12.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/23


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI 2017

PROGRAMMI MULTIPLI

Għotjiet għal miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2017/C 9/07)

1.   Il-kuntest u l-għan ta' din is-sejħa

1.1.   Miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli

Fit-22 ta' Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (1). Dan ir-Regolament huwa supplimentat bir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 (2) u r-regoli dwar l-applikazzjoni tiegħu huma stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831 (3).

L-objettiv ġenerali tal-miżuri dwar l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur agrikolu tal-Unjoni.

L-objettivi speċifiċi tal-miżuri dwar l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni huma:

(a)

li tiżdied is-sensibilizzazzjoni lejn dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u l-istandards għoljin applikabbli għall-metodi ta' produzzjoni fl-Unjoni;

(b)

li jiżdiedu l-kompetittività u l-konsum tal-prodotti agrikoli u ta' ċerti prodotti tal-ikel tal-Unjoni u biex il-profil tagħhom jogħla kemm fl-Unjoni u lil hinn minnha;

(c)

li tiżdied is-sensibilizzazzjoni lejn u r-rikonoxximent tal-iskemi tal-kwalità tal-Unjoni;

(d)

li jiżdied is-sehem tas-suq tal-prodotti agrikoli u ta' ċerti prodotti tal-ikel tal-Unjoni, b'fokus speċifiku fuq dawk is-swieq f'pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla potenzjal ta' tkabbir;

(e)

li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet normali tas-suq f'każ ta' tfixkil serju fis-suq, telf ta' fiduċja tal-konsumaturi jew problemi speċifiċi oħra.

1.2.   Programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni għall-2017

Il-Programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni għall-2017, adottat bid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni (4) fid-9 ta' Novembru 2016, jistabbilixxi d-dettalji għall-għoti ta' kofinanzjament u l-prijoritajiet għal azzjonijiet għal proposti għal programmi sempliċi u għal dawk multipli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi. Dan huwa disponibbli fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/agriculture/promotion/annual-work-programmes/2017/index_en.htm

1.3.   L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (minn issa 'l quddiem iċ-Chafea) hija fdata mill-Kummissjoni Ewropea bil-ġestjoni ta' ċerti fażijiet tal-implimentazzjoni tal-programm, fosthom li tippubblika s-sejħiet għall-proposti, li tirċievi u tevalwa l-proposti, li tħejji u tiffirma l-ftehimiet tal-għotja għall-programmi multipli u li timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.

1.4.   Din is-sejħa għall-proposti

Din is-sejħa għall-proposti hija relatata mal-implimentazzjoni ta' programmi multipli, fil-qafas tat-Taqsimiet 1.2.1.3 u 1.2.1.4 tal-Anness I tal-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2017 dwar l-Azzjonijiet tal-prijorità tematika 3: il-programmi multipli fis-suq intern u l-prijorità 4: programmi multipli fis-suq intern jew fil-pajjiżi terzi.

2.   Objettivi– Temi – Prijoritajiet

It-Taqsimiet 1.2.1.3 u 1.2.1.4 tal-Anness I tal-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2017 jistabbilixxu l-prijoritajiet tematiċi għall-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati permezz ta' din is-sejħa. Se jiġu kkunsidrati għal finanzjament dawk il-proposti biss li b'mod dirett jikkorrispondu għas-suġġett u għad-deskrizzjoni mogħtija f'dawn it-taqsimiet tal-Programm ta' Ħidma Annwali. Għalhekk, mad-dokument tas-sejħa preżenti huma mħabbra 3 suġġetti għall-proposti. L-applikazzjonijiet sottomessi taħt din is-sejħa għandhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' wieħed minn dawn is-suġġetti ta' prijorità. Organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti diversi applikazzjonijiet għal proġetti differenti taħt l-istess suġġett ta' prijorità. Organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti wkoll diversi applikazzjonijiet għal proġetti differenti taħt suġġetti differenti ta' prijorità.

3.   Skeda ta' żmien

Id-data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-proposti hi l-20 ta' April 2017, 17:00 CET (Ħin tal-Ewropa Ċentrali).

 

Stadji

Data u ħin jew perjodu indikattiv

a)

Pubblikazzjoni tas-sejħa

12.1.2017

b)

Data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

20.4.2017

c)

Perjodu ta' evalwazzjoni (indikattiv)

21.4 – 31.8.2017

d)

Informazzjoni lill-applikanti (indikattiv)

< 20.10.2017

e)

Iffirmar tal-ftehim tal-għotja (indikattiv)

< 20.1.2018

f)

Data tal-bidu tal-azzjoni (indikattiv)

> 1.1.2018

4.   Baġit disponibbli

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-programmi multipli hu stmat għal EUR 43 000 000.

Dan l-ammont huwa soġġett għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit ġenerali tal-UE għall-2017 wara l-adozzjoni tiegħu mill-awtorità baġitarja jew previsti fis-sistema tad-dodiċeżmi proviżorji.

Iċ-Chafea tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

5.   Rekwiżiti ta' Ammissibbiltà

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu sa mhux iktar tard mid-data ta' skadenza għas-sottomissjoni msemmija fit-taqsima 3.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi onlajn mill-koordinatur permezz tal-portal tal-parteċipanti (sistema ta' sottomissjoni elettronika disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/agrip/index.html

In-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' hawn fuq iwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.

Għalkemm il-proposti jistgħu jiġu sottomessi fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-applikanti huma mħeġġa ferm jissottomettu l-proposta tagħhom bl-Ingliż biex l-ipproċessar tal-applikazzjoni jkun aktar faċli inkluż ir-rieżami minn esperti indipendenti li jipprovdu kontribut tekniku għall-valutazzjoni. Barra minn hekk, l-applikanti jenħtieġ li jkunu jafu li ċ-Chafea, fil-prinċipju, se tuża l-Ingliż biex tikkomunika mal-benefiċjarji dwar is-segwitu u l-monitoraġġ tal-azzjonijiet kofinanzjati (fl-istadju tal-ġestjoni tal-għotja).

Preferibbilment, mal-proposta jenħtieġ li tintbagħat traduzzjoni bl-Ingliż tal-parti teknika (il-parti B) jekk din tkun miktuba b'lingwa uffiċjali oħra tal-UE, biex ir-rieżami tal-proposti minn esperti indipendenti jsir aktar faċilment.

