ġie stabbilit b'sentenza finali li l-applikant huwa ħati ta' kwalunkwe wieħed mill-eżempji li ġejjin:

(i)

frodi, skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, imfassla bl-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995;

(ii)

korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imfassla bl-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 1997, u fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI (5), kif ukoll korruzzjoni kif definita fil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab l-awtorità kontraenti, fil-pajjiż li fih ikun stabbilit l-applikant jew il-pajjiż tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(iii)

parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (6);

(iv)

ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(v)

reati marbuta mat-terroriżmu jew reati marbuta ma' attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (8), rispettivament, jew inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattiv ta' twettiq ta' reati bħal dawn, kif imsemmija fl-Artikolu 4 ta' dik id-Deċiżjoni;

(vi)

tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta' traffikar tal-bnedmin kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(e)

l-applikant ikun wera nuqqasijiet sinifikanti fil-konformità mal-obbligi ewlenin tal-eżekuzzjoni ta' kuntratt, ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji jew deċiżjoni dwar għotjiet finanzjarji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, li wasslu għal terminazzjoni bikrija jew għall-applikazzjoni ta' danni likwidati jew penali kuntrattwali oħra, jew li jkun ġie skopert wara li jkunu saru verifiki, awditjar jew investigazzjonijiet minn uffiċjal ta' awtorizzazzjoni, mill-OLAF jew mill-Qorti tal-Awdituri;

(f)

ikun ġie stabbilit b'sentenza finali jew b'deċiżjoni amministrattiva finali li l-applikant ikun wettaq irregolarità skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (10).

(g)

għas-sitwazzjonijiet ta' mġiba professjonali gravi, frodi, korruzzjoni, reati kriminali oħra, nuqqasijiet sinifikanti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew irregolarità, l-applikant ikun soġġett għal:

(i)

fatti stabbiliti fil-kuntest ta' awditjar jew ta' investigazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Awdituri, mill-OLAF jew minn awditjar intern, jew kwalunkwe verifika, awditjar jew kontroll oħra/ieħor li jsiru taħt ir-responsabbiltà ta' uffiċjal ta' awtorizzazzjoni ta' istituzzjoni tal-UE, ta' uffiċċju Ewropew jew ta' aġenzija jew ta' korp tal-UE;

(ii)

deċiżjonijiet amministrattivi mhux finali li jistgħu jinkludu miżuri dixxiplinari meħuda mill-korp ta' superviżjoni kompetenti li jkun responsabbli għall-verifika tal-applikazzjoni tal-istandards ta' etika professjonali;

(iii)

deċiżjonijiet tal-BĊE, tal-BEI, tal-Fond Ewropew tal-Investiment jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(iv)

deċiżjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew deċiżjonijiet ta' awtorità kompetenti nazzjonali marbuta mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.

(v)

deċiżjonijiet ta' esklużjoni minn uffiċjal ta' awtorizzazzjoni ta' istituzzjoni tal-UE, ta' uffiċċju Ewropew jew ta' aġenzija jew ta' korp tal-UE.

7.2.   Miżuri ta' rimedju

Jekk applikant jiddikjara waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni elenkati hawn fuq (ara t-Taqsima 7.1), dan jenħtieġ li jindika l-miżuri li ħa biex jirrimedja għas-sitwazzjoni ta' esklużjoni, u għaldaqstant juri l-affidabbiltà tiegħu. Dan jista' jinkludi, pereżempju, miżuri tekniċi, ta' organizzazzjoni jew tal-persunal li jipprevjenu iktar okkorrenzi, kumpens għal dannu jew ħlas ta' multi. L-evidenza dokumentarja rilevanti li turi l-miżuri ta' rimedju meħuda trid tiġi annessa mad-dikjarazzjoni. Dan ma japplikax għas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (d) tat-Taqsima 7.1.

7.3.   Proposti li ma jintlaqgħux għas-sejħa għall-proposti

L-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni ma għandux jagħti għotja finanzjarja lil applikant li:

a.

ikun f'sitwazzjoni ta' esklużjoni stabbilita skont it-Taqsima 7.1;

b.

ikun għamel dikjarazzjoni falza dwar l-informazzjoni meħtieġa bħala kundizzjoni biex jipparteċipa fil-proċedura jew ma jkunx ipprovda dik l-informazzjoni;

c.

kien involut preċedentement fit-tħejjija tad-dokumenti ta' sejħiet għal proposti meta dan ikun ifisser distorsjoni tal-kompetizzjoni li ma setgħetx tiġi rimedjata mod ieħor.

L-istess kriterji ta' esklużjoni japplikaw għall-entitajiet affiljati.

Meta jkun applikabbli, jistgħu jiġu imposti penali amministrattivi u finanzjarji fuq l-applikanti, jew fuq l-entitajiet affiljati, li jkunu ħatja ta' xi dikjarazzjoni falza.

