5.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 119/1


AVVIŻ TA’ POST BATTAL CONS/AD/136/18

(2018/C 119 A/01)

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Dipartiment

Direttorat Ġenerali C — Affarijiet Barranin, Tkabbir u Protezzjoni Ċivili

Direttorat 2 — Tkabbir, Sigurtà, Protezzjoni Ċivili, Sostenn għall-Kunsill Affarijiet Barranin

Post tax-xogħol

Brussell

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

EU SECRET

DATA TAL-GĦELUQ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-25 ta’ April 2018

MIN AĦNA

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Jipprovdi pariri u appoġġ lill-membri tal-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri legali u ta’ politika, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, elaborazzjoni ta’ kompromessi, abbozzar kif ukoll l-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija tajba tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill.

Id-Dipartiment għall-Affarijiet Barranin, it-Tkabbir u l-Protezzjoni Ċivili (DĠC) jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet tal-Kunsill, b’mod partikolari lill-presidenzi b’rotazzjoni u permanenti tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill ikkonċernati, fil-qasam kollu tar-relazzjonijiet esterni tal-UE.

Id-DĠC huwa magħmul minn żewġ Direttorati: Id-Direttorat 1 li huwa inkarigat mill-Kummerċ, il-Iżvilupp, il-Kwistjonijiet Orizzontali, is-Sostenn għall-Kunsill Affarijiet Barranin u d-Direttorat 2 huwa inkarigat mit-Tkabbir, is-Sigurtà, il-Protezzjoni Ċivili u s-Sostenn għall-Kunsill Affarijiet Barranin.

Id-Direttorat 2, li għalih qed nirreklutaw Direttur, jappoġġa l-ħidma tal-Kunsill u l-korpi subordinati tiegħu, kif ukoll tal-Kunsill Ewropew u l-President tiegħu fl-oqsma tal-politika Ewropea tal-viċinat, it-tkabbir u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi kkonċernati, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni tal-UE, l-immaniġġar ta’ kriżijiet u l-pjattaforma tal-arranġamenti integrati għal rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (IPCR).

Il-kandidati għandhom ikunu jafu li r-riorganizzazzjoni tas-Segretarjat fil-ġejjieni tista’ twassal għal tibdil fil-kompiti tal-pożizzjonijiet li qed japplikaw għalihom.

X’QED INFITTXU

Qed infittxu maniġer sabiex imexxi u jimmotiva tim magħmul minn kważi 50 membru tal-persunal f’ambjent legalment u politikament kumpless. Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali, id-Direttur huwa responsabbli għal tliet Unitajiet, jagħti pariri lill-ġerarkija u, kif meħtieġ, lill-President tal-Kunsill Ewropew u t-tim tiegħu, dwar is-sustanza u l-proċedura. Id-Direttur jippjana l-użu ottimali u l-iżvilupp ulterjuri tal-membri tal-persunal tad-Direttorat u jirrappreżenta lis-SĠK fil-konfront tal-Presidenza, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u atturi esterni oħra.

Il-kandidati għall-pożizzjoni huma mitluba li jkollhom għarfien estensiv tal-politiki tal-UE, b’enfasi qawwija fuq ir-relazzjonijiet esterni. Il-kandidat magħżul ser ikun mistenni jipprovdi informazzjoni regolari u pariri ta’ kwalità tajba ħafna, dwar il-politika, inkluż fi żmien qasir u f’livell politiku għoli, ikun kapaċi jaġġusta ruħu b’mod flessibbli għall-objettivi politiċi li qed jevolvu u sitwazzjonijiet ta’ kriżi u xogħol b’ħinijiet irregolari.

Il-kariga tirrikjedi ħiliet organizzattivi u ta’ ppjanar sodi, għarfien eċċellenti dwar kwistjonijiet politiċi u istituzzjonali u ħiliet interpersonali eċċellenti.

Peress li s-SĠK jinkoraġġixxi kultura ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li għandu jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom għaldaqstant ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

Bħala maniġer tas-SĠK tkun mistenni(ja) tagħti pariri lill-ġerarkija tiegħek u lill-partijiet ikkonċernati, tmexxi lill-persunal u tirrappreżenta lis-SĠK. Għal aktar dettalji dwar il-profil tal-Maniġers Orizzontali tas-SĠK, ara l-Anness I.