6.   Kriterji ta' Eliġibbiltà

6.1.   Applikanti eliġibbli

Il-proposti jistgħu jiġu sottomessi minn persuni ġuridiċi biss; l-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika taħt il-liġi nazzjonali applikabbli jistgħu jissottomettu applikazzjoni diment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità li jossidisfaw l-obbligi legali f'isem l-entità u joffru garanziji għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkunu daqs dawk offruti minn persuni ġuridiċi kif imsemmi fl-Artikolu 131(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

B'mod aktar speċifiku, l-applikazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet u l-korpi li ġejjin huma eliġibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014:

(i)

organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali stabbiliti fi Stat Membru u rappreżentanti tas-settur jew setturi kkonċernat(i) f'dak l-Istat Membru, u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet interprofessjonali msemmija fl-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-gruppi kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sakemm ikunu rappreżentattivi għall-isem protett skont ir-Regolament tal-aħħar u li huwa kopert b'dak il-programm

(ii)

organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali tal-Unjoni rappreżentattivi tas-settur jew setturi kkonċernat(i) fil-livell tal-Unjoni;

(iii)

organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 152 u 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ġew rikonoxxuti minn Stat Membru; jew

(iv)

korpi tas-settur agroalimentari li l-objettiv u l-attività tagħhom huma li jipprovdu informazzjoni dwar, u li jippromwovu prodotti agrikoli u li jkunu ġew inkarigati, mill-Istat Membru kkonċernat, b'missjoni ta' servizz pubbliku f'dan il-qasam iddefinit b'mod ċar; dawk il-korpi għandhom ikunu ġew stabbiliti legalment fl-Istat Membru inkwistjoni tal-inqas sentejn qabel id-data tas-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2).

L-organizzazzjonijiet proponenti msemmija hawn fuq jistgħu jissottomettu proposta diment li jkunu rappreżentattivi tas-settur jew tal-prodott ikkonċernat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829, jiġifieri:

(i)

organizzazzjoni professjonali jew interprofessjonali, stabbilita fi Stat Membru jew fil-livell tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 rispettivament, jenħtieġ li jitqiesu li huma rappreżentattivi tas-settur ikkonċernat mill-programm:

meta tkun tammonta għal mill-inqas 50 % bħala proporzjon tal-għadd ta' produtturi, jew 50 % tal-volum jew tal-valur tal-produzzjoni li tista' titqiegħed fis-suq tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat(i), fl-Istat Membru kkonċernat jew fil-livell tal-Unjoni; jew

meta tkun organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-Istat Membru skont l-Artikolu 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(ii)

grupp kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, jenħtieġ li jitqies li huwa rappreżentattiv ta' isem protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u kopert mill-programm, meta dan jammonta għal mill-inqas 50 % tal-volum jew tal-valur tal-produzzjoni li tista' titqiegħed fis-suq tal-prodott(i) li ismu(isimhom) jkun(ikunu) protett(i);

(iii)

organizzazzjoni ta' produtturi jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 jenħtieġ li titqies li tkun rappreżentattiva tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat(i) mill-programm, fejn hija rikonoxxuta mill-Istat Membru skont l-Artikoli 154 jew 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(iv)

korp fis-settur agroalimentari kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandu jitqies li huwa rappreżentattiv tas-settur(i) ikkonċernat(i) mill-programm permezz ta' rappreżentanti ta' dak/dawk il-prodott(i) jew settur fost is-sħubiji tiegħu.

B'deroga mill-punti (i) u (ii) ta' hawn fuq, jistgħu jiġu aċċettati limiti aktar baxxi, jekk l-organizzazzjoni proponenti turi fil-proposta sottomessi li jeżistu ċirkostanzi speċifiċi, inkluża l-evidenza dwar l-istruttura tas-suq, li jiġġustifikaw it-trattament tal-organizzazzjoni proponenti bħala rappreżentattiva tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat(i).

Il-proposti jistgħu jiġu sottomessi minn:

a)

Tal-anqas żewġ organizzazzjonijiet kif imsemmi fil-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, li għandhom ikunu minn tal-anqas żewġ Stati Membri; jew

b)

Organizzazzjoni waħda jew aktar tal-Unjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

Huma eliġibbli biss applikazzjonijiet minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE.

Entitajiet mhux eliġibbli: l-applikanti li diġà jirċievu finanzjament tal-Unjoni għall-istess miżuri ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni għal dawk il-miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

Għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-applikanti, jintalbu d-dokumenti ta' sostenn li ġejjin:

entità privata: estratt mill-ġurnal uffiċjali, kopja tal-artikoli ta' assoċjazzjoni, jew estratt mir-reġistru kummerċjali jew ta' sħubija,

entità pubblika: kopja tar-riżoluzzjoni jew tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kumpanija pubblika, jew dokument uffiċjali ieħor li jistabbilixxi l-entità tal-liġi pubblika;

entitajiet mingħajr personalità legali: dokumenti li jipprovdu evidenza li r-rappreżentanti tagħhom għandhom il-kapaċità li jwettqu l-obbligi legali f'isimhom.

dokumentazzjoni li turi li l-applikant jissodisfa l-kriterji ta' rappreżentattività stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829.

6.2.   Attivitajiet eliġibbli

Il-proposti għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà li ġejjin:

(a)

il-proposti jistgħu jkopru biss prodotti u skemi elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014;

(b)

il-proposti għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-prodotti kkonċernati u t-tqegħid tagħhom fis-suq u li jkollhom dimensjoni tal-Unjoni;

(c)

il-proposti fis-suq intern li jkopru skema waħda jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, għandhom jiffokaw fuq dawn l-iskemi fil-messaġġ ewlieni tal-Unjoni tagħhom. Meta f'dan il-programm, prodott wieħed jew diversi prodotti juru tali skemi, huma għandhom jidhru bħala messaġġ sekondarju fir-rigward tal-messaġġ ewlieni tal-Unjoni;

(d)

jekk il-messaġġ imwassal minn programm multiplu jikkonċerna informazzjoni dwar l-impatt fuq is-saħħa, dan il-messaġġ għandu:

fis-suq intern, jikkonforma mal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew jiġi aċċettat mill-awtorità nazzjonali responsabbli mis-saħħa pubblika fl-Istat Membru fejn jitwettqu l-operazzjonijiet;

f'pajjiżi terzi, jiġi aċċettat mill-awtorità nazzjonali responsabbli mis-saħħa pubblika fil-pajjiż fejn jitwettqu l-operazzjonijiet.