7.4.   Dokumenti ta' sostenn

L-applikanti u l-entitajiet affiljati jridu jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom li tiċċertifika li mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 136(1) u fl-Artikolu 141 tar-Regolament Finanzjarju, billi jimlew il-formola rilevanti mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni li takkumpanja s-sejħa għall-proposti u li hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Dan l-obbligu jista' jiġi ssodisfat b'mod wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

l-applikant jiffirma dikjarazzjoni f'ismu u f'isem l-entitajiet affiljati tiegħu JEW

(ii)

kemm l-applikant kif ukoll l-entitajiet affiljati tiegħu jiffirmaw dikjarazzjoni separata f'isimhom stess.

8.   KRITERJI TAL-GĦAŻLA

8.1.   Kapaċità finanzjarja

L-applikanti jrid ikollhom sorsi stabbli u suffiċjenti ta' finanzjament għaż-żamma tal-attività tagħhom tul id-durata tal-għotja finanzjarja u biex jipparteċipaw fil-finanzjament tagħha. Il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti se tiġi vvalutata abbażi tad-dokumenti ta' sostenn li ġejjin li jridu jiġu ppreżentati flimkien mal-applikazzjoni:

dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom u

JEW

ir-rapport tal-introjtu kif ukoll il-karta tal-bilanċ għall-aħħar sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet ingħalqu;

għal entitajiet ġodda li għadhom kemm inħolqu: il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jaf jieħu post id-dokumenti msemmija hawn fuq;

JEW INKELLA

it-tabella prevista fil-formola tal-applikazzjoni, kompluta biċ-ċifri statutorji tal-kontabbiltà rilevanti, sabiex jiġu kkalkulati l-proporzjonijiet kif deskritt fil-formola.

Abbażi tad-dokumenti ppreżentati, jekk l-Uffiċjal ta' Awtorizzazzjoni Responsabbli (RAO) iqis li l-kapaċità finanzjarja hija dgħajfa, jista' jitlob għal iktar informazzjoni;

Jekk ir-RAO jikkunsidra li l-kapaċità finanzjarja mhijiex biżżejjed, ma jilqax l-applikazzjoni.

8.2.   Kapaċità operazzjonali

L-applikanti jrid ikollhom il-kompetenzi professjonali kif ukoll il-kwalifiki xierqa meħtieġa biex jikkompletaw il-miżura ta' informazzjoni proposta. F'dan ir-rigward, l-applikanti għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom, u d-dokumenti ta' sostenn li ġejjin:

curriculum vitae jew deskrizzjoni tal-profil tal-persuni primarjament responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni (akkumpanjati meta jkun xieraq, bħal fil-qasam tal-edukazzjoni, minn lista ta' pubblikazzjonijiet rilevanti). F'dak li jirrigwarda b'mod partikolari l-maniġer tal-miżura ta' informazzjoni, għandu jkollu minn tal-inqas ħames (5) snin esperjenza fi proġetti simili;

ir-rapporti tal-attività tal-organizzazzjonijiet;

lista ta' proġetti u ta' attivitajiet preċedenti mwettqa u konnessi mal-qasam ta' politika ta' din is-sejħa jew mal-miżuri ta' informazzjoni li jridu jitwettqu (ara l-Formola ta' Applikazzjoni Nru 1: massimu ta' erba' proġetti/attivitajiet).

9.   KRITERJI TAL-GĦOTI

Jenħtieġ li l-għodod u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni inklużi fil-miżura ta' informazzjoni jkunu interkonnessi, u ċari fl-approċċ kunċettwali tagħhom u fir-rigward tar-riżultati li jridu jinkisbu.

L-attivitajiet skont il-miżura ta' informazzjoni jridu jiksbu outputs konkreti matul id-durata tal-miżura.

Il-miżura ta' informazzjoni trid tidentifika l-outputs mistennija rilevanti fl-istadju tal-applikazzjoni (ara l-Formola tal-Applikazzjoni 3).

Il-proposta trid tinkludi lista ta' indikaturi rilevanti (kwalitattivi/kwantitattivi) biex jitkejlu l-outputs/l-impatti mistennija tal-miżura ta' informazzjoni (ara l-Formola tal-Applikazzjoni 3).

L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-rilevanza tal-miżura: l-analiżi ex ante tal-ħtiġijiet u tal-objettiv speċifiku, li jista' jitkejjel, li jista' jinkiseb, u li hu rilevanti, kif ukoll il-karattru innovattiv tagħha. (25 punt; il-minimu meħtieġ huwa 12,5-il punt)

2.

L-effettività tal-miżura: it-temi, il-messaġġi u l-pubbliku fil-mira, kif ukoll il-programm dettaljat, l-iskeda taż-żmien u l-metodoloġija tal-evalwazzjoni ex post. (25 punt; il-minimu meħtieġ huwa 12,5-il punt)

3.

L-effiċjenza tal-miżura: il-kosteffettività f'termini tar-riżorsi proposti. (25 punt; il-minimu meħtieġ huwa 12,5-il punt)

4.

Il-kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti: il-kwalità tal-proċeduri, l-allokazzjoni tal-kompiti bl-għan li jiġu implimentati d-diversi attivitajiet tal-miżura proposta. (25 punt; il-minimu meħtieġ huwa 12,5-il punt)

Se jingħata massimu ta' 100 punt għall-kwalità tal-proposta. Il-punteġġ ġenerali minimu meħtieġ huwa ta' 60 punt u għal kull kriterju huwa meħtieġ punteġġ minimu ta' 50 %.