SKOP ĠENERALI TAL-KARIGA

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali, tmexxi d-Direttorat tiegħek u tagħti pariri fl-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat

Tipprovdi pariri politiċi u proċedurali f’livell għoli, bil-fomm u bil-miktub, lill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Coreper u l-presidenzi tagħhom u lis-Segretarju Ġenerali dwar l-aspetti kollha tad-dossiers li jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttorat

Tgħin lill-presidenza fin-negozjati u tiżgura komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħrajn f’dan il-qasam

KOMPITI

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali, tmexxi d-Direttorat tiegħek, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva l-persunal f’xogħlu

Tiddefinixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu u tikkontribwixxi biex jintlaħqu billi tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat u tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tiegħu

Tirrappreżenta s-servizz tiegħek fil-livell ta’ Diretturi kemm fis-SĠK kif ukoll esternament, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet tiegħek mal-presidenza b’rotazzjoni, u mal-istituzzjonijiet l-oħra

Tipparteċipa u/jew tassisti f’negozjati u laqgħat ta’ informazzjoni sabiex jintlaħqu kompromessi u soluzzjonijiet

Tiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti pprovduti mid-Direttorat

Tiżgura l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi kemm fi ħdan id-Direttorat kif ukoll mas-servizzi l-oħra tas-SĠK

Tiżgura l-ġestjoni professjonali tar-riżorsi tad-Direttorat

Tagħti pariri lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Coreper u lill-presidenzi tagħhom u lis-Segretarju Ġenerali dwar l-aspetti kollha tad-dossiers biex tikkontribwixxi għas-sejbien ta’ soluzzjonijiet

Tanalizza d-dossiers bi tħejjija għad-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali

Iżżomm kuntatti ma’ interlokuturi esterni u tirrappreżenta lis-SĠK f’fora esterni

Tiżgura li jitħarsu r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fl-oqsma rilevanti tad-Direttorat

Tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-qasam ikkonċernat

Tikkoordina l-preżentazzjoni lill-Kunsill tal-proposti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-SĠK

AMBJENT TAX-XOGĦOL

Il-preżenza tiegħek barra l-ħinijiet normali tax-xogħol tkun meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-servizz u għal laqgħat tal-Kunsill Ewropew u sessjonijiet tal-Kunsill li jkopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttorat

Missjonijiet barra mill-pajjiż, inkluż barra mill-UE (madwar 8 bħala medja f’kull fis-sena)

Missjonijiet regolari fil-Lussemburgu f’April, Ġunju u Ottubru

KOMPETENZI SPEĊIFIĊI

Kompetenzi professjonali

Peress li l-Franċiż u l-Ingliż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-lingwa l-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

Esperjenza professjonali fil-qasam tal-affarijiet esterni, inkluż relazzjonijiet mal-presidenzi tal-Kunsill, titqies bħala vantaġġ għall-pożizzjoni

Għarfien tajjeb ħafna tal-istruttura u l-funzjonament tal-Kunsill u r-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra

Sens tajjeb ħafna tal-ambjent politiku

Għarfien estensiv tal-politiki tal-UE u kwistjonijiet istituzzjonali

Kapaċità li tittratta informazzjoni b’diskrezzjoni

Kapaċità li tidentifika u tipproponi soluzzjonijiet għal problemi, il-kompetenza ġenerali “Ġudizzju u s-soluzzjoni tal-problemi” hija kompetenza essenzjali għall-kariga

Twettiq ta’ kompiti u ksib ta’ riżultati

Il-kompetenza ġenerali “Ippjanar u organizzazzjoni” hija kompetenza essenzjali għall-kariga

Tlaħħaq ma’ skadenzi kritiċi/sensittivi

Kwalitajiet personali

Il-kompetenza ġenerali “Sens ta’ responsabbiltà” hija kompetenza essenzjali għall-kariga

Kapaċità li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u ssolvihom

Il-kompetenza ġenerali “Adattabilità” hija kompetenza essenzjali għall-kariga

Ħiliet interpersonali

Il-kompetenza ġenerali “Komunikazzjoni interpersonali” hija kompetenza essenzjali għall-kariga