(e)

jekk il-proposta tipproponi li jissemmew l-oriġini u d-ditti, din għandha tikkonforma mar-regoli kif imsemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1831.

Għall-għanijiet tal-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-attivitajiet ippjanati, għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja:

proposti li jkopru skemi ta' kwalità nazzjonali għandhom jipprovdu dokumentazzjoni jew referenza għas-sorsi disponibbli għall-pubbliku li juru li l-iskema ta' kwalità hi rikonoxxuta mill-Istat Membru;

proposti li jimmiraw lejn is-suq intern u li jgħaddu messaġġ dwar il-prattiki tad-dieta xierqa jew dwar il-konsum responsabbli tal-akoħol għandhom jiddeskrivu kif il-programm propost u l-messaġġ(i) tiegħu huma konformi mar-regoli nazzjonali rilevanti fil-qasam tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru fejn se jitwettaq il-programm. Il-ġustifikazzjoni jenħtieġ li tinkludi referenzi jew dokumentazzjoni b'appoġġ tal-pretensjoni.

Barra minn hekk, il-proposta għandha tkun ukoll konformi ma' waħda mill-prijoritajiet tematiċi elenkati fil-Programm ta' Ħidma Annwali 2017 għall-programmi multipli. Hawn taħt hawn estratti mill-Programm ta' Ħidma Annwali 2017 li jagħtu dettalji dwar it-3 suġġetti li għalihom jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet taħt is-sejħa preżenti għall-proposti. It-test jiddeskrivi s-suġġett, l-ammont relatat previst, l-objettivi u r-riżultati mistennija.

Azzjoni taħt il-prijorità tematika 3: Programmi multipli fis-suq intern

Suġġett

Ammont totali previst

Prijoritajiet tas-sena, objettivi segwiti u riżultati mistennija

Suġġett A- Programmi li jżidu s-sensibilizzazzjoni ta' agrikoltura sostenibbli tal-Unjoni u r-rwol tas-settur agroalimentari għall-azzjoni klimatika u għall-ambjent (*1)

EUR 15 050 000

L-azzjonijiet jenħtieġ li jenfasizzaw is-sostenibbiltà ambjentali tal-Agrikoltura tal-Unjoni, waqt li jisħqu r-rwol ta' benefiċċju għall-azzjoni klimatika u għall-ambjent.

L-azzjonijiet jenħtieġ li jindirizzaw kif il-prodott(i) promoss(i) u l-metodu(i) ta' produzzjoni tiegħu/tagħhom jikkontribwixxi(u) għal:

a)

mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (eż. tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass serra) u/jew l-adattament (eż. iffrankar tal-ilma, għelejjel u varjetajiet reżistenti għall-klima) u

b)

mill-inqas wieħed minn li ġej:

(i)

konservazzjoni u użu sostenibbli tal-bijodiversità (eż. il-ħajja selvaġġa, il-pajsaġġ, ir-riżorsi ġenetiċi);

(ii)

ġestjoni sostenibbli tal-ilma (eż. effiċjenza fl-użu tal-ilma, tnaqqis fit-tagħbija tan-nutrijenti jew tal-pestiċidi);

(iii)

ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija (eż. kontroll tal-erożjoni; bilanċ tan-nutrijenti; prevenzjoni tal-aċidifikazzjoni, salinizzazzjoni).


Azzjonijiet taħt il-prijorità tematika 4: Programmi multipli fis-suq intern jew fil-pajjiżi terzi

Suġġetti

Ammont totali previst

Prijoritajiet tas-sena, objettivi segwiti u riżultati mistennija

Suġġett B- Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni bil-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(4)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014

EUR 15 050 000

L-impatti mistennija se jżidu l-livelli ta' rikonoxximent tal-logo assoċjat ma' dawk l-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni mill-konsumaturi u se jżidu l-kompettività u l-konsum tal-prodotti agrikoli u dawk tal-ikel tal-Unjoni u s-sehem mis-suq tagħhom.

L-objettiv hu li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni

(a)

skemi ta' kwalità: Denominazzjoni ta' oriġini protetta (DPO), indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), speċjalità tradizzjonali garantita (STG) u termini ta' kwalità fakultattivi;

(b)

metodu ta' produzzjoni organika;

(c)

logo għall-prodotti agrikoli ta' kwalità speċifiċi għar-reġjuni ultraperifiċi tal-Unjoni.

Suġġett Ċ- Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi agrikoli fl-Unjoni u l-karatteristiċi tal-prodotti agro-alimentari u l-iskemi ta' kwalità msemmija fl-Artikolu 5(4)(d) tar-Regolament (EU) No 1144/2014

EUR 12 900 000

L-objettiv hu li tiġi enfasizzata mill-inqas waħda mill-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi ta' produzzjoni agrikola fl-Unjoni partikolarment f'termini ta' sigurtà tal-ikel, traċċabilità, awtentiċità, ittikkettjar, aspetti nutrizzjonali u tas-saħħa (inklużi prattiki tad-dieta xierqa u konsum responsabbli tax-xarbiet alkoħoliċi eliġibbli), il-benesseri tal-annimali, rispett għall-ambjent u s-sostenibbiltà (minbarra dawk koperti taħt is-Suġġett A), u l-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u tal-ikel, partikolarment f'termini tal-kwalità, it-togħma, id-diversità jew it-tradizzjonijiet tagħhom.

L-impatti mistennija huma biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni mill-konsumaturi u biex tiżdied il-kompetittività u jiżdied il-konsum tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni kkonċernati, jitgħolla l-profil tagħhom u jiżdied is-sehem fis-suq tagħhom.

Tipi ta' attivitajiet eliġibbli

L-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni jistgħu b'mod partikolari jikkonsistu mill-attivitajiet li ġejjin, u li huma eliġibbli skont din is-sejħa:

1.

Ġestjoni tal-proġett

2.

Relazzjonijiet pubbliċi

Attivitajiet ta' PR

Avvenimenti għall-istampa

3.

