12.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/7


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI 2017

PROGRAMMI SEMPLIĊI

Għotjiet għal miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2017/C 9/06)

1.   L-isfond u l-għan ta' din is-sejħa

1.1.   Miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli

Fit-22 ta’ Ottubru 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (1). Dan ir-Regolament huwa supplimentat mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 (2), u r-regoli għall-applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831 (3).

L-objettiv ġenerali tal-miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni huwa li jżidu l-kompetittività tas-settur agrikolu tal-Unjoni.

L-objettivi speċifiċi tal-miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni huma li:

(a)

iżidu s-sensibilizzazzjoni lejn dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u dwar l-istandards għolja applikabbli għall-metodi ta' produzzjoni fl-Unjoni;

(b)

iżidu l-kompetittività u l-konsum tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u ta' ċerti prodotti tal-ikel u jgħollu l-profil tagħhom kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni;

(c)

iżidu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni;

(d)

iżidu s-sehem mis-suq tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni u ta' ċerti prodotti tal-ikel, billi jiffukaw b'mod speċifiku fuq dawk is-swieq f'pajjiżi terzi li għandhom l-akbar potenzjal ta' tkabbir;

(e)

jerġgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet normali tas-suq f'każ ta' disturb serju tas-suq, telf tal-fiduċja tal-konsumatur jew problemi speċifiċi oħra.

1.2.   Il-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kummissjoni għall-2017

Il-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni għall-2017, adottat bid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (4) fid-9 ta’ Novembru 2016, jispeċifika d-dettalji għall-għoti ta' kofinanzjament u l-prijoritajiet għall-azzjonijiet għal proposti għal programmi sempliċi u multipli fis-suq intern u f'pajjiżi terzi. Dan huwa disponibbli fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/agriculture/promotion/annual-work-programmes/2017/index_en.htm

1.3.   L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (minn hawn 'il quddiem Chafea) hija fdata mill-Kummissjoni Ewropea bil-ġestjoni ta' ċerti partijiet tal-miżuri dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi, inkluża l-evalwazzjoni ta' programmi sempliċi.

1.4.   Din is-sejħa għall-proposti

Din is-sejħa għall-proposti tirrigwarda l-implimentazzjoni ta' programmi sempliċi, fil-qafas tat-taqsima 1.2.1.1 u 1.2.1.2 tal-Anness I tal-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2017 relatat ma' azzjonijiet taħt il-prijorità tematika 1 u 2, jiġifieri programmi sempliċi fis-suq intern u f'pajjiżi terzi.

2.   Objettiv(i) — Temi — Prijoritajiet

It-taqsima 1.2.1.1 u 1.2.1.2 tal-Anness I tal-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2017 tispeċifika l-prijoritajiet tematiċi għall-azzjonijiet li għandhom jiġu kofinanzjati permezz ta' din is-sejħa (ara wkoll it-taqsima 6.2 dwar l-Attivitajiet eliġibbli aktar 'l isfel). Għall-finanzjament se jiġu kkunsidrati biss proposti li jikkorrispondu direttament mas-suġġett u d-deskrizzjoni mogħtija f'din it-taqsima tal-Programm ta' Ħidma Annwali. Għalhekk, mad-dokument tas-sejħa preżenti huma mħabbra 8 suġġetti għall-proposti. L-applikazzjonijiet sottomessi taħt din is-sejħa jridu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' xi wieħed minn dawn is-suġġetti ta' prijorità. Organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti diversi applikazzjonijiet għal proġetti differenti taħt l-istess suġġett ta' prijorità. Jistgħu jiġu sottomessi wkoll diversi applikazzjonijiet għal proġetti differenti taħt suġġetti ta' prijorità differenti.

3.   Skeda ta' żmien

Id-data ta' skadenza għas-sottomissjoni hija l-20 ta’ April 2017, 17:00 CET (Ħin tal-Ewropa Ċentrali).

 

Stadji

Data u ħin jew perjodu indikattiv

a)

Pubblikazzjoni tas-sejħa

12.1.2017

b)

Data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

20.4.2017

c)

Perjodu ta' evalwazzjoni (indikattiv)

21.4–31.8.2017

d)

Deċiżjoni mill-Kummissjoni (indikattiv)

Ottubru 2017

e)

Informazzjoni lill-applikanti (indikattiv)

Ottubru 2017

f)

Iffirmar tal-kuntratt mal-Istat Membru (indikattiv)

Jannar 2018

g)

Data tal-bidu tal-azzjoni (indikattiv)

> 1.1.2018

4.   Baġit disponibbli

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-azzjonijiet taħt din is-sejħa huwa stmat li jilħaq EUR 85 500 000. L-ammonti indikattivi disponibbli għal kull suġġett huma indikati fit-tabella “Attivitajiet eliġibbli” taħt il-punt 6 aktar 'l isfel.