10.   IMPENJI LEGALI

Fil-każ ta' għotja finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni, se jintbagħat ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji l-għotjiet finanzjarji lill-applikant, imfassal f'euro u li jiddeskrivi l-kundizzjonijiet u l-livell ta' finanzjament, flimkien mal-informazzjoni dwar il-proċedura għall-formalizzazzjoni tal-ftehim tal-partijiet.

Iż-żewġ kopji tal-ftehim oriġinali jridu jiġu ffirmati mill-benefiċjarju qabel ma jintbagħtu lura minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tkun l-aħħar li tiffirmahom.

Ta' min jinnota li l-għoti ta' għotja finanzjarja ma jistabbilix li wieħed jibqa' intitolat għalih għas-snin sussegwenti.

11.   DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

11.1.   Kostijiet eliġibbli

Il-kostijiet eliġibbli għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

jiġġarrbu mill-benefiċjarju;

jiġġarrbu matul id-durata tal-miżura ta' informazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' kostijiet marbuta mar-rapporti finali u maċ-ċertifikati tal-awditjar; il-perjodu ta' eliġibbiltà tal-kostijiet jibda kif speċifikat fil-ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji.

Jekk benefiċjarju jista' juri l-ħtieġa li jibda l-miżura ta' informazzjoni qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim, il-perjodu ta' eliġibbiltà tal-kostijiet jista' jibda qabel dak l-iffirmar. Il-perjodu ta' eliġibbiltà fl-ebda ċirkostanza ma jista' jibda qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja finanzjarja.

ikunu indikati fl-istima tal-baġit;

ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni li tkun is-soġġett tal-għotja finanzjarja;

ikunu identifikabbli u verifikabbli, u b'mod partikolari jkunu rreġistrati fir-rekords kontabilistiċi tal-benefiċjarju u jkunu stabbiliti skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż li fih il-benefiċjarju jkun stabbilit u skont il-prattiki kontabilistiċi tas-soltu tal-kostijiet tal-benefiċjarju;

ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni soċjali u tat-taxxa applikabbli;

ikunu raġonevoli, ġustifikati u konformi mar-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja tajba, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija u l-effiċjenza.

Il-proċeduri kontabilistiċi u tal-awditjar interni tal-benefiċjarju jridu jippermettu r-rikonċiljazzjoni diretta tal-kostijiet u tad-dħul iddikjarati fir-rigward tal-miżura ta' informazzjoni mad-dikjarazzjonijiet kontabilistiċi u mad-dokumenti ta' sostenn korrispondenti.

L-istess kriterji japplikaw għall-kostijiet li jiġġarrbu mill-entitajiet affiljati.

Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jkunu diretti jew indiretti.

11.1.1.   Kostijiet diretti eliġibbli

Il-kostijiet diretti eliġibbli għall-miżura ta' informazzjoni huma dawk il-kostijiet li:

filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà stabbiliti hawn fuq, ikunu identifikabbli bħala kostijiet speċifiċi marbuta direttament mal-prestazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni u li għalhekk jistgħu jiġu assenjati direttament lilha bħal pereżempju:

(a)

il-kostijiet tal-persunal li jaħdem b'kuntratt tal-impjieg mal-benefiċjarju jew b'att ta' ħatra ekwivalenti u assenjat lill-miżura ta' informazzjoni, diment li dawn il-kostijiet ikunu konformi mal-prattiki tas-soltu tal-benefiċjarju fir-rigward tar-remunerazzjoni.

Dawk il-kostijiet jinkludu s-salarji reali flimkien mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u kostijiet statutorji oħra inklużi fir-remunerazzjoni. Jistgħu jinkludu wkoll remunerazzjonijiet addizzjonali, inklużi l-ħlasijiet abbażi ta' kuntratti supplimentari, tkun xi tkun in-natura ta' dawk il-kuntratti, diment li dawn jitħallsu b'mod konsistenti kull meta jkun meħtieġ l-istess tip ta' xogħol jew tkun meħtieġa l-istess tip ta' kompetenza, ikun xi jkun is-sors ta' finanzjament li jintuża;

Anke l-kostijiet tal-persuni fiżiċi li jaħdmu b'kuntratt mal-benefiċjarju, għajr b'kuntratt ta' impjieg, jew li jkunu ssekondati għand il-benefiċjarju minn parti terza bi ħlas, jistgħu jiddaħħlu ma' dawn il-kostijiet tal-persunal, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-persuna taħdem b'kundizzjonijiet simili għal dawk ta' impjegat (b'mod partikolari fir-rigward tal-mod kif inhu organizzat ix-xogħol, il-kompiti li jitwettqu u l-istabbiliment li fih jitwettqu);

(ii)

ir-riżultat tax-xogħol ikun jappartjeni għall-benefiċjarju (sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bħala eċċezzjoni); u

(iii)

il-kostijiet ma jkunux differenti b'mod sinifikanti mill-kostijiet tal-persunal li jwettaq kompiti simili b'kuntratt ta' impjieg mal-benefiċjarju;

Il-metodi rakkomandati biex jiġu kkalkolati l-kostijiet diretti tal-persunal huma pprovduti fl-Appendiċi.