Sit web, midja soċjali

Ħolqien, aġġornamenti u manutenzjoni tas-sit web

Midja soċjali (ħolqien tal-kontijiet u ppowstjar regolari)

Oħrajn (apps tal-mowbajl, pjattaformi ta' tagħlim elettroniku, webinars, eċċ.)

4.

Reklamar

Stampa

TV

Radju

Onlajn

Fuq barra

Ċinema

5.

Għodod ta' komunikazzjoni

Pubblikazzjonijiet, settijiet tal-midja, merkanzija promozzjonali

Filmati promozzjonali

6.

Avvenimenti

Stands fil-fieri

Seminars, workshops, laqgħat B2B, sessjonijiet ta' taħriġ għas-snajja'/għall-koki, attivitajiet fl-iskejjel

Ġimgħat tar-ristoranti

Sponsorizzar tal-avvenimenti

Vjaġġi ta' studju fl-Ewropa

7.

Promozzjoni fit-terminals tal-punt tal-bejgħ (POS)

Jiem tad-dewqan

Oħrajn: promozzjoni f'pubblikazzjonijiet tal-bejjiegħa bl-imnut, reklamar tal-POS

Perjodu tal-implimentazzjoni

L-azzjoni kofinanzjata (għoti ta' informazzjoni/programmi ta' promozzjoni) għandha tiġi implimentata fuq perjodu ta' mill-inqas sena iżda mhux iktar minn tliet snin.

Il-proposti jenħtieġ li jispeċifikaw it-tul tal-azzjoni.

7.   Kriterji ta' esklużjoni

7.1.   Esklużjoni mill-parteċipazzjoni

L-applikanti jiġu esklużi milli jipparteċipaw f'din il-proċedura tas-sejħa għall-proposti jekk huma jinsabu f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu (6):

(a)

l-operatur ekonomiku jkun falla, jew ikun soġġett għal proċeduri ta' insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu jkunu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn ikun jinsab f'arranġament ma' kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jiġu sospiżi, jew fejn ikun qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali;

(b)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku jkun qed jikser l-obbligi tiegħu marbuta mal-ħlas ta' taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f'konformità mal-liġi tal-pajjiż fejn huwa stabbilit, ma' dawk tal-pajjiż li fih tkun tinsab l-awtorità kontraenti jew ma' dawk tal-pajjiż tat-twettiq tal-kuntratt;

(c)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta' mġiba professjonali ħażina serja billi jkun kiser il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li jappartjeni għaliha l-operatur ekonomiku, jew billi jkun involut fi kwalunkwe aġir ħażin li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu fejn dan it-tip ta' aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja, fosthom, b'mod partikolari, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

rappreżentazzjoni ħażina b'mod frodulenti jew b'negliġenza ta' informazzjoni meħtieġa għall-verifika tan-nuqqas ta' raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji tal-għażla jew fit-twettiq ta' kuntratt;

(ii)

id-dħul fi ftehim ma' operaturi ekonomiċi oħrajn bl-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(iii)

il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(iv)

it-tentattiv li jiġi influwenzat il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-proċedura ta' akkwist;

(v)

it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista' tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura ta' akkwist;

(d)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali li l-operatur ekonomiku jkun ħati ta' kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

frodi, skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 (7);

(ii)

korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 1997 (8), u fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/JHA (9), kif ukoll korruzjoni kif definita fil-liġi tal-pajjiż fejn tkun tinsab l-awtorità kontraenti jew fil-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku huwa stabbilit jew il-pajjiż tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(iii)

parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (10);

(iv)

ħasil ta' flus jew finanzjament tat-terroriżmu, kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(v)

reati marbuta mat-terroriżmu jew reati marbuta ma' attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (12) rispettivament, jew inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattivi għat-twettiq ta' reati, kif spjegat fl-Artikolu 4 ta' dik id-Deċiżjoni;

(vi)

l-impjieg tat-tfal jew forom oħra ta' traffikar tal-bnedmin kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(e)

l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti fil-konformità tiegħu mal-obbligi ewlenin fit-twettiq ta' kuntratt iffinanzjat mill-baġit, li jkun wassal għat-terminazzjoni bikrija tiegħu jew għall-applikazzjoni ta' danni likwidati jew multi kuntrattwali oħrajn jew li jkun ġie skopert wara kontrolli, verifiki jew investigazzjonijiet minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, l-OLAF jew il-Qorti tal-Awdituri;

(f)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku jkun wettaq irregolarità skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95

7.2.   Esklużjoni mill-għoti

L-applikanti jiġu esklużi mill-għoti ta' kofinanzjament jekk, matul il-proċedura tal-għoti ta' finanzjament, huma jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju:

a)

ikunu f'sitwazzjoni ta' esklużjoni stabbilita f'konformità mal-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju;

b)

ikunu rrappreżentaw b'mod ħażin l-informazzjoni meħtieġa bħala kondizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew naqsu milli jipprovdi dik l-informazzjoni fil-proċedura tal-għoti ta' finanzjament;

Waqt li jkun qed jissottometti l-applikazzjoni tiegħu onlajn, il-koordinatur għandu jimmarka l-kaxxa rilevanti biex juri l-konformità mal-kriterji ta' esklużjoni. Jekk jintgħażlu għall-kofinanzjament, il-benefiċjarji kollha (fil-każ ta' għotja b'aktar minn benefiċjarju wieħed) jridu jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom li tiċċertifika li mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 106 (1) u 107 sa 109 tar-Regolament Finanzjarju. L-applikanti jenħtieġ li jsegwu l-istruzzjonijiet fil-portal tal-parteċipanti.

8.   Kriterji tal-għażla

8.1.   Kapaċità finanzjarja

L-applikanti jrid ikollhom sorsi stabbli u suffiċjenti ta' finanzjament għaż-żamma tal-attività tagħhom matul il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-azzjoni u għandhom jipparteċipaw fil-finanzjament tagħha.

Il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti se tiġi vvalutata f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012. Din il-valutazzjoni ma għandhiex titwettaq jekk:

L-applikant hu korp pubbliku;

Il-kontribuzzjoni tal-UE mitluba mill-applikant hija ≤ EUR 60 000;

Id-dokumenti li se jintalbu fil-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja jinkludu:

ir-rapport tal-introjtu, il-karta bilanċjali għall-aħħar sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet ingħalqu;

għal entitajiet ġodda, il-pjan ta' negozju jista' jissostitwixxi d-dokumenti ta' hawn fuq.