Dan l-ammont huwa soġġett għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2018 mill-awtorità baġitarja tal-UE jew previsti fid-dodiċeżmi proviżorji. Dan l-ammont huwa soġġett ukoll għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet għat-tliet snin li jmiss b'kont meħud tan-natura mhux differenzjata tal-approprjazzjonijiet.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

5.   Rekwiżiti ta' ammissibbiltà

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu sa mhux aktar tard mid-data ta' skadenza għas-sottomissjoni msemmija fit-taqsima 3.

L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi onlajn mill-koordinatur permezz tal-portal għall-parteċipanti (is-sistema ta' sottomissjoni elettronika hija disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/agrip/index.html

In-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' hawn fuq iwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.

Il-proposti jistgħu jiġu sottomessi bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, meta jkunu qegħdin jippreparaw il-proposti tagħhom, l-applikanti jenħtieġ li jqisu li l-kuntratti se jiġu mmaniġġati mill-Istati Membri. Għaldaqstant, l-applikanti huma mħeġġa biex jissottomettu l-proposta tagħhom bil-lingwa/lingwi tal-Istat Membru tal-oriġini tal-organizzazzjonijiet proponenti sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx indika l-qbil tiegħu li l-kuntratt jiġi ffirmat bl-Ingliż (5). Sabiex jiġi faċilitat ir-rieżami l-valutazzjoni tal-proposti minn esperti indipendenti li jipprovdu input tekniku għall-evalwazzjoni, traduzzjoni bl-Ingliż tal-parti teknika (il-parti B) għandha preferibbilment takkumpanja l-proposta jekk din tkun miktuba b'lingwa uffiċjali oħra tal-UE.

6.   Kriterji ta' eliġibbiltà

6.1.   Applikanti eliġibbli

Il-Proposti għal programmi sempliċi jistgħu jiġu sottomessi biss minn persuni ġuridiċi jew entitajiet oħra li ma jkollhomx personalità ġuridika taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, diment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità li jossidisfaw obbligi legali f'isem l-entità u joffru garanziji għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkunu ekwivalenti għal dawk offruti minn persuni ġuridiċi kif imsemmija fl-Artikolu 131(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(i)

B’mod aktar speċifiku, l-applikazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet u l-korpi li ġejjin huma eliġibbli, kif imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014: organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali stabbiliti fi Stat Membru u rappreżentanti tas-settur jew setturi kkonċernat(i) f’dak l-Istat Membru, u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet interprofessjonali msemmija fl-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-gruppi kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, diment li jkunu rappreżentattivi għall-isem protett skont ir-Regolament tal-aħħar u li huwa kopert b’dak il-programm

(ii)

organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif definiti fl-Artikoli 152 u 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ġew rikonoxxuti minn Stat Membru; jew

(iii)

korpi tas-settur agroalimentari li l-objettiv u l-attività tagħhom huma li jipprovdu informazzjoni dwar, u li jippromwovu prodotti agrikoli u li jkunu ġew inkarigati, mill-Istat Membru kkonċernat, b’missjoni ta’ servizz pubbliku f’dan il-qasam iddefinit b’mod ċar; dawk il-korpi għandhom ikunu ġew stabbiliti legalment fl-Istat Membru inkwistjoni tal-inqas sentejn qabel id-data tas-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2).

L-organizzazzjonijiet proponenti msemmija hawn fuq jistgħu jissottomettu proposta diment li jkunu rappreżentattivi tas-settur jew tal-prodott ikkonċernat mill-proposta, li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1(1) jew 1(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 tat-23 ta’ April 2015, jiġifieri:

(i)

organizzazzjoni professjonali jew interprofessjonali, stabbilita fi Stat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 rispettivament, għandhom jitqiesu li huma rappreżentattivi tas-settur ikkonċernat mill-programm:

meta tkun tammonta għal mill-inqas 50 % bħala proporzjon tal-għadd ta' produtturi, jew 50 % tal-volum jew tal-valur minimu tal-produzzjoni li tista' titqiegħed fis-suq tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat, fl-Istat Membru kkonċernat; jew

meta tkun organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-Istat Membru skont l-Artikolu 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(ii)

grupp kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, għandu jitqies li huwa rappreżentattiv ta' isem protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u kopert mill-programm, meta dan jammonta għal mill-inqas 50 % tal-volum jew tal-valur tal-produzzjoni li tista' titqiegħed fis-suq tal-prodott(i) li ismu(isimhom) jkun(ikunu) protett(i);

(iii)

organizzazzjoni ta' produtturi jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandha titqies li tkun rappreżentattiva tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat(i) mill-programm, fejn hija rikonoxxuta mill-Istat Membru skont l-Artikoli 154 jew 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(iv)

korp fis-settur agroalimentari kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandu jitqies li huwa rappreżentattiv tas-settur(i) ikkonċernat(i) mill-programm permezz ta’ rappreżentanti ta’ dak/dawk il-prodott(i) jew settur fost is-sħubiji tiegħu.