(b)

il-kostijiet tal-ivvjaġġar u l-benefiċċji ta' sussistenza relatati, diment li dawn il-kostijiet ikunu konformi mal-prattiki tas-soltu tal-benefiċjarju dwar l-ivvjaġġar;

(c)

il-kostijiet tal-kiri ta' kamra jew ta' tagħmir;

(d)

il-kostijiet involuti tas-sottokuntratti, diment li l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar is-sottokuntrattar kif stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji jiġu ssodisfati;

(e)

il-kostijiet li jinqalgħu direttament minn rekwiżiti imposti mill-Ftehim (it-tixrid ta' informazzjoni, l-evalwazzjoni speċifika tal-miżura ta' informazzjoni, l-awditjar, it-traduzzjonijiet, ir-riproduzzjoni), inklużi l-kostijiet ta' garanziji finanzjarji mitluba, diment li s-servizzi korrispondenti jinxtraw skont ir-regoli dwar il-kuntratti ta' implementazzjoni stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji;

(f)

id-dazji, it-taxxi u l-imposti mħallsa mill-benefiċjarju, b'mod partikolari t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), diment li dawn ikunu inklużi fil-kostijiet diretti eliġibbli, u sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-ftehim dwar l-għotjiet finanzjarji.

11.1.2.   Kostijiet indiretti eliġibbli (kostijiet ġenerali)

Kostijiet indiretti huma kostijiet li ma jkunux marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lilha.

Ammont b'rata fissa ta' 7 % tal-kostijiet diretti eliġibbli totali tal-miżura ta' informazzjoni huwa eliġibbli bħala kostijiet indiretti, li jirrappreżenta l-kostijiet amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu bħala li jiġu imposti fuq il-miżura ta' informazzjoni.

Il-kostijiet indiretti jaf ma jinkludux il-kostijiet li jiddaħħlu f'intestatura oħra tal-baġit.

L-applikanti tajjeb li jinnotaw il-fatt li jekk qed jirċievu għotja finanzjarja operattiva ffinanzjata mill-baġit tal-UE jew tal-Euratom, dawn ma jistgħux jiddikjaraw kostijiet indiretti għall-perjodu/i kopert(i) mill-għotja finanzjarja operattiva, sakemm ma jkunux jistgħu juru li l-għotja finanzjarja operattiva ma tkopri l-ebda kost tal-miżura ta' informazzjoni.

Sabiex dan jintwera, fil-prinċipju, jenħtieġ li l-benefiċjarju:

a.

juża l-kontabbiltà analitika tal-kostijiet li tippermetti li jiġu sseparati l-kostijiet kollha (inklużi l-kostijiet ġenerali) li jistgħu jiġu attribwiti lill-għotja finanzjarja operattiva u lill-għotja finanzjarja tal-miżura ta' informazzjoni. Għal dak l-iskop, jenħtieġ li l-benefiċjarju juża kodiċijiet kontabilistiċi u metodi ta' allokazzjoni affidabbli biex jiġi żgurat li l-allokazzjoni tal-kostijiet issir b'mod ġust, oġġettiv u realistiku.

b.

jirreġistraw b'mod separat:

il-kostijiet kollha mġarrba għall-għotjiet finanzjarji operattivi (jiġifieri l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet ġenerali taż-żamma u kostijiet operattivi oħra marbuta mal-parti tal-attivitajiet annwali tas-soltu tagħha), u

il-kostijiet kollha mġarrba għall-għotjiet finanzjarji tal-miżura ta' informazzjoni (inklużi l-kostijiet indiretti reali marbuta mal-miżura ta' informazzjoni).

Jekk l-għotja finanzjarja operattiva tkopri l-attività annwali kollha u l-baġit tas-soltu tal-benefiċjarju, dan tal-aħħar ma jkunx intitolat li jirċievi xi kostijiet indiretti skont l-għotja finanzjarja tal-miżura ta' informazzjoni.

11.2.   Kostijiet mhux eliġibbli

(a)

ir-redditu fuq il-kapital u d-dividendi mħallsa minn benefiċjarju;

(b)

id-dejn u l-imposti tas-servizzi tad-dejn;

(c)

id-dispożizzjonijiet għat-telf jew għad-djun;

(d)

l-imgħax dovut;

(e)

id-djun dubjużi;

(f)

it-telf mill-kambju;

(g)

il-kostijiet tat-trasferimenti mill-Kummissjoni imposti mill-bank ta' benefiċjarju;

(h)

il-kostijiet iddikjarati mill-benefiċjarju skont miżura ta' informazzjoni oħra li tirċievi għotja finanzjarja ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni. Dawn l-għotjiet finanzjarji jinkludu għotjiet finanzjarji mogħtija minn Stat Membru u ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni kif ukoll għotjiet finanzjarji mogħtija minn korpi għajr mill-Kummissjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-benefiċjarji li jirċievu għotja finanzjarja operattiva ffinanzjata mill-baġit tal-UE jew tal-Euratom ma jistgħux jiddikjaraw kostijiet indiretti għall-perjodu/i kopert(i) mill-għotja finanzjarja operattiva, sakemm ma jkunux jistgħu juru li l-għotja finanzjarja operattiva ma tkopri l-ebda kost tal-miżura ta' informazzjoni;

(i)

il-kontribuzzjonijiet in natura mingħand partijiet terzi;

(j)

in-nefqa eċċessiva jew imprudenti;

(k)

il-VAT deduċibbli;

(l)

ix-xiri ta' tagħmir.