Barra minn hekk, għal applikanti li jitlobu kontribuzzjoni tal-UE ta' ≥ EUR 750 000 (limitu applikabbli għal kull applikant):

rapport tal-awditu mħejji minn awditur estern approvat, li jiċċertifika l-kontijiet għall-aħħar sena finanzjarja disponibbli. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-korpi pubbliċi.

Il-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-applikanti se titwettaq permezz tal-portal tal-parteċipanti.

8.2.   Kapaċità operattiva

L-applikanti jrid ikollhom il-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali meħtieġa biex itemmu l-azzjoni.

Bħala prova, għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja fil-Parti B tal-proposta:

Profili ġenerali (kwalifiki u esperjenzi) tal-persunal tal-applikant li jkun prinċipalment responsabbli mill-ġestjoni u mill-implimentazzjoni tal-azzjoni proposta.

Ir-rapport tal-attività tal-organizzazzjoni(jiet) proponenti jew deskrizzjoni tal-attivitajiet imwettqa b'konnessjoni mal-attivitajiet li huma eliġibbli għall-kofinanzjament.

9.   Kriterji tal-għoti

Il-Parti B tal-applikazzjoni sservi biex tevalwa l-proposta skont il-kriterji tal-għoti.

Ġeneralment, il-proġetti jkunu mistennija li jkollhom struttura tal-ġestjoni effiċjenti, strateġija ċara u deskrizzjoni preċiża tar-riżultati mistennija.

Il-kontenut ta' kull proposta se jiġi evalwat skont il-kriterji u s-sottokriterji li ġejjin:

Kriterji

Punti massimi

Limitu

1.

Dimensjoni tal-Unjoni

20

14

2.

Kwalità teknika tal-proġett

40

24

3.

Kwalità tal-ġestjoni

10

6

4.

Baġit u kost-effettività

30

18

TOTAL

100

62

Proposti li jaqgħu taħt il-limiti globali u/jew dawk individwali mħabbra hawn fuq għandhom jiġu rrifjutati.

Is-sottokriterji li ġejjin għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni ta' kull wieħed mill-kriterji ewlenin tal-għoti:

1.

Id-dimensjoni tal-Unjoni

a)

Rilevanza tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' promozzjoni proposti mal-objettivi ġenerali u speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, tal-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament, kif ukoll tal-prijoritajiet, tal-objettivi u tar-riżultati mistennija mħabbra taħt il-prijorità tematika rilevanti;

b)

Il-messaġġ tal-Unjoni tal-kampanja;

c)

L-impatt tal-proġett fil-livell tal-Unjoni.

2.

Il-kwalità teknika

a)

Il-kwalità u r-rilevanza tal-analiżi tas-suq;

b)

L-adegwatezza tal-istrateġija tal-programm, tal-objettivi u tal-messaġġi ewlenin;

c)

Għażla adattata ta' attivitajiet fir-rigward tal-objettivi u l-istrateġija tal-programm, taħlita ta' komunikazzjoni bbilanċjata, sinerġija bejn l-attivitajiet;

d)

Deskrizzjoni konċiża tal-attivitajiet

e)

Kwalità tal-metodi u tal-indikaturi tal-evalwazzjoni proposti

3.

Kwalità tal-ġestjoni

(a)

L-organizzazzjoni u l-istruttura tal-ġestjoni tal-proġett;

(b)

Il-mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità u tal-ġestjoni tar-riskju.

4.

Il-baġit u l-kost-effettività

a)

Redditu fuq l-investiment;

b)

Tqassim xieraq tal-baġit fir-rigward tal-objettivi u tal-ambitu tal-attivitajiet;

c)

Konsistenza bejn il-kostijiet u r-riżultati stmati;

d)

Stima realistika ta' persuni/jiem għall-attivitajiet implimentati mill-organizzazzjoni proponenti, inklużi l-kostijiet tal-koordinazzjoni tal-proġett.

Wara l-evalwazzjoni, il-proposti eliġibbli kollha jiġu klassifikati skont in-numru totali ta' punti mogħtija. Il-proposta jew il-proposti li jikklassifikaw fl-ogħla postijiet ser jingħataw il-kofinanzjament skont id-disponibbiltà tal-baġit.

Għandha tiġi stabbilita lista bi klassifikazzjoni separata għal kull wieħed mis-suġġetti ta' prijorità elenkati taħt it-taqsima 6.2 tas-sejħa preżenti.

Jekk ikun hemm żewġ proposti jew aktar bl-istess numru ta' punti fl-aħħar post tal-istess lista bi klassifikazzjoni, il-proposta(i) li tagħti(jagħtu) lok għal diversifikazzjoni f'termini ta' prodotti jew swieq fil-mira għandha(hom) tinżamm (jinżammu). Dan ifisser li bejn iż-żewġ proposti ex aequo, il-Kummissjoni l-ewwel għandha tagħżel dik li l-kontenut tagħha (l-ewwel f'termini ta' prodotti, it-tieni f'termini ta' suq fil-mira) għadu mhix irrappreżentat fil-lista kklassifikata. Jekk dan il-kriterju ma jkunx biżżejjed sabiex issir distinzjoni bejn il-proposti, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tagħżel il-programm li jkun ġab l-ogħla punteġġ għall-kriterji tal-għoti individwali. L-ewwel, hi se tqabbel il-punteġġi għad-“Dimensjoni tal-Unjoni”, imbagħad għall-“Kwalità teknika” u finalment għall-“Baġit u l-kosteffettività”.

10.   Impenji legali

Il-koordinaturi ta' proposti inklużi fil-lista għal finanzjament se jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-fażi ta' adattament qabel l-iffirmar tal-ftehim tal-għotja; l-adattament se jsir permezz ta' sistema ta' preparazzjoni għal għotjiet onlajn (SYGMA). Jekk tkun ta' suċċess, twassal għall-iffirmar tal-ftehim tal-għotja, imfassal f'euro u li jelenka l-kundizzjonijiet u l-livell ta' finanzjament.