B'deroga mill-punti (i) u (ii) ta’ hawn fuq, jistgħu jiġu aċċettati limiti aktar baxxi, jekk l-organizzazzjoni proponenti turi fil-proposta mressqa li jeżistu ċirkostanzi speċifiċi, inkluża l-evidenza dwar l-istruttura tas-suq, li jiġġustifikaw it-trattament tal-organizzazzjoni proponenti bħala rappreżentattiva tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat(i).

Il-proposti jistgħu jiġu sottomessi minn organizzazzjoni proponenti waħda jew aktar mill-istess Stat Membru tal-UE.

Huma eliġibbli biss applikazzjonijiet minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE.

Entitajiet mhux eliġibbli: applikanti li diġà jirċievu finanzjament mill-Unjoni għall-istess miżuri dwar l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni li jkunu jagħmlu parti mill-proposta/i tagħhom m'għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni għal dawk il-miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

Għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-applikanti, huma mitluba d-dokumenti ta' sostenn li ġejjin:

entità privata: estratt mill-ġurnal uffiċjali, kopja tal-artikoli ta' assoċjazzjoni, jew estratt mir-reġistru tan-negozju jew ta' assoċjazzjoni;

entità pubblika: kopja tar-riżoluzzjoni jew tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kumpanija pubblika, jew dokument uffiċjali ieħor li jistabbilixxi l-entità taħt il-liġi pubblika;

entitajiet mingħajr personalità ġuridika: dokumenti li jipprovdu evidenza li r-rappreżentanti tagħhom għandhom il-kapaċità li jissodisfaw l-obbligi legali f'isimhom.

dokumentazzjoni li tipprova li l-applikant jissodisfa l-kriterji tar-rappreżentattività stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829.

6.2.   Attivitajiet eliġibbli

Il-proposti għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà elenkati fl-Anness II tal-Programm ta' Ħidma Annwali, jiġifieri:

(a)

il-proposti jistgħu jkopru biss prodotti u skemi elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014;

(b)

il-proposti għandhom jassiguraw li l-miżuri jiġu implimentati permezz ta' korpi ta' implimentazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014. L-organizzazzjonijiet proponenti jridu jagħżlu l-korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programmi billi jassiguraw l-aħjar valur għall-flus u n-nuqqas ta' kunflitt ta' interess (ara l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 u l-punt e) tat-taqsima 11.1 tas-sejħa). L-organizzazzjoni proponenti għandha tintrabat li l-korp responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm għandu jintgħażel qabel l-iffirmar tal-kuntratt (ara l-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831);

(c)

jekk organizzazzjoni proponenti tipproponi li timplimenta ċerti partijiet tal-proposta hija stess, din għandha tassigura li l-kost tal-miżura li hija tippjana li twettaq hija nnifisha ma jaqbiżx ir-rati normali tas-suq;

(d)

il-proposti għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-prodotti kkonċernati u mad-dispożizzonijiet kollha deskritti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829;

(e)

jekk messaġġ imwassal ikun jirrigwarda informazzjoni dwar l-impatt fuq is-saħħa, il-proposti għandhom jikkonformaw mar-regoli kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829;

(f)

jekk il-proposta tipproponi li ssemmi l-oriġini jew xi ditti, hija għandha tikkonforma mar-regoli msemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831.

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-attivitajiet ippjanati, għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja:

proposti li jkopru skemi ta’ kwalità nazzjonali għandhom jipprovdu dokumentazzjoni jew referenza għas-sorsi disponibbli għall-pubbliku li juru li l-iskema ta’ kwalità hi rikonoxxuta mill-Istat Membru;

proposti li għandhom fil-mira tagħhom is-suq intern u li jgħaddu messaġġ dwar il-prattiki tad-dieta xierqa jew dwar il-konsum responsabbli tal-alkoħol għandhom jiddeskrivu kif il-programm propost u l-messaġġ(i) tiegħu huma konformi mar-regoli nazzjonali rilevanti fil-qasam tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru fejn se jitwettaq il-programm. Il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi referenzi jew dokumentazzjoni fl-appoġġ tal-pretensjoni.

Barra minn hekk, proposta għandha tikkonforma wkoll ma' waħda mill-prijoritajiet tematiċi elenkati fil-Programm ta' ħidma annwali għall-2017 għall-programmi sempliċi. Dawn ta' hawn taħt huma estratti mill-Programm ta' Ħidma Annwali għall-2017 li jagħtu dettalji tat-8 suġġetti li għalihom jistgħu jiġu sottomessi applikazzjonijiet. It-test jiddeskrivi s-suġġetti, l-ammont relatat previst, l-objettivi u r-riżultati mistennija.

