22.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 278/1


Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Avviż ta' post battal

Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni

COM/2017/20023

(2017/C 278 A/01)

 

Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, SRB) huwa l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ewropea u t-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja. Jaħdem b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti — li flimkien isawru l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Mechanism, SRM) — b’mod partikulari l-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Jikkontribwixxi biex isalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.

Il-missjoni tiegħu hi li jiżgura riżoluzzjoni ordnata tal-banek inadempjenti b’impatt minimu fuq l-ekonomija reali u fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri parteċipanti u lil hinn minnhom. Għaldaqstant, l-SRB jingħata kompiti u responsabbiltajiet speċifiċi biex iħejji u jwettaq ir-riżoluzzjoni ta' banek inadempjenti jew li probabbilment se jsiru inadempjenti.

L-SRB huwa responsabbli wkoll biex iġestixxi l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, kif stabbilit fir-Regolament SRM, biex jiżgura li l-appoġġ ta’ terminu medju jkun disponibbli waqt li bank ikun qed jiġi ristrutturat u/jew riżolut.

L-SRB hija aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tiffinanzja lilha nnifisha.

Il-post battal

Il-Kummissjoni Ewropea, b’konsultazzjoni mal-SRB, qed organizza proċedura tal-għażla għal Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni. Il-post tax-xogħol huwa Brussell (il-Belġju), fejn l-SRB għandu s-sede tiegħu.

Il-kandidat magħżul jassumi l-kompiti tiegħu

(i)

bħala Membru votanti tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-SRB — il-Bord fis-Sessjoni Plenarja u s-Sessjoni Eżekuttiva tiegħu, u

(ii)

bħala Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni fl-SRB.

Bħala Membru votanti tal-Bord fis-sessjoni Plenarja u s-Sessjoni Eżekuttiva tiegħu, huwa jikkontribwixxi b’mod attiv biex jiġu ssodisfati l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Bord, skont il-mandat tar-Regolament SRM.

Barra minn hekk, il-kandidat magħżul fil-kapaċità tiegħu ta’ Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni se jkun responsabbli għal wieħed mit-tliet Direttorati għall-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni. B’mod partikulari, il-kandidat magħżul se:

iġestixxi x-xogħol ta’ kuljum tad-Direttorat u jiżgura l-funzjonament bla xkiel u effettiv tiegħu, li jinkludi wkoll kooperazzjoni mill-qrib ma’ setturi oħra ta’ attività tal-SRB, b’mod partikulari, flimkien maż-żewġ Direttorati tar-Riżoluzzjoni l-oħra;

imexxi u jiggwida t-tħejjija tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat;

imexxi u jiggwida t-tħejjija tal-azzjonijiet u, jekk meħtieġ, id-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni dwar l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat;

iġestixxi l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat;

jissorvelja u jġestixxi l-kooperazzjoni ġenerali mal-BĊE fil-kuntest tal-ħidma bejn it-Timijiet Interni ta’ Riżoluzzjoni u t-Timijiet Superviżorji Konġunti għall-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat;

jikkontribwixxi, bħala membru tal-maniġment superjuri tal-SRB, biex jiġu determinati l-politiki u l-missjoni tal-SRB;

jikkoordina l-ipprogrammar tal-ħidma fil-livell ta’ Direttorat, jistabbilixxi l-objettivi u jiddetermina l-prijoritajiet fil-qafas ta’ ppjanar strateġiku ġenerali tal-SRB;

jikkoordina l-ħidma tal-unitajiet li jinkludu d-Direttorat, jimmotiva u jagħti appoġġ lill-maniġment intermedju biex jiksbu l-objettivi tagħhom u jilħqu l-potenzjal tagħhom flimkien ma' dak tal-membri tal-persunal tagħhom;

jimmira li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttorat skont l-iskadenzi meħtieġa u l-istandards ta’ kwalità, u jimmonitorja u jevalwa l-progress;

jiżgura kooperazzjoni u komunikazzjoni mingħajr xkiel ma’ Membri tal-Bord/Diretturi u Direttorati oħra;

jippromwovi prattiki pożittivi għall-partijiet ikkonċernati interni u esterni tad-Direttorat; kif ukoll

jikkomunika u jżomm relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u ma' kull korp ieħor pubbliku u entità privata dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat tiegħu.

Il-kandidat magħżul jirraporta lill-President tal-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet individwali tiegħu bħala d-Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni.