Il-ftehim tal-għotja għandu jiġi ffirmat elettronikament l-ewwel mill-koordinatur f'isem il-konsorzju u mbagħad miċ-Chafea. Il-kobenefiċjarji jridu jilqgħu l-ftehim tal-għotja billi jiffirmaw elettronikament il-formola ta' adeżjoni għall-għotja.

11.   Dispożizzjonijiet finanzjarji

Ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' Applikazzjoni (14) jiddefinixxiu r-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi multipli.

11.1.   Prinċipji Ġenerali

a)

Għoti mhux kumulattiv

Azzjoni tista' tirċievi biss finanzjament wieħed mill-baġit tal-UE.

L-istess kostijiet ma għandhom jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni fl-ebda ċirkostanza.

L-applikanti għandhom jindikaw is-sorsi u l-ammonti ta' finanzjament tal-Unjoni riċevuti jew applikati għall-istess azzjoni jew parti mill-azzjoni jew it-tħaddim tagħhom (għotjiet operazzjonali), kif ukoll kwalunkwe finanzjament ieħor riċevut jew applikat għall-istess azzjoni.

b)

Nonretroattività

Ma jingħata l-ebda finanzjament retrospettivament għal azzjonijiet li diġà tlestew.

Għotja tista' tingħata għal azzjoni li diġà nbdiet biss meta l-applikant jista' juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel ma jkun ġie ffirmat il-ftehim tal-għotja.

F'dawn il-każijiet, il-kostijiet eliġibbli għall-finanzjament jistgħu ma jkunux iġġarbu qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal finanzjament.

c)

Kofinanzjament

Kofinanzjament ifisser li r-riżorsi li huma meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni ma jkunux ipprovduti kompletament mill-finanzjament tal-UE.

In-nefqa li tibqa' titħallas esklussivament mill-organizzazzjoni proponenti. Huma permessi u se jiġu kkunsidrati bħala rċevuti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-benefiċjarji mill-membri tagħha, speċifikament biex jintużaw għall-ispejjeż li huma negliġibbli taħt l-azzjoni.

d)

Baġit ibbilanċjat

Il-baġit stmat għall-azzjoni jrid jiġi preżentat fil-parti A tal-formola tal-applikazzjoni. Dan għandu jkollu d-dħul u l-infiq bbilanċjati.

Il-baġit irid ikun ippreparat f'euro.

L-applikanti li jipprevedu li l-kostijiet mhux se jiġġarbu f'euro, huma mistiedna jużaw ir-rata tal-kambju ppubblikata fis-sit ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/inforeuro/inforeuro_en.cfm

e)

Kuntratti/sottokuntratti ta' implimentazzjoni

Fejn l-implimentazzjoni tal-azzjoni teħtieġ l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist (kuntratti ta' implimentazzjoni), il-benefiċjarju għandu jagħti l-kuntratt lill-offerta li tagħti l-aħjar valur għall-flus jew l-orħos prezz (kif xieraq), biex b'hekk jiġu evitati kunflitti ta' interess, u għandu jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.

Jekk l-organizzazzjoni proponenti tkun korp irregolat bil-liġi pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, hija trid tagħżel sottokuntratturi f'konformita mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dik id-Direttiva.

Is-sottokuntrattar, jiġifieri l-esternalizzazzjoni ta' kompiti jew attivitajiet speċifiċi li jiffurmaw parti minn azzjoni kif deskritt fil-proposta, jrid jissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli għal kull kuntratt ta' implimentazzjoni (kif speċfikat hawn fuq) u flimkien magħhom il-kundizzjonijiet li ġejjin:

irid ikun iġġustifikat billi jitqiesu n-natura tal-azzjoni u dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha;

il-kompiti ewlenin tal-azzjonijiet (jiġifieri l-koordinazzjoni teknika u finanzjarja tal-azzjoni u l-ġestjoni tal-istrateġija) ma jistgħux jiġu sottokuntrattati;

irid jiġi ddikjarat b'mod ċar fil-partijiet tekniċi u finanzjarji tal-proposta.

Sottokuntrattar lil entitajiet li għandhom rabta strutturali mal-benefiċjarju

Is-subkuntratti jistgħu jingħataw ukoll lil entitajiet li jkollhom rabta strutturali mal-benefiċjarju, iżda jekk il-prezz ikun limitat għall-kostijiet effettivament imġarrba mill-entità biss (jiġifieri mingħajr l-ebda marġini ta' profitt).

Il-kompiti li jridu jiġu implimentati minn entitajiet bħal dawn għandhom ikunu ddikjarati b'mod ċar fil-parti teknika tal-proposta.

11.2.   Forom ta' finanzjament

Il-kofinanzjament għandu jieħu l-forma ta' rimborż ta' proporzjon speċifikat tal-kostijiet eliġibbli li fil-fatt ġew imġarrba; se jinkludi wkoll rata fissa li tkopri l-kostijiet indiretti (daqs 4 % tal-kostijiet eliġibbli tal-persunal) li huma marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjoni (15).

Ammont massimu li jista' jintalab

L-għotja tal-UE hija limitata għar-rati massima ta' kofinanzjament li ġejjin:

għall-programmi multipli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-programm;

fil-każ ta' applikanti stabbiliti fl-Istati Membri li fl-1 ta' Jannar 2014 jew wara, jkunu rċevew assistenza finanzjarja f'konformità mal-Artikolu 136 u 143 tat-TFUE (16), il-perċentwal għandu jkun ta' 85 %.

Dan għandu japplika biss għal dawk l-għotjiet iffirmati miċ-Chafea qabel id-data li minnha l-Istat Membru kkonċernat ma jkomplix jirċievi assistenza finanzjarja bħal din.

B'konsegwenza ta' dan, parti mit-total tal-kostijiet eliġibbli mdaħħla fl-istima tal-baġit trid tiġi ffinanzjata minn sorsi barra l-finanzjament tal-UE (il-prinċipju tal-kofinanzjament).

Spejjeż eliġibbli

Il-kostijiet eliġibbli huma fil-fatt imġarrba mill-benefiċjarju tal-għotja u jissodisfaw il-kriterji kollha indikati fl-Artikolu 6 tal-ftehim tal-għotja.

