5.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/4


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2018/C 234/04)

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Portugall

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkollu rilevanza simbolika għolja f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : Il-Portugall

Suġġett tal-kommemorazzjoni : 250 snin tal-Ġnien Botaniku ta’ Ajuda (“Jardim Botânico da Ajuda”)

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri siġra tad-Dracaena antika ħafna li tinsab fil-Ġnien Botaniku ta’ Ajuda u li hija simbolu tal-ġnien. Il-Ġnien Botaniku ta’ Ajuda huwa l-Unità ta’ Appoġġ Teknoloġiku tal-Università tal-Agronomija. Huwa għandu r-rwol ta’ infrastruttura għall-edukazzjoni u r-riċerka iżda huwa wkoll miftuħ għall-pubbliku. Huwa kien l-ewwel ġnien botaniku fil-Portugall ipproġettat biex jippriserva, jistudja u jiġbor l-aktar speċi numerużi possibbli mid-dinja tal-pjanti. Fuq in-naħa ta’ fuq tad-disinn, mix-xellug lejn il-lemin, f’nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni “250 ANOS JARDIM BOTÂNICO DA AJUDA”. Fil-qiegħ, mix-xellug lejn il-lemin, f’nofs ċirku, hemm l-iskrizzjoni “PORTUGAL 2018”. Eżatt taħt l-immaġni tas-siġar, fuq in-naħa tax-xellug, hemm l-inizjali tal-artist “J. FAZENDA” u fuq in-naħa tal-lemin il-marka taz-zekka “INCM”.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu :

Data tal-ħruġ : It-tieni nofs tal-2018


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).