Kapaċi tmexxi u timmotiva timijiet multikulturali

Kompetenzi Maniġerjali

Ġestjoni tax-xogħol u r-riżorsi, għarfien tal-organizzazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet, ħila fit-tmexxija u żvilupp tal-persunal

MIN JISTA’ JAPPLIKA

Fil-mument tal-applikazzjoni l-applikanti għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin għall-ammissjoni:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

ikunu lestew edukazzjoni universitarja sħiħa ċċertifikata b’diploma (1);

ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali rilevanti, li minnhom mill-inqas 3 snin f’pożizzjoni maniġerjali inkarigati minn entità amministrattiva b’responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi jew f’kariga b’responsabbiltajiet sinifikanti f’termini ta’ koordinazzjoni.

KUMMENTI

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill huwa impenjat favur opportunitajiet indaqs (ara l-Anness II) u jilqa’ b’mod attiv applikazzjonijiet mill-kandidati kwalifikati kollha li ġejjin minn ambjenti differenti u mill-firxa ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli fost l-Istati Membri tal-UE. Biex jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-SĠK jinkoraġġixxi applikazzjonijiet minn nisa, li bħalissa huma anqas rappreżentati fil-livell maniġerjali.

Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani jista’ jipprovdi wkoll assistenza lil persuni b’diżabilità matul il-proċedura tar-reklutaġġ. Fuq il-post tax-xogħol jistgħu jsiru aġġustamenti raġonevoli għal persuni b’diżabilità. Is-SĠK joffri wkoll bosta miżuri għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali mal-ħajja privata. Għal aktar informazzjoni dwar dan, jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tal-Opportunitajiet Indaqs (egalite-des-chances@consilium.europa.eu).

Din il-pożizzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għad-dokumenti klassifikati (livell EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni ser jitqiesu li lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà ser jiġi jew tiġi offruta kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

L-applikanti għandhom ikunu lesti li jsegwu programm ta’ taħriġ ta’ ġestjoni tas-SĠK jekk ikun meħtieġ.

Post battal ippubblikat f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) (pożizzjoni maniġerjali superjuri).

Il-pożizzjoni ġiet ippubblikata wkoll għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea.

L-Awtorità tal-Ħatra ser tiġi megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ għażla sabiex tagħżel il-kandidat. — Il-bord konsultattiv tal-għażla ser ikollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-bord konsultattiv tal-għażla l-ewwel ser jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv tal-għażla ser jagħmel lista ristretta tal-aktar kandidati adatti li, fl-opinjoni tiegħu, għandhom jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ dan il-post battal ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv tal-għażla ser jagħmel preselezzjoni tal-kandidati biex jipparteċipaw f’ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ, kif ukoll fit-tieni intervista mal-bord konsultattiv tal-għażla.

L-ippjanar proviżorju tal-għażla huwa kif ġej:

Huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati sal-bidu ta’ Ġunju 2018;

L-ewwel intervisti huma previsti għal Ġunju 2018;

Iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni huwa previst li jsir f’Ġunju 2018;

It-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għal Lulju 2018.

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-25 ta’ April 2018.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lil Selection.of.Officials-Applications.Management.Posts@consilium.europa.eu mhux aktar tard mid-data tal-għeluq.

Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu:

(a)

il-formola tal-applikazzjoni (Anness V) mimlija u datata kif meħtieġ; il-formola tal-applikazzjoni elettronika tinstab fuq is-sit web tal-Kunsill minn dan il-link: http://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/job-opportunities/

(b)

ittra ta’ motivazzjoni, li tiddeskrivi l-esperjenza, l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidat rilevanti għall-pożizzjoni, flimkien ma’ curriculum vitae dettaljat, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, preferibbilment fil-format Europass (http://europass.cedefop.europa.eu), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant, u jelenka, fost l-oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant; u

(c)

fotokopji tad-diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u fotokopji tad-dokumenti u ċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali. Id-dokumenti ta’ prova jridu jinħarġu minn parti terza u mhux biżżejjed li sempliċiment tintbagħat is-CV msemmija f’(b).