Il-kostijiet eliġibbli (diretti u indiretti) huma indikati fil-ftehim tal-għotja (ara l-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 6)

Il-kostijiet li mhumiex eliġibbli huma indikati fil-ftehim tal-għotja (ara l-Artikolu 6. 4)

Kalkolu tal-ammont tal-għotja finali

L-ammont finali tal-għotja jiddependi minn kemm fil-fatt l-azzjoni tiġi implimentata f'konformita mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-għotja.

Dan l-ammont jiġu kkalkulat miċ-Chafea, meta jsir il-pagament tal-bilanċ, fil-passi li ġejjin:

(1)

Applikazzjoni tar-rata tar-rimborż għall-kostijiet eliġibbli

(2)

Limitu għall-ammont massimu tal-għotja

(3)

Tnaqqis minħabba r-regola ta' bla profitt

(4)

Tnaqqis minħabba implimentazzjoni skorretta jew ksur ta' obbligi oħra

L-għotjiet tal-UE jista' ma jkollhomx l-għan jew l-effett li jipproduċu profitt fil-qafas tal-azzjoni. “Profitt” tfisser il-bilanċ pożittiv tal-ammont miksub wara l-passi 1 u 2 flimkien mal-introjtu totali tal-azzjoni, fuq il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni.

F'dan ir-rigward, fejn isir profitt, iċ-Chafea għandha tkun intitolata biex tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tal-UE għall-kostijiet eliġibbli effettivament imġarrba mill-benefiċjarji biex iwettqu l-azzjoni. Sieħeb (koordinatur jew benefiċjarju ieħor) li jitlob kontribuzzjoni tal-UE ta' ≤ EUR 60 000, huwa eżentat minn din id-dispożizzjoni.

11.3.   Arranġamenti għall-pagamenti

Ħlas ta' prefinanzjament li jikkorrispondi għal 20 % tal-ammont tal-għotja se jiġi ttrasferit lill-koordinatur skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' għotja (l-Artikolu 16.2).

Pagamenti interim għandhom jitħallsu lill-koordinatur skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' għotja (l-Artikolu 16.3). Il-pagamenti interim huma maħsuba biex jirrimborżaw il-kostijiet eliġibbli mġarrba għall-implimentazzjoni tal-programm matul il-perjodi ta' rapportar korrispondenti.

L-ammont totali tal-pagamenti ta' prefinanzjament u interim ma għandux jaqbeż 90 % tal-ammont massimu tal-għotja.

Iċ-Chafea se tistabbilixxi l-ammont tal-pagament tal-bilanċ abbażi tal-kalkolu tal-ammont finali tal-għotja u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja.

Jekk l-ammont totali tal-pagamenti li saru qabel ikun akbar mill-ammont finali tal-għotja, il-pagament tal-bilanċ jieħu l-forma ta' rkupru.

11.4.   Garanzija ta' prefinanzjament

Jekk il-kapaċità finanzjarja tal-applikant ma tkunx sodisfaċenti, tista' tintalab garanzija tal-prefinanzjament li tista' tasal sa l-istess ammont tal-prefinanzjament biex tillimita r-riskji finanzjarji marbutin mal-pagament tal-prefinanzjament.

Jekk mitluba, il-garanzija finanzjarja f'euro, għandha tiġi pprovduta minn bank jew istituzzjoni finanzjarja approvata stabbilita f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ammonti li jkunu marbutin f'kontijiet il-bank ma għandhomx jiġu aċċettati bħala garanziji finanzjarji.

Il-garanzija tista' tiġi sostitwita b'garanzija mogħtija in solidum minn parti terza, jew bħala garanzija konġunta tal-benefiċjarji tal-azzjoni li huma parti għall-istess ftehim tal-għotja.

Il-garanti għandu jkun il-garanti li jissejjaħ l-ewwel u ċ-Chafea ma jkunx jeħtiġilha tirrikorri l-ewwel kontra d-debitur prinċipali (jiġifieri l-benefiċjarju kkonċernat).

Il-garanzija tal-prefinanzjament għandha tibqa' fis-seħħ b'mod espliċitu sakemm jitħallas il-bilanċ, u fil-każ li l-pagament tal-bilanċ jsir fil-forma ta' rkupru, sa tliet xhur wara li n-nota ta' debitu tiġi notifikata lil benefiċjarju.

L-ebda garanziji mhu se jkunu meħtieġa għal benefiċjarji li jirċievu kontribuzzjoni tal-UE ta' EUR ≤ 60 000 (għotjiet ta' valur baxx).

12.   Pubbliċità

12.1.   Mill-benefiċjarji

Il-benefiċjarji jridu juru biċ-ċar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet kollha li għalihom tintuża l-għotja.

F'dan ir-rigward, il-benefiċjarji huma meħtieġa li jagħtu prominenza lill-isem u l-emblema tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet, posters, programmi u prodotti oħra kollha tagħhom imwettqa taħt il-proġett kofinanzjat.

Ir-regoli għar-riproduzzjoni grafika tal-emblema Ewropea jinsabu fil-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali (17).

Barra minn hekk, il-materjal viżiv kollu li jiġi prodott fil-qafas ta' programm ta' promozzjoni kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea għandu juri l-firma “Enjoy it's from Europe” (“Gawdi dan mill-Ewropa”):

Il-linji gwida dwar l-użu tal-firma, kif ukoll il-fajls grafiċi kollha jistgħu jitniżżlu mis-sit web tal-promozzjoni dwar fuq Ewropa (18):

Fl-aħħar nett, kull materjal bil-miktub, jiġifieri brochures, posters, fuljetti, strixxuni, kartelluni, riklami stampati, artikli fil-ġurnali, paġni web (bl-eċċezzjoni ta' gadgets żgħar) għandu jinkludi dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà skont it-termini dettaljati fil-ftehim tal-għotja, li tispjega li jirrappreżenta l-fehmiet tal-awtur. Il-Kummissjoni Ewropea/l-Aġenzija ma taċċetta l-ebda responsabbiltà għal użu li jista' jsir tal-informazzjoni li jkun fih.

12.2.   Miċ-CHAFEA

Kull informazzjoni relatata mal-finanzjament mogħti matul sena finanzjarja għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet taċ-Chafea sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja li fiha jkunu ngħataw l-għotjiet.