Azzjonijiet taħt il-prijorità tematika 1: Programmi sempliċi fis-suq intern

Suġġetti

Ammont totali previst

Prijoritajiet tas-sena, objettivi segwiti u riżultati mistennija

Suġġett 1 - Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni mmirati sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 5(4)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014,

EUR 12 375 000

L-objettiv huwa li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni:

a)

skemi ta' kwalità: Denominazzjoni tal-oriġini protetta (DOP), indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), speċjalità tradizzjonali garantita (STG) u termini fakultattivi tal-kwalità

b)

metodu ta’ produzzjoni organika

c)

il-logo għal prodotti agrikoli ta’ kwalità speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni

Il-programmi ta' informazzjoni u ta' promozzjoni li jimmiraw lejn l-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu prijorità ewlenija fis-suq intern billi tali skemi jipprovdu lill-konsumaturi b'assigurazzjonijiet dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jew il-proċess ta' produzzjoni li jintuża, jiksbu valur miżjud għall-prodotti kkonċernati u jtejbu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq.

Wieħed mir-riżultati mistennija huwa li jiżdiedu l-livelli ta' rikonoxximent tal-logo assoċjat mal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni mill-konsumaturi Ewropej fid-dawl tal-fatt li, skont Eurobarometer speċjali (nru 440), 20 % tal-konsumaturi Ewropej biss jagħrfu l-logos tal-prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni tal-oriġini protetta (DOP), 17 % għal indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) u 15 % għal Speċjalità Tradizzjonali Garantita, li dawn huma l-iskemi ta' kwalità prinċipali tal-Unjoni. Barra minn hekk, 23 % tal-konsumaturi Ewropej biss jagħrfu l-logo tal-biedja organika.

L-impatt finali mistenni huwa li jiżdiedu l-kompetittività u l-konsum tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni rreġistrati taħt skema ta' kwalità tal-Unjoni, jogħla l-profil tagħhom u jiżdied is-sehem tagħhom mis-suq.

Suġġett 2 - Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni mmirati sabiex jissottolinjaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi agrikoli fl-Unjoni u l-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u dawk tal-ikel Ewropej, u skemi ta’ kwalità definiti fl-Artikolu 5(4)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014

EUR 10 125 000

L-objettiv huwa li jiġu sottolinjati l-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi ta' produzzjoni agrikola fl-Unjoni, b'mod partikolari f'termini tas-sigurtà tal-ikel, it-traċċabilità, l-awtentiċità, it-tikkettar, l-aspetti nutrizzjonali u tas-saħħa (inklużi prattiki tad-dieta xierqa u konsum responsabbli tax-xarbiet alkoħoliċi eliġibbli), il-benesseri tal-annimali, ir-rispett għall-ambjent u s-sostenibbiltà, u l-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u dawk tal-ikel, b'mod partikolari f'termini tal-kwalità, it-togħma, id-diversità jew it-tradizzjonijiet tagħhom.

L-impatt mistenni huwa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-merti tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni mill-konsumaturi Ewropej u għandu jżid il-kompetittività u l-konsum tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni kkonċernati, jgħolli l-profil tagħhom u jżid is-sehem tagħhom mis-suq u l-ikel agroalimentari


Azzjonijiet taħt il-prijorità tematika 2: Programmi sempliċi f'pajjiżi terzi  (6)

Suġġetti

Ammont totali previst

Prijoritajiet tas-sena, objettivi segwiti u riżultati mistennija

Suġġett 3 (*1) - Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni mmirati lejn wieħed jew aktar mill-pajjiżi li ġejjin: Iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u l-Makao), il-Ġappun, il-Korea ta' Isfel, it-Tajwan, ir-reġjun Asjatiku tax-Xlokk jew l-Indja

EUR 14 750 000

Il-programmi ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għandhom jimmiraw pajjiż wieħed jew aktar identifikati fis-suġġett korrispondenti.

L-objettivi ta' dawn il-programmi jenħtieġ li jikkonformaw mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

L-impatt finali mistenni għandu jżid il-kompetittività u l-konsum tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni, jgħolli l-profil tagħhom u jżid is-sehem tagħhom tas-suq f'dawn il-pajjiżi mmirati.

Suġġett 4 (*1) - Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni mmirati lejn wieħed jew aktar mill-pajjiżi li ġejjin: L-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada jew il-Messiku

EUR 11 600 000

Suġġett 5 (*1) - Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni mmirati lejn pajjiż wieħed jew aktar tal-Afrika, il-Lvant Nofsani (*2), l-Iran jew it-Turkija

EUR 8 450 000

Suġġett 6 (*1) - Provvediment ta' informazzjoni u programmi ta' promozzjoni mmirati lejn żoni ġeografiċi oħra minbarra dawk inklużi taħt is-Suġġetti 3, 4 u 5

EUR 11 600 000

Suġġett 7 – Provvediment ta’ informazzjoni u programmi ta' promozzjoni dwar il-prodotti tal-ħalib, prodotti tal-laħam tal-majjal jew kombinament ta’ dawn it-tnejn immirati lejn kwalunkwe pajjiż terz

Il-prodotti eliġibbli taħt dan is-Suġġett huma dawk elenkati fil-Parti XVII tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) għall-prodotti tal-laħam tal-majjal u fil-Parti XVI tal-Anness I għal dak ir-Regolament għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib, rispettivament.

