16.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/4


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2018/C 14/04)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkollu rilevanza simbolika għolja f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : Spanja

Suġġett tal-kommemorazzjoni : Is-Siti ta' Wirt Kulturali u Naturali Dinji tal-UNESCO - Santiago

Deskrizzjoni tad-disinn : Il-Belt ta’ Santiago de Compostela ġiet iddikjarata Wirt Kulturali Dinji mill-UNESCO fl-1985, b’kunsiderazzjoni għas-sbuħija urbana u għall-integrità monumentali tagħha, kif ukoll is-sinifikat spiritwali u kulturali tal-belt li jidwi mill-epoka tal-Medju Evu: il-Pellegrinaġġ tal-Camino de Santiago.

Il-Camino de Santiago (Il-Mixja ta' San Ġakbu) huwa netwerk kbir ta’ rotot antiki ta’ pellegrinaġġi li jestendu fl-Ewropa kollha u jiltaqgħu fejn il-qabar ta’ San Ġakbu f’Santiago de Compostela fil-Majjistral ta’ Spanja.

Id-disinn jirriproduċi l-iskultura ta’ Santiago bħala figura fiċ-ċentru tal-Puerta Santa tal-Katidral ta’ Santiago de Compostela. Fuq in-naħa tax-xellug, fil-forma ta’ nofs tond, hemm il-kelma “ESPAÑA”, fil-parti ta’ isfel fuq in-naħa tax-xellug is-sena ta’ ħruġ “2018”, u taħt il-marka taz-zekka.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu :

Data tal-ħruġ : l-1 ta’ Frar 2018


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).