Kriterji ta' eliġibbiltà

Il-kandidati jridu jilħqu l-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Lawrja jew diploma universitarja:

ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar; jew

ikollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati minn diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali wara l-kisba tal-lawrja meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali: ikollu mill-inqas esperjenza professjonali postuniversitarja ta’ 20 sena wara li tkun inkisbet il-kwalifika msemmija hawn fuq, u mill-inqas għaxar snin minnhom iridu jkunu f’oqsma rilevanti għas-superviżjoni, ir-ristrutturar jew ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u r-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji (1);

Esperjenza ta' maniġment superjuri: ikollhom mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali fit-tmexxija ta' organizzazzjoni f'pożizzjoni eżekuttiva superjuri (2); kif ukoll

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea (3). Matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tal-għażla jistgħu jivverifikaw jekk l-applikanti jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista' jinkludi li parti mill-intervista ssir f'din il-lingwa l-oħra

Ma hemm l-ebda limitu ta' età.

Kriterji tal-għażla

Il-kandidati għandu jkollhom:

għarfien profond tas-settur bankarju u finanzjarju;

esperjenza profonda f’wieħed minn dawn is-setturi jew iktar: is-superviżjoni, ir-ristrutturazzjoni jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji;

sens eċċellenti ta’ tmexxija u esperjenza ta’ ħidma f’ambjent multikulturali;

il-kapaċità li jiżviluppaw u jimplimentaw viżjoni strateġika;

ħiliet ippruvati fit-teħid u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv;

esperjenza fit-tmexxija b’suċċess ta’ timijiet kbar multidixxiplinari (u, idealment, multikulturali) fuq livell maniġerjali superjuri u fil-motivazzjoni tal-persunal biex jilħqu livelli għolja ta’ prestazzjoni;

ħiliet eċċellenti ta' komunikazzjoni, ta’ preżentazzjoni u interpersonali;

ħiliet ta’ negozjar eċċellenti u l-abbiltà li jibnu relazzjonijiet ta’ ħidma sodi ma’ rappreżentanti għolja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

għarfien eċċellenti tal-Ingliż billi hija l-lingwa operattiva tal-SRB;

Għarfien tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll esperjenza fi proċessi Ewropej u internazzjonali oħra rilevanti għall-attivitajiet tal-Bord ikunu vantaġġ distintiv.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Il-Membri tal-Bord, fis-sessjoni plenarja u fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, iridu jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess tal-Unjoni biss u la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat.

Ladarba jinħatar fil-funzjoni tiegħu ta’ Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni, huwa jkun professjonista full-time u ma jista’ jkollu l-ebda kariga oħra fil-livell nazzjonali, internazzjonali jew tal-Unjoni.

Qabel jinħatar, huwa meħtieġ li jippreżenta:

dikjarazzjoni ta’ impenn li se jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku; kif ukoll

dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tal-kandidat.

Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom (4). Meta jinħatar, il-Membru tal-Bord ikun soġġett għall-Kodiċi ta’ Kondotta, u bħala Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni jkun soġġett għall-kodiċi ta’ etika u imġiba amministrattiva tajba għall-persunal u għall-SRB.

GĦAŻLA U ĦATRA

1.

Il-Kummissjoni Ewropea, b’konsultazzjoni mal-SRB, twaqqaf bord tal-għażla li jivvaluta l-applikazzjonijiet kollha. Il-kandidati li jkunu kkunsidrati li għandhom il-profil l-aktar xieraq għall-funzjoni ta’ Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni jissejħu għal intervista ma’ dan il-bord tal-għażla.

2.

Wara dawn l-intervisti, il-bord tal-għażla jfassal l-ewwel lista ta’ kandidati, ibbażata fuq il-merti tagħhom u l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ post battal. Dawn il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea (Consultative Committee on Appointments, CCA). Qabel dawn l-intervisti, il-kandidati jridu jgħaddu minn ċentru ta’ valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ.

3.

Is-CCA jadotta lista mqassra. Dawn il-kandidati jiġu mistiedna għal intervista ma’ wieħed mill-Membri tal-Kummissjoni Ewropea jew aktar.

4.

Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ għażla, u wara konsultazzjoni mal-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista mqassra ta’ kandidati xierqa għall-funzjoni ta’ Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni. Din il-lista mqassra tintbagħat lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni; fl-istess ħin, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiġi mgħarraf.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-applikanti kif ukoll dak tal-istituzzjoni, il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-proċedura tal-għażla bl-Ingliż biss. Hija tiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ indebitu lill-kelliema nattivi ta' din il-lingwa.

5.

Il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tressaq proposta għall-ħatra ta’ Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni.

Wara l-approvazzjoni ta’ din il-proposta, il-Kunsill jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jaħtar il-Membru tal-Bord u d-Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni. Il-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Din is-sejħa għal applikazzjonijiet hija l-bażi li fuqha l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħatra ta’ Membru tal-Bord u Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni lill-Parlament Ewropew tiġi stabbilita. L-inklużjoni fil-lista mqassra li tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew jew fil-proposta għal ħatra mhijiex garanzija ta’ ħatra. Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tal-kandidati li ladarba l-lista mqassra tiġi adottata mill-Kummissjoni Ewropea, hija tista' tkun disponibbli għall-pubbliku.

Opportunitajiet indaqs

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta' natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-Membru tal-Bord u d-Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni jinħatar għal perjodu mhux rinnovabbli ta’ ħames snin.

Il-Membru tal-Bord u d-Direttur tal-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet tar-Riżoluzzjoni jitqies fuq l-istess livell tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-emolumenti u l-età pensjonabbli, kif stipulat fir-Regolament Nru 422/67/KEE (5). Is-salarju tiegħu jkun ibbażat fuq il-grad AD 16, livell 3, soġġett għal fattur ta' multiplikazzjoni ugwali għal 101 % tas-salarju għal dak il-grad u l-livell (6). Madankollu, hu ma jkunx soġġett għal età massima tal-irtirar. Għall-kundizzjonijiet tal-impjieg l-oħra kollha, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra japplikaw b’analoġija.

Il-post tax-xogħol huwa Brussell (il-Belġju), fejn l-SRB għandu s-sede tiegħu.

KIF TAPPLIKA

Innota li:

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha, b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi meħtieġa; l-esperjenza professjonali u maniġerjali kif ukoll il-kapaċità lingwistika tiegħek.

Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

L-applikazzjonijiet għandhom isiru permezz tal-internet fis-sit web:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u segwi l-istruzzjonijiet li ssib hemm dwar id-diversi stadji tal-proċedura. Ikollok toħloq profil qabel ma tkun tista’ ddaħħal l-applikazzjoni tiegħek.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċess tal-għażla. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b'kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format PDF u li timla ittra ta' motivazzjoni onlajn (massimu ta' 8 000 karattru).

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra jkun fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek.

Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla, il-komunikazzjonijiet kollha lill-kandidati dwar din il-proċedura tal-għażla jkunu bl-Ingliż biss.

Jekk għandek xi diżabbiltà li minħabba fiha ma jkunx possibbli għalik li tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) bil-posta rreġistrata f'dan l-indirizz: European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, SC11 8/35, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË, u indika b'mod ċar bħala referenza: Vacancy Notice Member of the Board and Director of Resolution Planning and Decisions (COM/2017/20023), u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq folja separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Għal aktar tagħrif u/jew fil-każ ta' problemi tekniċi, ibgħat ittra permezz tal-posta elettronika lil: HR-SM-vacancies@ec.europa.eu.

Skadenza

Skadenza għall-applikazzjonijiet: it-22 ta' Settembru 2017. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fl-internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tieqaf qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li testendi d-data tal-għeluq ta’ dan il-post vakanti permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati konsultativi ta’ għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f'isimhom ma’ dawn il-kumitati huwa pprojbit.

Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-Kummissjoni u s-SRB se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).


(1)  L-esperjenza professjonali tingħadd mid-data li fiha l-kandidat ikun kiseb il-kwalifika minima għal aċċess għall-profil inkwistjoni. Attivitajiet professjonali dokumentati kif xieraq biss (jiġifieri impjieg imħallas jew impjieg indipendenti) jiġu kkunsidrati. Xogħol part-time se jitqies fi proporzjon mal-perċentwal ta’ sigħat ta’ xogħol full-time maħduma. Perjodi ta’ edukazzjoni jew taħriġ u apprendistati bla ħlas ma jitqisux. Boroż ta' studju, attività ffinanzjata permezz ta’ għotjiet kif ukoll Dottorati jistgħu jitqiesu bħala esperjenza professjonali sa massimu ta’ tliet snin.

(2)  Il-kandidati huma mitluba espliċitament li għal kull pożizzjoni ta' maniġment/ta' tmexxija miżmuma jindikaw: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet miżmuma; (2) l-għadd ta’ persunal li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits immaniġjati; u (4) l-għadd ta' livelli ġerarkiċi fuqhom u taħthom u l-għadd ta' kollegi fl-istess livell.

(3)  Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU P 17, 6.10.1958, p. 385)

(4)  https://srb.europa.eu/sites/srbsite/files/code_of_conduct.pdf

https://srb.europa.eu/sites/srbsite/files/srb_ps_2015_12.pdf

(5)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1967R0422:20040501:EN:PDF kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 904/2012: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2012:269:0001:0002:MT:PDF

(6)  Ara l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 31(KEE), 11(KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.