11.3.   Forom tal-għotja finanzjarja

11.3.1.   Rimborż tal-kostijiet li ġġarrbu verament

L-għotja finanzjarja tiġi ddefinita bl-applikazzjoni ta' rata massima ta' kofinanzjament ta' 60 % għall-kostijiet eliġibbli li ġġarrbu verament u ddikjarati mill-benefiċjarju u mill-entitajiet affiljati tiegħu.

11.3.2.   Rata fissa

Rata fissa ta' 7 % tal-kostijiet diretti eliġibbli biex tkopri l-kostijiet indiretti, li tirrappreżenta l-kostijiet amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu bħala li jiġu imposti fuq il-miżura ta' informazzjoni. Ir-rata fissa titħallas wara l-aċċettazzjoni tal-kostijiet li abbażi tagħhom ġiet ikkalkolata.

Kundizzjonijiet għall-konformità tal-prattiki kontabilistiċi tal-kostijiet tas-soltu tal-benefiċjarju:

Il-benefiċjarju jrid jiżgura li l-prattiki kontabilistiċi tal-kostijiet li ntużaw għall-fini tad-dikjarazzjoni tal-kostijiet eliġibbli huma konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-prattiki kontabilistiċi tal-kostijiet li jintużaw iridu jikkostitwixxu l-prattiki kontabilistiċi tal-kostijiet tas-soltu tal-benefiċjarju. Il-benefiċjarju jrid japplika dawk il-prattiki b'mod konsistenti, abbażi ta' kriterji oġġettivi, ikun xi jkun is-sors ta' finanzjament (finanzjament mill-UE jew finanzjament ieħor);

(b)

il-kostijiet iddikjarati jistgħu jiġu rikonċiljati direttament mal-ammonti rreġistrati fil-kontijiet ġenerali tiegħu; u

(c)

l-kategoriji ta' kostijiet li jintużaw għall-fini li jiġu stabbiliti l-kostijiet iddikjarati ma jinkludu l-ebda kost mhux eliġibbli jew kostijiet koperti diġà b'forom oħra ta' għotjiet finanzjarji.

11.4.   Baġit ibbilanċjat

L-istima tal-baġit tal-miżura ta' informazzjoni trid tinhemeż mal-formola tal-applikazzjoni. Din irid ikollha d-dħul u n-nefqa bbilanċjati.

Il-baġit irid jitfassal f'euro.

Jenħtieġ li l-applikanti li għalihom il-kostijiet mhux se jiġġarbu f'euro jużaw ir-rata tal-kambju ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew fuq is-sit web tal-Infor-euro disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/inforeuro/inforeuro_en.cfm

L-applikant irid jiżgura li r-riżorsi li huma meħtieġa biex titwettaq il-miżura ta' informazzjoni jistgħu ma jkunux ipprovduti għalkollox bl-għotja finanzjarja mill-UE.

Il-kofinanzjament tal-miżura ta' informazzjoni jista' jieħu l-forma:

tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarju,

tal-introjtu ġġenerat mill-miżura ta' informazzjoni,

tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħand partijiet terzi.

Il-kofinanzjament ġenerali jista' jinkludi wkoll kontribuzzjonijiet in natura mingħand partijiet terzi, jiġifieri riżorsi mhux finanzjarji li jkunu disponibbli mingħajr ħlas mingħand partijiet terzi għall-benefiċjarju. Il-kostijiet korrispondenti ta' partijiet terzi mhumiex eliġibbli skont l-għotja finanzjarja, eż. xogħol ta' volontarjat, il-provvista ta' kamra tal-laqgħat mingħajr ħlas, eċċ.

Il-valur tal-kontribuzzjoni in natura ma jridx jaqbeż:

la l-kostijiet li verament jiġġarrbu u li jkunu jidhru fid-dokumenti kontabilistiċi ta' sostenn;

u lanqas, fin-nuqqas ta' dokumenti bħal dawn, il-kostijiet aċċettati ġeneralment fis-suq inkwistjoni.

Il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jiġu ppreżentati separatament fl-istima tal-baġit biex jirriflettu r-riżorsi totali allokati għall-miżura ta' informazzjoni. Il-valur tal-unità tagħhom jiġi evalwat fil-baġit proviżorju u ma għandux ikun soġġett għal tibdil sussegwenti.

Il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jikkonformaw mar-regoli nazzjonali tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.