Iċ-Chafea se tippubblika l-informazzjoni li ġejja:

l-isem il-benefiċjarju (l-entità legali)

l-indirizz tal-benefiċjarju meta dan tal-aħħar ikun persuna ġuridika, ir-reġjun meta l-benefiċjarju jkun persuna fiżika, kif iddefinit fil-livell NUTS 2 (19) jekk hu/hi domiċiljat fl-UE jew ekwivalenti jekk domiċiljati barra mill-UE,

is-suġġett tal-għotja,

l-ammont mogħti.

13.   Protezzjoni tad-data

It-tweġiba għal kull sejħa għall-proposti tinvolvi r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar tad-data personali (bħall-isem, l-indirizz u s-CV tal-individwi li jipparteċipaw fl-azzjoni kofinanzjata). Din id-data tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-mistoqsijiet u kwalunkwe data personali mitluba li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-proposti se jiġu pproċessati biss għal dak l-iskop mill-Aġenzija Eżekuttiva / mill-Kummissjoni jew minn partijiet terzi li jaġixxu f'isem l-Aġenzija Eżekuttiva / il-Kummissjoni u taħt ir-responsabbiltà tagħha. Is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu infurmati dwar aktar dettalji tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar, id-drittijiet tagħhom u kif dawn jistgħu jiġi infurzati b'riferiment għad-dikjarazzjoni tal-privatezza ppubblikata fil-portal tal-parteċipanti:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/support/legal_notices.html

u fis-sit web tal-Aġenzija:

http://ec.europa.eu/chafea/about/data_protection.html

L-applikanti huma mistiedna jiċċekkjaw id-dikjarazzjoni tal-privatezza rilevanti f'intervalli regolari ħalli jkunu infurmati kif xieraq dwar aġġornamenti possibbli li jistgħu jseħħu sal-iskadenza tas-sottomossjoni tal-proposti tagħhom jew wara. Il-benefiċjarji jassumu l-obbligu ġuridiku li jinfurmaw lill-persunal tagħhom dwar l-operazzjonijiet tal-ipproċessar rilevanti li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija; biex jagħmlu dan, iridu jipprovdulhom id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza ppubblikati mill-Aġenzija fuq il-portal tal-parteċipanti qabel jittrażmettu d-data tagħhom lill-Aġenzija; Id-data personali tista' tiġi rreġistrata fis-Sistema ta' Individwazzjoni u ta' Esklużjoni Bikrija (EDES) tal-Kummissjoni Ewropea prevista fl-Artikoli 105a u 108 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE skont id-dispożizzjonijiet applikabbli.

14.   Proċedura għas-sottomissjoni tal-proposti

Il-proposti jridu jintbagħtu sad-data ta' skadenza stabbilita fit-taqsima 5 permezz tas-Sistema tas-Sottomissjoni Elettronika fuq:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/agrip/index.html

Qabel ma tissottometti proposta:

1.

Sib sejħa:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/agrip/index.html

2.

Oħloq kont biex tissottometti proposta:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/organisations/register.html

3.

Irreġistra s-sħab kollha permezz tar-reġistru tal-benefiċjarji:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/organisations/register.html

L-applikanti se jiġu infurmati bil-miktub dwar ir-riżultati tal-proċess tal-għażla.

Meta jissottometti proposta, l-applikant ikun qed jaċċetta l-proċeduri u l-kundizzjonijiet kif deskritti f'din is-sejħa u fid-dokumenti li jirreferu għaliha.

Mhi permessa l-ebda modifika għall-applikazzjoni ladarba tgħaddi d-data ta' skadenza għas-sottomissjoni. Madankollu, jekk ikun hemm bżonn li jiġu ċċarati ċerti aspetti jew għall-korrezzjoni ta' żbalji klerikali, il-Kummissjoni/l-Aġenzija tista' tikuntattja lill-applikant għal dan l-għan waqt il-proċess tal-evalwazzjoni (20).

Kuntatti

Għal mistoqsijiet dwar l-għodda għas-sottomissjoni onlajn, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Helpdesk tal-IT imwaqqfa għal dan l-għan permezz tas-sit web tal-portal tal-parteċipanti:

http://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=enquiries

Għal mistoqsijiet mhux relatati mal-IT, huwa disponibbli helpdesk fiċ-Chafea fuq: +352 430136611, indirizz tal-email: CHAFEA-AGRI-CALLS@ec.europa.eu matul il-ġimgħa bejn 9:30 – 12:00 u 14:30 – 17:00 CET (Ħin tal-Ewropa Ċentrali). Il-helpdesk ma jkunx disponibbli fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi.

Il-mistoqsijiet frekwenti jiġu ppubblikati fuq is-sit web taċ-Chafea:

http://ec.europa.eu/chafea/agri/faq.html

Fil-korrispondenza kollha relatata ma' din is-sejħa (eż: meta tintalab informazzjoni, jew tiġi sottomessa applikazzjoni), għandha ssir referenza ċara għal din is-sejħa speċifika. Ladarba s-sistema ta' skambju elettroniku talloka numru tal-ID tal-proposta, l-applikant irid juża dan in-numru f'kull korrispondenza sussegwenti.

Dokumenti relatati

Formola ta' applikazzjoni

Mudell tal-ftehim tal-għotjiet (verżjoni ta' monobenefiċjarju u multibenefiċjarju)

Gwida għall-applikanti


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56).

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 tat-23 ta' April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 3).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 dwar l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2017 dwar miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).

(*1)  Il-kampanji taħt Suġġett A ma jenħtieġx li jindirizzaw il-metodu ta' produzzjoni organika tal-Unjoni bħala l-messaġġ ewlieni.

(6)  L-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' Applikazzjoni korrispondenti tiegħu adottati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 kif emendati l-aħħar bir-Regolament (UE) 2015/1929 u bir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 rispettivament.

(7)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48.

(8)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1.

(9)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54).

(10)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(11)  Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(12)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(13)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1), u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(15)  Tinġibed l-attenzjoni tal-applikant għall-fatt li f'każ li jirċievi għotja operazzjonali, il-kostijiet indiretti mhumiex eliġibbli.

(16)  Fid-data tal-pubblikazzjoni ta' din is-sejħa: Il-Greċja.

(17)  http://publications.europa.eu/code/mt/mt-5000100.htm

(18)  http://ec.europa.eu/agriculture/promotion/index_en.htm

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2007 tal-1 ta' Frar 2007 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 39, 10.2.2007, p. 1).

(20)  L-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju.