16.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/5


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2018/C 14/05)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkollu rilevanza simbolika għolja f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : Andorra

Suġġett tal-kommemorazzjoni : il-25 anniversarju tal-Kostituzzjoni Andorrana

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri l-“Monument għall-Irġiel u n-Nisa ta’ Andorra li riedu l-Kostituzzjoni”, li jinsab fil-pjazza tal-Consell General (il-Parlament ta’ Andorra). Dan il-monument juri s-siluwetti ta’ raġel u mara u jikkommemora r-rieda espressa miċ-ċittadini Andorrani, fir-referendum li sar fl-14 ta’ Marzu 1993, biex Andorra ssir stat kostituzzjonali, demokratiku u soċjali, kif espress fl-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni. Fuq in-naħa tal-lemin tal-monument hemm mappa ta’ Andorra bl-iskrizzjoni bil-Latin “VIRTVS VNITA FORTIOR” (fl-unità l-virtù hija aktar b’saħħitha), li huwa l-motto tal-istat tal-Prinċipat ta’ Andorra. Madwar id-disinn, hemm l-iskrizzjonijiet “25è ANIVERSARI DE LA CONSTITUCIÓ 1993-2018” (il-25 anniversarju tal-Kostituzzjoni 1993-2018”) u l-isem tal-pajjiż “ANDORRA”.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu :

Data tal-ħruġ : L-ewwel trimestru tal-2018


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).