11.5.   Kalkolu tal-ammont finali tal-għotja finanzjarja

L-ammont finali tal-għotja finanzjarja jiġi kkalkolat mill-Kummissjoni meta jsir il-ħlas finali. Il-kalkolu jinvolvi dawn il-passi:

Pass nru 1 — Applikazzjoni tar-rata ta' rimborż għall-kostijiet eliġibbli u żieda tal-kontribuzzjoni b'rata fissa

L-ammont fil-pass nru 1 jinkiseb bl-applikazzjoni tar-rata ta' rimborż speċifikata fit-Taqsima 11.3.1 għall-kostijiet eliġibbli aċċettati mill-Kummissjoni u ż-żieda tal-kontribuzzjoni b'rata fissa skont it-Taqsima 11.3.2.

Pass nru 2 — Limitu tal-ammont massimu tal-għotja finanzjarja

L-ammont totali li jitħallas lill-benefiċjarju mill-Kummissjoni ma jista' fl-ebda ċirkostanza jaqbeż l-ammont massimu tal-għotja finanzjarja kif indikat fil-ftehim dwar l-għotja finanzjarja. Jekk l-ammont li jinkiseb wara l-Pass nru 1 ikun ogħla minn dan l-ammont massimu, l-ammont finali tal-għotja finanzjarja jiġi limitat għal dan tal-aħħar.

Pass nru 3 — Tnaqqis minħabba r-regola kontra l-profitt

“Profitt” tfisser l-eċċess tal-ammont li jinkiseb wara l-Passi nru 1 u 2 miżjud mar-riċevuti totali tal-miżura ta' informazzjoni u diviż bil-kostijiet eliġibbli totali tal-miżura ta' informazzjoni.

Il-kostijiet eliġibbli totali tal-miżura ta' informazzjoni huma l-kostijiet eliġibbli totali kkonsolidati u approvati mill-Kummissjoni. Ir-riċevuti totali tal-miżura ta' informazzjoni huma r-riċevuti totali kkonsolidati stabbiliti, iġġenerati jew ikkonfermati fid-data meta tfasslet it-talba għall-ħlas tal-bilanċ mill-benefiċjarju.

Dawn li ġejjin huma kkunsidrati bħala riċevuti:

(a)

id-dħul iġġenerat mill-miżura ta' informazzjoni;

Jekk ikun hemm profitt, dan jitnaqqas b'mod proporzjonat mar-rata finali ta' rimborż tal-kostijiet eliġibbli reali tal-azzjoni tal-miżura ta' informazzjoni approvata mill-Kummissjoni.

Pass nru 4 — Tnaqqis minħabba implimentazzjoni mhux kif suppost jew ksur ta' obbligi oħra.

Jekk il-miżura ta' informazzjoni ma tkunx ġiet implimentata kif suppost (jiġifieri jekk ma tkunx ġiet implimentata jew tkun ġiet implimentata ħażin, parzjalment jew tard), jew jekk ikun inkiser xi obbligu ieħor skont il-Ftehim, il-Kummissjoni tista' tnaqqas l-ammont massimu tal-għotja finanzjarja.

L-ammont tat-tnaqqis ikun proporzjonat għall-grad ta' implimentazzjoni mhux kif suppost tal-miżura ta' informazzjoni jew għall-gravità tal-ksur.

11.6.   Arranġamenti ta' rappurtar u ta' ħlas

11.6.1.   Il-benefiċjarju jista' jitlob għall-ħlas, diment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-ftehim dwar l-għotja finanzjarja (eż. l-iskadenzi għall-ħlas, il-limiti massimi, eċċ.). It-talba għall-ħlas għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti pprovduti hawn taħt u deskritti fil-ftehim dwar l-għotja finanzjarja:

Talba għall-ħlas

Dokumenti ta' akkumpanjament

Ħlas tal-bilanċ

 

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-ammont ta' dan il-ħlas abbażi tal-kalkolu tal-ammont finali tal-għotja finanzjarja (ara t-Taqsima 11.5 ta' hawn fuq).

(a)

rapport tekniku finali;

(b)

rendikont finanzjarju finali;

11.7.   Kundizzjonijiet finanzjarji oħra

(a)   Għotja mhux kumulattiva u ebda finanzjament doppju

Miżura ta' informazzjoni tista' tirċievi għotja finanzjarja waħda biss mill-baġit tal-UE.

Fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jiġu ffinanzjati darbtejn l-istess kostijiet mill-baġit tal-Unjoni. Sabiex dan jiġi żgurat, l-applikanti għandhom jindikaw fl-applikazzjoni għal għotja finanzjarja s-sorsi u l-ammonti ta' finanzjament mill-Unjoni li rċevew jew li applikaw għalihom għall-istess miżura ta' informazzjoni jew għal parti mill-miżura ta' informazzjoni jew għall-funzjonament tagħha (tal-applikant) matul l-istess sena finanzjarja, kif ukoll kwalunkwe finanzjament ieħor li rċevew jew li applikaw għalih għall-istess miżura ta' informazzjoni.

(b)   Nonretroattività

L-ebda għotja finanzjarja ma tista' tingħata retrospettivament għal miżuri ta' informazzjoni li diġà jkunu ġew ikkompletati.

Għotja finanzjarja tista' tingħata għal miżura ta' informazzjoni li diġà tkun inbdiet biss meta l-applikant ikun jista' juri fl-applikazzjoni għal għotja finanzjarja l-ħtieġa li l-miżura ta' informazzjoni tinbeda qabel l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja finanzjarja.

F'dawn il-każijiet, il-kostijiet eliġibbli għal finanzjament jaf ma jkunux iġġarrbu qabel id-data ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja finanzjarja.

(c)   Kuntratti ta' implimentazzjoni/sottokuntrattar

Meta l-implimentazzjoni tal-miżura ta' informazzjoni tkun teħtieġ l-għoti ta' kuntratti tal-akkwist (kuntratti ta' implimentazzjoni), il-benefiċjarju jrid jagħti l-kuntratt lill-offerta bl-aqwa valur għall-flus jew bl-orħos prezz (kif ikun xieraq) sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess.

F'każ ta' kuntratti ta' implimentazzjoni ogħla minn EUR 60 000, il-benefiċjarju jrid isegwi r-regoli addizzjonali msemmija fil-mudell tal-ftehim dwar l-għotja finanzjarja anness mas-sejħa.

Il-benefiċjarju huwa mistenni li jiddokumenta b'mod ċar il-proċedura tal-offerti u li jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.

L-entitajiet li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' awtoritajiet kontraenti skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jew l-entitajiet kontraenti skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jridu jikkonformaw mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

Il-benefiċjarji jistgħu jesternalizzaw il-kompiti li jiffurmaw parti mill-miżura ta' informazzjoni bis-sottokuntrattar. Jekk jagħmlu dan, huma jridu jiżguraw li minbarra l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar l-aqwa valur għall-flus u n-nuqqas ta' kunflitti ta' interess, ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sottokuntrattar ma jkoprix il-kompiti ewlenin tal-miżura ta' informazzjoni;

(b)

l-użu tas-sottokuntrattar ikun iġġustifikat minħabba n-natura tal-miżura ta' informazzjoni u dak li jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha;

(c)

l-istima tal-kostijiet tas-sottokuntrattar ikunu identifikabbli b'mod ċar fl-istima tal-baġit;

(d)

kwalunkwe użu ta' sottokuntrattar, jekk ma jkunx previst fid-deskrizzjoni tal-miżura ta' informazzjoni, jiġi kkomunikat mill-benefiċjarju u approvat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tagħti l-approvazzjoni:

(i)

qabel kwalunkwe użu ta' sottokuntrattar, jekk il-benefiċjarji jitolbu emenda

(ii)

wara l-użu tas-sottokuntrattar jekk is-sottokuntrattar:

ikun iġġustifikat speċifikament fir-rapport tekniku finali u

ma jkunx jinvolvi tibdil fil-ftehim dwar l-għotja finanzjarja li jixħet dubju fuq id-deċiżjoni inkwistjoni tal-għoti tal-għotja finanzjarja jew li jmur kontra t-trattament ugwali tal-applikanti;

(e)

il-benefiċjarji jiżguraw li ċerti kundizzjonijiet applikabbli għall-benefiċjarji, elenkati fil-ftehim dwar l-għotja finanzjarja (eż. il-viżibbiltà, il-kunfidenzjalità, eċċ.), ikunu applikabbli wkoll għas-sottokuntratturi.

(d)   Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi

L-applikazzjonijiet ma jistgħux jipprevedu l-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi.

12.   PUBBLIĊITÀ

12.1.   Mill-benefiċjarji

Il-benefiċjarji jridu jirrikonoxxu biċ-ċar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet kollha jew fl-ambitu tal-attivitajiet li għalihom tintuża l-għotja finanzjarja.

F'dan ir-rigward, il-benefiċjarji huma meħtieġa jagħtu prominenza lill-isem u lill-emblema tal-Kummissjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet, fil-posters, fil-programmi u fil-prodotti l-oħra kollha tagħhom imwettqa fil-proġett kofinanzjat.

Biex jagħmlu dan iridu jużaw it-test, l-emblema u ċ-ċaħda ta' responsabbiltà li huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Jekk dan ir-rekwiżit ma jiġix issodisfat għalkollox, l-għotja finanzjarja tal-benefiċjarju tista' titnaqqas skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-għotja finanzjarja.

12.2.   Mill-Kummissjoni

Bl-eċċezzjoni ta' boroż ta' studju mħallsa lil persuni fiżiċi u appoġġ dirett ieħor imħallas lil persuni fiżiċi l-iktar fil-bżonn, l-informazzjoni kollha relatata mal-għotjiet finanzjarji mogħtija matul sena finanzjarja għandha tiġi ppubblikata fuq sit tal-Internet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja li fiha ngħataw l-għotjiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni se tippubblika l-informazzjoni li ġejja:

isem il-benefiċjarju;

l-indirizz tal-benefiċjarju meta dan tal-aħħar ikun persuna ġuridika, ir-reġjun meta l-benefiċjarju jkun persuna fiżika, kif iddefinit fil-livell NUTS 2 jekk ikun domiċiljat fl-UE jew l-ekwivalenti jekk ikun domiċiljat 'il barra mill-UE;

is-suġġett tal-għotja finanzjarja;

l-ammont li ngħata.

Fuq talba motivata u debitament sostanzjata mill-benefiċjarju, għandha tingħata deroga biex ma jkunx hemm pubblikazzjoni jekk tali divulgazzjoni tissogra li thedded id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati kif protetti bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew jekk tkun ta' ħsara għall-interessi kummerċjali tal-benefiċjarji.

13.   IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI

It-tweġiba għal kwalunkwe sejħa għall-proposti tinvolvi r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta' data personali (bħall-isem, l-indirizz u s-CV). Din id-data tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (13). Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-mistoqsijiet u kwalunkwe data personali mitluba li jkun hemm bżonn għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni skont is-sejħa għall-proposti se jiġu pproċessati biss għal dak l-iskop mill-Unità R5 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

Il-Kummissjoni tista' tirreġistra data personali fis-Sistema ta' Individwazzjoni u ta' Esklużjoni Bikrija, jekk il-benefiċjarju jkun jinsab f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 136(1) u 141 tar-Regolament Finanzjarju (għal iktar informazzjoni ara d-Dikjarazzjoni ta' Privatezza fuq:

http://ec.europa.eu/budget/library/explained/management/protecting/privacy_statement_edes_en.pdf)

14.   PROĊEDURA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-PROPOSTI

Il-proposti jridu jiġu ppreżentati sal-14 ta' Diċembru 2018.

Ma hi permessa l-ebda modifika fl-applikazzjoni ladarba tgħaddi l-iskadenza għall-preżentazzjoni. Madankollu, jekk ikun hemm bżonn li jiġu ċċarati ċerti aspetti jew li jiġu kkoreġuti xi żbalji klerikali, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja lill-applikant matul il-proċess ta' evalwazzjoni.

Id-data ta' skadenza għall-preżentazzjoni tal-mistoqsijiet hija l-4 ta' Diċembru 2018.

L-applikanti se jiġu infurmati bil-miktub bir-riżultati tal-proċess tal-għażla.

Preżentazzjoni fuq karta

Il-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/.

L-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati fil-formoli t-tajba, debitament ikkompletati u datati. Dawn iridu jiġu ffirmati mill-persuna awtorizzata li tidħol f'impenji li jorbtu legalment f'isem l-organizzazzjoni li tkun qed tapplika.

Meta jkun applikabbli, l-informazzjoni addizzjonali kollha meqjusa neċessarja mill-applikant tista' tiġi inkluża fuq folji separati.

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu f'dan l-indirizz li ġej:

European Commission Unit AGRI. B.1

Call for proposals 2018/C 395/03

To the attention of Head of Unit

L130 4/053

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

bil-posta, tgħodd id-data tat-timbru tal-posta;

bis-servizz tal-kurriera, tgħodd id-data tal-wasla tas-servizz tal-kurriera.

personalment, tgħodd id-data tal-wasla, fl-indirizz li ġej:

Kunsinna bl-idejn/posta express:

European Commission

Central Mail Service

Avenue du Bourget, no 1/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Irid jinkiseb dokument tal-wasla bħala prova tal-preżentazzjoni, li jkun iffirmat u datat mill-uffiċjal fid-dipartiment ċentrali tal-posta tal-Kummissjoni li jkun irċieva l-applikazzjoni. Id-dipartiment ikun miftuħ mit-8:00 sal-17:00 mit-Tnejn sal-Ħamis, u mit-8:00 sal-16:00 nhar ta' Ġimgħa. Ikun magħluq nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd u fil-btajjel tal-Kummissjoni.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-faks jew bil-posta elettronika mhux se jiġu aċċettati.

Minbarra l-preżentazzjoni fuq karta, l-applikant huwa mitlub jippreżenta kopja elettronika tal-proposta u l-annessi kollha tagħha fuq CD-ROM jew fuq USB stick fl-istess envelopp mal-verżjoni fuq karta. Il-kopja fuq karta tingħata preċedenza. L-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet se tiġi evalwata abbażi tal-preżentazzjoni fuq karta.

Kuntatti

Punt ta' kuntatt għal kwalunkwe mistoqsija: agri-grants@ec.europa.eu

Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet frekwenti se jiġu ppubblikati fuq: https://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/.

Annessi

Il-formola tal-applikazzjoni, inklużi t-tabelli tal-baġit (flimkien mal-lista ta' dokumenti li jridu jiġu pprovduti), hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Il-mudell tal-ftehim dwar l-għotja finanzjarja, inkluż il-mudell tar-rapport finanzjarju u tekniku, huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/

Il-formola tal-entità legali hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/legal_entities/legal-entities_en.cfm#mt

Il-formola tal-identifikazzjoni finanzjarja hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/financial_id/financial-id_en.cfm#mt


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta' għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fi stabbilimenti edukattivi (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 1).

(4)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(5)  ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

(6)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

(7)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(8)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

(9)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(10)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(11)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(12)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.