EUR 12 600 000

Suġġett 8 – Provvediment ta’ informazzjoni u programmi ta’ promozzjoni dwar prodotti taċ-ċanga li jimmiraw kwalunkwe pajjiż terz.

Il-prodotti eliġibbli taħt dan is-suġġett huma dawk elenkati fil-Parti XV tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

EUR 4 000 000

Jekk organizzazzjoni proponenti tkun tixtieq timmira diversi mir-reġjuni prijoritizzati f'pajjiżi terzi fi programm wieħed, hija jenħtieġ li tissottometti diversi applikazzjonijiet (applikazzjoni għal kull suġġett). B'mod alternattiv, hija tista' tapplika wkoll taħt is-suġġett “programmi ta' informazzjoni u ta' promozzjoni mmirati lejn żoni ġeografiċi oħra”. Dan is-suġġett jirrigwarda ż-żoni ġeografiċi li ma kinux elenkati fis-suġġett 3 sas-suġġett 5, iżda jista' jirrigwarda wkoll taħlita ta' diversi reġjuni prijoritizzati elenkati fis-suġġett 3 sas-suġġett 5.

Tipi ta' attivitajiet eliġibbli

L-azzjonijiet ta’ provvediment ta' promozzjoni u ta' informazzjoni jistgħu jikkonsistu b'mod partikolari mill-attivitajiet li ġejjin, eliġibbli taħt din is-sejħa:

1.

Ġestjoni tal-proġett

2.

Relazzjonijiet pubbliċi

Attivitajiet ta' PR (relazzjonijiet pubbliċi)

Avvenimenti għall-istampa

3.

Sit web, midja soċjali

Stabbiliment, aġġornament u manutenzjoni tas-sit web

Midja soċjali (stabbiliment tal-kontijiet u ppowstjar regolari)

Oħrajn (apps tal-mowbajl, pjattaformi ta’ tagħlim elettroniku, webinars, eċċ.)

4.

Reklamar

Stampa

TV

Radju

Onlajn

Fuq barra

Ċinema

5.

Għodod ta' komunikazzjoni

Pubblikazzjonijiet, settijiet tal-midja, merkanzija promozzjonali

Filmati promozzjonali

6.

Avvenimenti

Stands fil-fieri kummerċjali

Seminars, workshops, laqgħat B2B, sessjonijiet ta' taħriġ għas-snajja'/koki, attivitajiet fl-iskejjel

Ġimgħat tar-ristoranti

Sponsorizzar tal-avvenimenti

Vjaġġi ta' studju fl-Ewropa

7.

Promozzjoni fil-punti tal-bejgħ (POS - point-of-sale)

Jiem tad-dewqan

Oħrajn: promozzjoni fil-pubblikazzjonijiet tal-bejjiegħa bl-imnut, reklamar fil-POS

Perjodu ta' implimentazzjoni

L-azzjoni kofinanzjata (programmi ta' informazzjoni/ta’ promozzjoni) għandha tiġi implimentata fuq perjodu ta' mill-anqas sena iżda ta' mhux aktar minn tliet snin.

Il-proposti jenħtieġ li jispeċifikaw it-tul tal-azzjoni.

7.   Kriterji ta' esklużjoni

7.1.   Esklużjoni mill-parteċipazzjoni

L-applikanti jiġu esklużi milli jipparteċipaw f'din il-proċedura ta' sejħa għall-proposti jekk ikunu jinsabu f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni (7):

(a)

l-operatur ekonomiku jkun falla, ikun soġġett għal proċeduri ta' insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu jkunu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew minn qorti, fejn ikun jinsab f’arranġament ma' kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jkunu sospiżi, jew fejn ikun qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-liġijiet jew fir-regolamenti nazzjonali;

(b)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku jkun qed jikser l-obbligi tiegħu marbuta mal-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont il-liġi tal-pajjiż fejn ikun stabbilit, ma' dawk tal-pajjiż li fih tkun tinsab l-awtorità kontraenti jew ma' dawk tal-pajjiż tat-twettiq tal-kuntratt;

(c)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta' mġiba professjonali ħażina serja billi jkun kiser il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li jappartjeni għaliha l-operatur ekonomiku, jew billi jkun involut fi kwalunkwe aġir ħażin li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu fejn dan it-tip ta' aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja, fosthom, b'mod partikolari, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

rappreżentazzjoni ħażina b'mod frodulenti jew b'negliġenza ta' informazzjoni meħtieġa għall-verifika tan-nuqqas ta' raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji tal-għażla jew fl-eżekuzzjoni ta' kuntratt;

(ii)

id-dħul fi ftehim ma' operaturi ekonomiċi oħrajn bil-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(iii)

il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(iv)

it-tentattiv li jiġi influwenzat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-proċedura ta' akkwist;