Id-dokumenti kollha ta’ prova mehmuża mal-applikazzjoni jridu jkunu f’format ta’ test Word, pdf jew jpg, jingħataw isem (bl-EN jew bil-FR) u jkunu nnumerati f’sekwenza (Anness 1, 2, eċċ.). Trid tiġi mehmuża wkoll lista tal-annessi kollha. Applikazzjonijiet li jintbagħtu permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażata fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-fajls mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Il-kandidat magħżul jew magħżula għall-pożizzjoni ser tintalab tipprovdi l-verżjoni oriġinali tad-dokumenti msemmija hawn fuq.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-proċeduri relatati mat-talbiet għal rieżami, appelli u riferimenti għall-Ombudsman Ewropew jinsabu fl-Anness III ta’ dan l-avviż ta’ post battal.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta ma’ din il-proċedura tal-għażla jinsabu fl-Anness IV ta’ dan l-avviż ta’ post battal.


(1)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

(2)  ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1

(3)  Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 u emendati l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tat-22 ta’ Ottubru 2013 — http://eur-lex.europa.eu


ANNESS I

Il-Profil tal-Maniġers Orizzontali tas-SĠK

Bħala maniġer tas-SĠK int iżżid il-valur billi taġixxi kemm bħala konsulent kif ukoll bħala maniġer u dejjem tkun rappreżentant(a) tas-SĠK.

Fit-twettiq ta’ dawn ir-rwoli inti mistenni(ja) li:

Bħala Rappreżentant/a

Taġixxi b’integrità, esternament kif ukoll internament.

Taġixxi fl-interess tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll l-Unjoni b’mod ġenerali. Tiżgura li diverġenzi li jista’ jkun hemm jiġu identifikati u indirizzati.

Toħloq relazzjonijiet ta’ kunfidenza, fiduċja, u trasparenza, u tkun netwerker attiv(a).

Tfittex ir-riżultati u tkun influwenti, u fl-istess ħin turi rispett u sens ta’ servizz.

Bħala Konsulent/a

Tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Unjoni. Turi sens ta’ proattività u kreattività. Taħseb minn qabel u tippjana għal żviluppi futuri. Tipprovdi soluzzjonijiet.

Tagħti pariri lill-partijiet ikkonċernati tagħna biex tiffaċilita l-kisbiet tal-għanijiet tagħhom u fl-interess taż-żewġ istituzzjonijiet tagħna. Taġixxi b’manjiera oġġettiva u ġusta.

Ikollok għarfien tal-interazzjoni bejn it-teħid tad-deċiżjonijiet u d-dibattitu pubbliku. Tieħu ħsieb li l-pariri tiegħek jieħdu kont tas-sitwazzjoni politika tal-partijiet ikkonċernati tagħna u jintegraw konsiderazzjonijiet ta’ komunikazzjoni.

Tiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet leġittimu permezz tal-kooperazzjoni, relazzjonijiet ta’ xogħol tajbin u kompromess fost l-Istati Membri u mal-Istituzzjonijiet u partijiet ikkonċernati oħrajn.

Iżżomm ruħek infurmat(a) tajjeb dwar l-iżviluppi fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħek, kif ukoll lil hinn mill-ħidma immedjata tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill. Ma titlifx il-perspettiva ġenerali.

Bħala Maniġer

Tagħti awtonomizzazzjoni lill-membri tal-persunal tiegħek, tiddelega u tafda, tappoġġa u timmotiva, tagħti feedback u gwida, tinkoraġġixxi l-inizjattiva u l-kuraġġ biex il-membri tal-persunal jaħsbu b’mod kreattiv; tnaqqas il-ġerarkija u l-kontroll kemm jista’ jkun, filwaqt li tinżamm il-kwalità.

Tikkomunika b’mod ċar dwar l-objettivi u l-aspettattivi u tiżgura l-fluss ta’ informazzjoni lejn, minn u fost il-membru tal-persunal tiegħek kif ukoll ma’ DĠs, direttorati u unitajiet oħrajn.

Taġixxi dejjem fl-interess tas-SĠK kollu, mhux biss tad-DĠ, id-Direttorat jew l-Unità tiegħek, u tiżgura li nipprovdu riżultati lill-partijiet ikkonċernati tagħna. Tkisser il-kompartimentazzjoni.

Ikollok il-kuraġġ li tindirizza l-konflitti, il-prestazzjoni insuffiċjenti u diffikultajiet oħra fil-pront; tiżgura l-benessri u l-iżvilupp tal-persunal tiegħek, u taqdi l-obbligu li tieħu ħsieb il-persunal tiegħek.

Waqt li qed tmexxi u tiffaċilita l-bidla, tinvolvi lill-persunal tiegħek biex jiġi żgurat li s-SĠK ilaħħaq mal-iżviluppi u jsir aktar dinamiku, flessibbli u kollaborattiv. Tkun l-ewwel biex tagħti l-eżempju ta’ dak li qed tgħid.

Tkun responsabbli għall-aħjar użu tar-riżorsi umani u finanzjarji tas-SĠK.


ANNESS II

Opportunitajiet Indaqs fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Bħala entità li tħaddem, is-SĠK huwa responsabbli biex jiżgura l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u biex jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi.

L-għanijiet ewlenin tal-politika tiegħu ta’ Opportunitajiet Indaqs huma li:

jiżgura li l-politika tiegħu dwar ir-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-persunal tirrispetta l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

jikseb rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa, speċjalment f’pożizzjonijiet maniġerjali;

itejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità, fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-binjiet tiegħu u ta’ ambjent tax-xogħol li jkun inklużiv u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom:

L-aġġustamenti għall-persuni b’diżabilità (“akkomodazzjoni raġonevoli”) jistgħu jinvolvu l-arranġament mill-ġdid tad-doveri jew ir-responsabbiltajiet, l-għoti ta’ għajnuniet tekniċi u aġġustamenti oħra tal-ambjent tax-xogħol. Miżuri bħal dawn jittieħdu dment li ma jimponux piż eċċessiv fuq ir-riżorsi tal-istituzzjoni.

jipproteġi l-persunal tiegħu minn fastidju fuq il-post tax-xogħol;

jieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persunal li jinstab bilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u dawk familjari tagħhom billi joffri pakkett tajjeb ta’ miżuri favur il-familja, inkluż ħinijiet flessibbli ta’ xogħol, telexogħol u kondiviżjoni ta’ impjieg.

Miżuri ta’ bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata

Fis-SĠK kollu titħaddem sistema ta’ ħinijiet flessibbli tax-xogħol konformi ma’ ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol, fejn il-persunal mhux maniġerjali jista’ jirkupra l-ħin maħdum żejjed. F’bosta ambjenti ta’ xogħol, jista’ jsir qbil dwar skeda tal-ħin individwali fi ħdan is-sigħat qafas mis-07:00 sat-20:00.

Jista’ jingħata impjieg part-time, pereżempju għall-indukrar ta’ tfal dipendenti sal-età ta’ 12-il sena, jew 14-il sena meta l-uffiċjal ikun ġenitur waħdu.

Il-leave statutorju tal-maternità huwa ta’ 20 ġimgħa u meta l-omm terġa’ lura għax-xogħol tista’ tingħata sa sagħtejn kuljum għat-treddigħ. Il-missirijiet għandhom id-dritt għal leave tal-paternità mħallas ta’ għaxart ijiem. Jista’ jingħata leave tal-ġenituri għal perijodu sa sitt xhur għal kull wild bil-ħlas ta’ benefiċċju b’rata fissa. Fil-każ ta’ mard serju jew diżabilità ta’ wild, il-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri huma itwal. Jista’ jingħata wkoll leave tal-familja bil-ħlas ta’ benefiċċju b’rata fissa fil-każ ta’ membri tal-familja b’mard serju jew diżabilità.

Jingħata leave speċjali f’każijiet bħal żwieġ, twelid jew adozzjoni ta’ wild, u mewt jew mard serju ta’ membru tal-familja. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jingħata leave bla ħlas għal raġunijiet personali (CCP).

Skont il-kompiti u l-ambjent tax-xogħol, huwa possibbli t-telexogħol bl-iskema ta’ telexogħol standard (eż. jumejn fl-uffiċċju u tlett ijiem mid-dar fil-ġimgħa) jew bl-iskema ta’ telexogħol okkażjonali (sa 60 jum xogħol mid-dar fis-sena).

Il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li ġejjin huma disponibbli għall-persunal bit-tfal, skont kriterji ta’ prijorità:

il-crèche tas-SĠK għat-tfal minn 0 sa 4 snin, indukrar wara l-ħin tal-iskola u faċilitajiet fi żmien il-vaganzi organizzati mill-Kummissjoni Ewropea u attivitajiet wara l-ħin tal-iskola fl-iskejjel Ewropej.

