28.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 29/25


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI — EACEA/05/2017

Skema ta’ Mobilità Akkademika Intra-Afrikana

(2017/C 29/15)

1.   Objettivi u Deskrizzjoni

L-għan ewlieni tal-programm huwa li jippromwovi żvilupp sostenibbli u finalment jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar billi jżid id-disponibbiltà ta’ ħaddiema professjonali ta’ livell għoli mħarrġa u kkwalifikati fl-Afrika.

L-għan speċifiku tal-programm huwa li jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ studenti u persunal permezz ta’ mobilità intra-Afrikana. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Ogħla (Higher Education Institutions [HEIs]) fl-Afrika sejjer iżid l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u sejjer jinkoraġġixxi u jippermetti lill-istudenti Afrikani biex jagħmlu studji post-terzjarji fil-kontinent Afrikan. Barra minn hekk, il-mobilità tal-persunal (akkademiku u amministrattiv) sejra ttejjeb il-kapaċità ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-HEIs fl-Afrika.

B’mod akar speċifiku il-programm jimmira li:

(a)

jikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità ta’ edukazzjoni ogħla permezz tal-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni, u l-armonizzazzjoni ta’ programmi u kurrikuli fi ħdan l-istituzzjonijiet parteċipanti;

(b)

jippermetti lill-istudenti, lill-akkademiċi u lill-persunal jibbenefikaw lingwistikament, kulturalment u professjonalment mill-esperjenza miksuba fil-kuntest ta’ mobilità lejn pajjiż Afrikan ieħor;

2.   Applikanti Eliġibbli u Kompożizzjoni tas-Sħubija

Is-sħubija għandha tkun magħmula minn minimu ta’ erba’ HEIs Afrikani u minn massimu ta’ sitt HEIs Afrikani bħala msieħba (inkluż l-applikant) u minn sieħeb tekniku wieħed mill-UE.

L-applikanti u s-sieħba eliġibbli huma HEIs irreġistrati fl-Afrika li jipprovdu korsijiet f’livell post-terzjarju (livell ta’ master u/jew tad-dottorat) ta’ edukazzjoni ogħla li jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżhom stess. L-HEIs akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fl-Afrika biss huma eliġibbli. Fergħat ta’ HEIs minn barra l-Afrika mhumiex eliġibbli.

Is-sieħeb tekniku għandu jkun HEI minn wieħed mill-Istati Membri tal-UE li jkun ingħata Karta tal-Erasmus għal Edukazzjoni Ogħla.

3.   Attivitajiet Eliġibbli u d-Durata

Il-proġett se jinvolvi l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-mobilità tal-istudenti u tal-persunal fi programmi ta’ master u ta’ dottorat ta’ kwalità għolja, kif ukoll il-provvediment ta’ edukazzjoni/taħriġ u servizzi oħra lil studenti barranin u t-tagħlim/taħriġ u ħidmiet ta’ riċerka u servizzi oħrajn lil persunal mill-pajjiżi koperti mill-proġett. Il-mobilità għandha ssir f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli koperti minn din is-Sejħa għal Proposti.

It-tul ta’ żmien tal-proġett għandu jkun ta’ 60 xahar.

4.   Kriterji tal-Għoti

L-applikazzjonijiet kollha ser jgħaddu minn valutazzjonijiet minn esperti esterni skont it-tliet kriterji tal-għoti elenkati hawn taħt:

Kriterji

Punti

1.

Rilevanza

20

2.

Kwalitá

70

2.1.

Kwalità akkademika

15

2.2.

Kompożizzjoni tas-sħubija u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni

15

2.3.

Organizzazzjoni u implimentazzjoni tal-mobilità

20

2.4.

Faċilitajiet għall-istudenti/għall-persunal u s-segwitu

10

2.5.

Bilianċ bejn is-sessi

10

3.

Sostenibbiltà

10

Total

100

Sabiex proposta tkun tista’ tingħata l-fondi, trid tal-anqas iġib 50 punt minn total ta’ 100.

5.   Baġit u Ammonti tal-Għoti

L-ammont indikattiv globali magħmul disponibbli taħt din is-Sejħa għall-proposti huwa stmat li huwa EUR 9 900 000 u għandu jippermetti madwar 350 fluss ta’ mobilità.

Kull għotja se tammonta bejn EUR 1 000 000 (id-daqs minimu tal-għotja) u EUR 1 400 000 (id-daqs massimu tal-għotja).

L-għotja tal-UE hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ somom f’daqqa għall-organizzazzjoni tal-mobilità u spejjeż unitarji għall-implimentazzjoni tal-mobilità.

6.   Sottomissjoni tal-proposti u Data ta’ għeluq

Sottmissjonijiet għall-Iskema ta’ Mobilità Akkademika Intra-Afrikana għandhom jaslu sat-2 ta’ Mejju 2017 sa 12.00 (nofsinhar), Ħin Ċentrali Ewropew.

Applikazzjonijiet għall-għotja għandhom jiġu sottomessi permezz tal-formola elettronika (eForm) u tal-annessi tagħha mfassla speċifikament għal dan il-għan, li se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (Education, Audiovisual and Culture Executive Agency) (https://eacea.ec.europa.eu/intra-africa/funding/intra-africa-academic-mobility-scheme-2017_en).

Is-sottomissjoni elettronika biss (eForm inklużi l-annessi) titqies bħala l-applikazzjoni formali valida.

Barra minn hekk, l-applikanti għandhom jibgħatu b’posta elettronika kopja tal-applikazzjoni tagħhom (eForm inklużi l-annessi), li tindika b’mod ċar in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-proġett riċevut meta tkun ġiet sottomessal-formola elettronika, fl-indirizz elettroniku li ġej: EACEA-IntraAfrica-IntraACP@ec.europa.eu

L-applikazzjonijiet sottomessi sad-data ta’ għeluq u f’konformità mar-rekwiżiti speċifikati fis-Sejħa għall-proposti biss sejrin jiġu aċċettati. Applikazzjonijiet mibgħuta bil-posta elettronika ma jiġux aċċettati.

7.   Informazzjoni Sħiħa

Il-Linji Gwida tas-Seħja għall-proposti kif ukoll id-dokumenti u l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sottomissjoni tal-proposti taħt din is-Sejħa huma disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija: https://eacea.ec.europa.eu/intra-africa/funding/intra-africa-academic-mobility-scheme-2017_en