10.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 281/20


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI 2018 – EAC/A01/2018

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

(2018/C 281/07)

1.   Introduzzjoni u għanijiet

Din is-sejħa għall-proposti hija soġġetta għall-adozzjoni mill-awtorità leġiżlattiva tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1288/2013, (UE) Nru 1293/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (1) u għall-opinjoni pożittiva jew għan-nuqqas ta’ opinjoni mill-Kumitat imsemmi fl-att bażiku dwar il-programm ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-2018.

2.   Azzjonijiet

Din is-sejħa għall-proposti tkopri dawn l-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà:

Sħubiji ta’ Volontarjat

Proġetti ta’ Volontarjat

Timijiet ta’ Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja

Traineeships u Impjiegi

Proġetti ta’ Solidarjetà

Tikketta tal-Kwalità

3.   Eliġibbiltà

Kwalunkwe korp pubbliku jew privat jista’ japplika għal finanzjament fil-kuntest tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Barra minn hekk, gruppi ta’ żgħażagħ irreġistrati fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, jistgħu japplikaw għal finanzjament għal Proġetti ta’ Solidarjetà.

Il-korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin:

It-28 Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jieħdu sehem sħiħ fl-azzjonijiet kollha tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Barra minn hekk, ċerti azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huma miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet minn:

il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja;

il-pajjiżi kandidati tal-UE: it-Turkija, u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

il-Pajjiżi Msieħba.

Jekk jogħġbok ara l-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal aktar dettalji dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni.

Għall-applikanti Brittaniċi: Jekk jogħġbok kun af li jrid ikun hemm konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà tul id-durata sħiħa tal-għotja. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja finanzjarja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, int ma tirċevix aktar finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn hu possibbli) jew tkun mitlub tieqaf mill-proġett abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-għotja finanzjarja dwar it-terminazzjoni.

4.   Baġit u durata tal-proġetti

Il-baġit totali allokat għal din is-sejħa għall-proposti huwa stmat għal EUR 44 241 725:

Il-baġit totali allokat għas-sejħa għall-proposti, kif ukoll it-tqassim tiegħu huma indikattivi u huma bbażati fuq:

EUR 30 339 725 għall-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għas-sena 2018

Ammonti addizzjonali minn Programmi oħra tal-UE li se jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ solidarjetà:

EUR 11 102 000 mill-Fond Soċjali Ewropew;

EUR 1 800 000 mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

EUR 1 000 000 mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

Il-baġit totali huwa soġġett għall-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-2018 għall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Għalhekk fir-rigward tal-baġit disponibbli għal kull azzjoni koperta mis-sejħa, l-applikanti potenzjali huma mistiedna jikkonsultaw b'mod regolari [https://ec.europa.eu/youth/solidarity-corps] għal rettifika ta’ din is-sejħa għall-proposti.

5.   Data ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet imsemmija hawn taħt jistgħu jitressqu san-12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Sħubiji ta’ Volontarjat

Is-16 ta’ Ottubru 2018

Proġetti ta’ Volontarjat

Is-16 ta’ Ottubru 2018

Timijiet ta’ Volontarjat f’oqsma ta’ prijorità għolja

It-18 ta’ Frar 2019

Traineeships u Impjiegi

Is-16 ta’ Ottubru 2018

Proġetti ta’ Solidarjetà

Is-16 ta’ Ottubru 2018

Applikazzjonijiet għat-Tikketta ta’ Kwalità jistgħu jitressqu fuq bażi kontinwa.

Jekk jogħġbok ara l-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal aktar struzzjonijiet dettaljati dwar is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.

6.   Dettalji sħaħ

Il-kundizzjonijiet ta’ din is-sejħa għall-proposti fid-dettall, inklużi l-prijoritajiet, jinsabu fil-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fuq is-sit web:

https://ec.europa.eu/youth/solidarity-corps

Il-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tifforma parti integrali minn din is-sejħa għall-proposti u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-finanzjament li jissemmew fiha japplikaw bis-sħiħ għal din is-sejħa.


(1)  COM(2017)262, 30.5.2017