Għal aktar informazzjoni, ibgħat posta elettronika lil egalite-des-chances@consilium.europa.eu.


ANNESS III

TALBA GĦAL RIEŻAMI — PROĊEDURI TA’ APPELL

ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, f’xi stadju tal-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni tolqtok b’mod negattiv, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

Titlob rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord konsultattiv tal-għażla

Fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-ittra li tgħarrfek b’deċiżjoni meħuda mill-bord konsultattiv tal-għażla, inti tista’ tressaq talba bil-miktub għal rieżami ta’ tali deċiżjoni, u tagħti r-raġunijiet tat-talba tiegħek, lil:

Council of the European Union

Office for Selection of Officials

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

indirizz elettroniku: Selection.of.officials@consilium.europa.eu

Proċedura ta’ appell

Tista’ tippreżenta lment kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fi żmien 3 xhur min-notifika tad-deċiżjoni, lil:

Council of the European Union

Legal Advisers to the Administration Unit, DGA 1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

indirizz elettroniku: unite.conseillers.dga1@consilium.europa.eu

Tista’ tressaq appell ġudizzjarju skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal lil:

General Court of the European Union

Rue du Fort Niedergrünewald

L-2925 Luxembourg

LUXEMBOURG

Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kull ċittadin ieħor tal-Unjoni, inti tista’ tressaq ilment lil:

The European Ombudsman

1, avenue du Président Robert Schuman – BP 403

67001 Strasbourg Cedex

FRANCE

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/262/KEFA/KE/Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman ippubblikati f’Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Nru L 113 tal-4 ta’ Mejju 1994.

Għandek tkun taf li lmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew ma għandhom ebda effett ta’ sospensjoni fuq il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal biex jiġu ppreżentati lmenti jew appelli quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


ANNESS IV

PROTEZZJONI TAD-DATA

Bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċedura tal-għażla, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiżgura li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1).

Il-bażi legali għall-proċedura tal-għażla hija r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2013/488/UE). Il-proċedura tal-għażla titmexxa taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat għar-Riżorsi Umani (DĠ A 1), Unità tal-Persunal u Mobbiltà, u l-kontrollur huwa l-kap ta’ dik l-unità. L-informazzjoni pprovduta mill-applikanti ser tkun aċċessibbli għall-membri tal-uffiċċju għall-għażla ta’ uffiċjali u l-ġerarkija ta’ superjuri tagħhom, għall-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-Għażla, u, jekk meħtieġ, għall-unità tal-konsulenti legali. L-informazzjoni amministrattiva li tidentifika l-applikant u/jew l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura jistgħu jintbagħtu lil ċentru ta’ evalwazzjoni.

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-ġbir ta’ data li tidentifika l-applikanti kollha għal pożizzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li jintgħażel wieħed minn dawk l-applikanti.

Id-data inkwistjoni hija:

data personali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-applikanti (kunjom, isem, data tat-twelid, sess, ċittadinanza);

informazzjoni pprovduta mill-applikanti biex tiffaċilita l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura (indirizz postali, indirizz elettroniku, numru tat-telefon);

informazzjoni mogħtija mill-applikanti biex ikun possibbli jiġi evalwat jekk jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni stipulati fl-avviż ta’ post battal (ċittadinanza; lingwi; kwalifiki tal-applikanti u s-sena meta nkisbu, tip ta’ diploma/lawrja, isem l-istituzzjoni minn fejn inkisbu, esperjenza professjonali);

fejn japplika, informazzjoni dwar it-tip u t-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-applikanti;

ir-riżultati tat-testijiet tal-għażla li jkunu għamlu l-applikanti, inkluż l-evalwazzjonijiet magħmula mill-konsulenti taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni f’isem il-bord tal-għażla.

L-ipproċessar jibda mid-data meta tkun waslet l-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jiġu ffajljati u jinħażnu fl-arkivji għal sentejn.

L-applikanti kollha jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika tad-data personali. Talbiet sostanzjati għandhom jintbagħtu b’posta elettronika lill-uffiċċju għall-għażla tal-uffiċjali fl-indirizz Selection.of.officials@consilium.europa.eu.

L-applikanti jistgħu jirrikorru fi kwalunkwe mument għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu).


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS V

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image