(v)

it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista' tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura ta' akkwist;

(d)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali li l-operatur ekonomiku jkun ħati ta' xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

frodi, skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, imfassla bl-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995 (8);

(ii)

korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imfassla bl-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 1997 (9), u fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA (10), kif ukoll korruzzjoni kif definita fil-liġi tal-pajjiż fejn tkun tinsab l-awtorità kontraenti, il-pajjiż fejn ikun stabbilit l-operatur ekonomiku jew il-pajjiż tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

(iii)

parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (11);

(iv)

ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu, kif definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(v)

reati marbuta mat-terroriżmu jew reati marbuta ma' attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (13) rispettivament, jew inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattivi għat-twettiq ta' reati, kif imsemmija fl-Artikolu 4 ta' dik id-Deċiżjoni;

(vi)

it-tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta' traffikar tal-bnedmin kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(e)

l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti fil-konformità tiegħu mal-obbligi ewlenin fit-twettiq ta' kuntratt iffinanzjat mill-baġit, li jkun wassal għat-terminazzjoni bikrija tiegħu jew għall-applikazzjoni ta' danni likwidati jew penali kuntrattwali oħrajn jew li jkun ġie skopert wara kontrolli, verifiki jew investigazzjonijiet minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, l-OLAF jew il-Qorti tal-Awdituri;

(f)

ikun ġie stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku jkun wettaq irregolarità skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95

7.2.   Esklużjoni mill-għoti:

L-applikanti se jiġu esklużi mill-għoti ta' kofinanzjament jekk, matul il-proċedura tal-għoti ta' finanzjament, huma jkunu f'waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti taħt l-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju:

a)

ikunu f'sitwazzjoni ta' esklużjoni stabbilita skont l-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju;

b)

ikunu rrappreżentaw b'mod ħażin l-informazzjoni meħtieġa bħala kondizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew naqsu milli jipprovdu dik l-informazzjoni fil-proċedura tal-għoti tal-għotja;

Biex juri l-konformità mal-kriterji ta' esklużjoni, l-applikant irid jimmarka l-kaxxa rilevanti waqt li jkun qiegħed jissottometti l-applikazzjoni onlajn tiegħu. Jekk jintgħażlu għall-kofinanzjament, il-benefiċjarji kollha jridu jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur li tiċċertifika li ma jkunux f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 106(1) u 107 sa 109 tar-Regolament Finanzjarju. L-applikanti għandhom isegwu l-istruzzjonijiet fil-portal għall-parteċipanti.

8.   Kriterji tal-għażla

8.1.   Kapaċità finanzjarja

L-applikanti jrid ikollhom sorsi stabbli u suffiċjenti ta' finanzjament biex iżommu l-attività tagħhom tul il-perjodu sħiħ tal-implimentazzjoni tal-azzjoni u biex jipparteċipaw fil-finanzjament tagħha.

Il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti kollha se tiġi vvalutata skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012. Din il-valutazzjoni ma titwettaqx jekk:

il-kontribuzzjoni tal-UE mitluba mill-applikant tkun ta' ≤ EUR 60 000;

l-applikant ikun korp pubbliku

Id-dokumenti ta' sostenn li jridu jiġu annessi mal-applikazzjoni onlajn biex tkun tista' ssir il-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja jinkludu:

il-kontijiet annwali (inklużi l-karta bilanċjali u r-rapport tal-introjtu) għas-sena finanzjarja ta' qabel li għaliha jkunu ngħalqu l-kontijiet (għall-entitajiet maħluqin ġodda, għandu jiġi ppreżentat il-pjan tan-negozju biex jieħu post il-kontijiet);

Formola tal-Vijabilità Finanzjarja mimlija minn qabel li tiġbor fil-qosor id-data neċessarja mill-kontijiet annwali li tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-applikant.

Barra minn hekk, għal koordinatur jew benefiċjarju ieħor li jitlob kontribuzzjoni mill-UE ta' ≥ EUR 750 000 (limitu applikabbli għal kull benefiċjarju):

rapport tal-awditu mħejji minn awditur estern approvat, li jiċċertifika l-kontijiet għall-aħħar sena finanzjarja disponibbli. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-korpi pubbliċi.

8.2.   Kapaċità operattiva

L-applikanti jrid ikollhom il-kompetenzi professjonali u l-kwalifiki meħtieġa biex itemmu l-azzjoni.

Bħala evidenza, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi pprovduta fil-parti B tal-proposta:

Il-profili ġenerali (kwalifiki u esperjenzi) tal-persunal tal-applikant prinċipalment responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjoni proposta

Ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet proponenti jew deskrizzjoni tal-attivitajiet imwettqa b'rabta mal-attivitajiet li jkunu eliġibbli għal kofinanzjament kif deskritt taħt il-punt 6 (aktar 'il fuq).

F'każijiet fejn l-organizzazzjonijiet proponenti jipproponu li jimplimentaw ċerti partijiet tal-proposta, għandha tingħata evidenza li jkollhom mill-anqas tliet snin esperjenza fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' informazzjoni u ta' promozzjoni.

9.   Kriterji tal-għoti

Il-Parti B tal-applikazzjoni sservi biex il-proposta tiġi evalwata kontra l-kriterji tal-għoti.

B'mod ġenerali, il-proġetti huma mistennija li jkollhom struttura effiċjenti tal-ġestjoni, strateġija ċara u deskrizzjoni preċiża tar-riżultati mistennija.

Il-kontenut ta' kull proposta se jiġi vvalutat skont il-kriterji u s-sottokriterji li ġejjin:

Kriterji

Punti massimi

Limitu

1.

Dimensjoni tal-Unjoni

20

14

2.

Kwalità teknika tal-proġett

40

24

3.

Kwalità tal-ġestjoni

10

6

4.

Baġit u kosteffettività

30

18

TOTAL

100

62

Il-proposti li jaqgħu taħt il-limiti globali u/jew il-limiti individwali mħabbra hawn fuq għandhom jiġu rifjutati.

Is-sottokriterji li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni ta' kull wieħed mill-kriterji prinċipali tal-għoti:

1.

Id-dimensjoni tal-Unjoni:

a)

Rilevanza tal-miżuri proposti ta' informazzjoni u promozzjoni għall-objettivi ġenerali u speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll għall-prijoritajiet, l-objettivi u r-riżultati mistennija mħabbra taħt il-prijorità tematika rilevanti

b)

Il-messaġġ tal-Unjoni tal-kampanja

c)

L-impatt tal-proġett fil-livell tal-Unjoni

2.

Il-kwalità teknika tal-proġett

a)

Il-kwalità u r-rilevanza tal-analiżi tas-suq

b)

L-adegwatezza tal-istrateġija tal-programm, tal-objettivi, u tal-messaġġi ewlenin;

c)

Għażla xierqa ta' attivitajiet fir-rigward tal-objettivi u l-istrateġija tal-programm, taħlita ta’ komunikazzjoni bbilanċjata, sinerġija bejn l-attivitajiet;

d)

Deskrizzjoni konċiża tal-attivitajiet;

e)

Il-kwalità tal-metodi u l-indikaturi proposti għall-evalwazzjoni.

3.

Il-kwalità tal-ġestjoni

a)

L-organizzazzjoni tal-proġett u l-istruttura tal-ġestjoni;

b)

Il-mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità u l-ġestjoni tar-riskju.

4.

Il-baġit u l-kosteffettività

a)

Redditu fuq l-investiment

b)

Tqassim xieraq tal-baġit fir-rigward tal-objettivi u tal-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet;

c)

Il-konsistenza bejn l-ispejjeż u r-riżultati stmati;

d)

Stima realistika tal-persuni/jiem għall-attivitajiet implimentati mill-organizzazzjoni proponenti, inklużi l-ispejjeż tal-koordinazzjoni tal-proġett.

Wara l-evalwazzjoni, il-proposti kollha eliġibbli jiġu kklassifikati skont in-numru totali ta’ punti mogħtija. Il-proposta jew proposti bl-ogħla klassifikazzjoni jingħataw kofinanzjament skont il-baġit disponibbli.

Għandha tiġi stabbilita lista bi klassifikazzjoni separata għal kull wieħed mis- suġġetti ta' prijorità elenkati taħt it-taqsima 6.2 tas-sejħa preżenti.

Jekk ikun hemm żewġ proposti (jew aktar) bl-istess numru ta' punti fuq l-istess lista bi klassifikazzjoni, f'dak il-każ il-proposta/i li tagħti/jagħtu lok għal diversifikazzjoni f'termini ta' prodotti jew swieq immirati għandha/hom tinżamm/jinżammu. Dan ifisser li bejn żewġ proposti ex aequo, il-Kummissjoni l-ewwel għandha tagħżel dik li l-kontenut tagħha (l-ewwel f'termini tal-prodotti, it-tieni f'termini tas-suq immirat) ikun għadu mhux rappreżentat fil-lista kklassifikata. Jekk dan il-kriterju ma jkunx jista' jiġi applikat, f'dak il-każ il-Kummissjoni għandha l-ewwel tagħżel il-programm li jkun ġab l-ogħla punteġġ għall-kriterji tal-għoti individwali. L-ewwel, hi se tqabbel il-punteġġi għad-“Dimensjoni tal-Unjoni”, imbagħad għall-“Kwalità teknika”, u finalment għall-“Baġit u l-kosteffettività”.

10.   Impenji legali

Wara l-evalwazzjoni, iċ-Chafea tistabbilixxi lista ta' proposti rakkomandati għal finanzjament, ikklassifikati skont in-numru totali ta' punti mogħtija.

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta att ta' implimentazzjoni, li jiddetermina l-programmi sempliċi magħżula, kwalunkwe tibdil li għandu jsir fihom, u l-baġits korrispondenti (deċiżjoni ta' għoti).

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni se telenka l-programmi magħżula aċċettati għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014. Din id-Deċiżjoni se tiġi indirizzata lill-Istati Membri kompetenti. L-Istati Membri kkonċernati se jkunu responsabblimill-implimentazzjoni xierqa tal-programmi sempliċi magħżula u mill-pagamenti rilevanti.

Malli l-Kummissjoni tadotta dan l-att ta' implimentazzjoni, hija għandha tibgħat il-kopji tal-programmi magħżula lill-Istati Membri kkonċernati. Mingħajr dewmien, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet proponenti kkonċernati jekk l-applikazzjonijiet tagħhom ikunux ġew aċċettati jew le.

L-Istati Membri għandhom jikkonkludu kuntratti għall-implimentazzjoni ta' programmi mal-organizzazzjonijiet proponenti magħżula skont ir-rekwiżiti msemmija taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831. Il-kuntratt se jiddettalja b'mod partikolari l-kundizzjonijiet u l-livell ta' finanzjament, kif ukoll l-obbligi tal-partijiet.

11.   Dispożizzjonijiet finanzjarji

11.1.   Prinċipji ġenerali

a)

Għoti mhux kumulattiv

Azzjoni tista' tirċievi biss għotja waħda mill-baġit tal-UE.

L-istess spejjeż ma għandhom fl-ebda ċirkustanza jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni.

L-applikanti għandhom jindikaw is-sorsi u l-ammonti ta' finanzjament tal-Unjoni riċevuti jew li ssir applikazzjoni għalihom għall-istess azzjoni jew parti mill-azzjoni jew għat-tħaddim tagħhom (għotjiet operazzjonali), kif ukoll kwalunkwe finanzjament ieħor riċevut jew li ssir applikazzjoni għalih għall-istess azzjoni.

b)

Nonretroattività

Ma tista' tingħata l-ebda għotja b'mod retrospettiv għal azzjonijiet li jkunu diġà tlestew.

c)

Kofinanzjament

Kofinanzjament ifisser li r-riżorsi meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni ma jkunux kompletament ipprovduti mill-għotja tal-UE.

In-nefqa li jifdal għandha tinġarr esklussivament mill-organizzazzjoni proponenti.

Huma permessi u se jiġu kkunsidrati bħala rċevuti, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-benefiċjarji mill-membri tagħha, speċifikament biex jintużaw għall-ispejjeż li huma negliġibbli taħt l-azzjoni.

d)

Baġit ibbilanċjat

Il-baġit stmat tal-azzjoni jrid jiġi ppreżentat fil-parti A tal-formola tal-applikazzjoni. Dan irid ikollu d-dħul u n-nefqa bbilanċjati.

Il-baġit irid ikun imfassal fil-munita euro.

L-applikanti li jipprevedu li l-ispejjeż ma jkunux se jiġu mġarrba fil-munita euro huma mistiedna jużaw ir-rata tal-kambju ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/inforeuro/inforeuro_en.cfm

e)

Kuntratti/sottokuntratti ta' implimentazzjoni

Fejn l-implimentazzjoni tal-azzjoni tkun teħtieġ l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist (kuntratti ta' implimentazzjoni), il-benefiċjarju għandu jagħti l-kuntratt lill-offerta li tagħti l-aħjar valur għall-flus jew l-orħos prezz (kif ikun xieraq), biex b'hekk jiġu evitati kunflitti ta' interess, u għandu jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.

Fejn l-organizzazzjoni proponenti tkun korp regolat mil-liġi pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, hija trid tagħżel is-sottokuntratturi skont il-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi dik id-Direttiva.

Is-sottokuntrattar, jiġifieri l-esternalizzazzjoni ta' kompiti jew attivitajiet speċifiċi li jiffurmaw parti mill-azzjoni kif deskritt fil-proposta, irid jissodisfa il-kundizzjonijiet applikabbli għal kwalunkwe kuntratt ta' implimentazzjoni (kif speċifikat hawn fuq) u flimkien magħhom il-kundizzjonijiet li ġejjin:

irid ikun iġġustifikat billi jitqiesu n-natura tal-azzjoni u dak li jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha;

irid ikun imsemmi b'mod ċar fil-partijiet tekniċi u finanzjarji tal-proposta.

f)

Sottokuntrattar lil entitajiet li jkollhom rabta strutturali mal-benefiċjarju

Jistgħu jingħataw sottokuntratti wkoll lil entitajiet li jkollhom rabta strutturali mal-benefiċjarju, iżda biss jekk il-prezz ikun limitat għall-ispejjeż reali mġarrba mill-entità (jiġifieri mingħajr l-ebda marġini ta' profitt).

Il-kompiti li għandhom jiġu implimentati minn tali entitajiet iridu jkunu msemmija b'mod ċar fil-parti teknika tal-proposta.

11.2.   Forom ta' finanzjament

Il-kofinanzjament għandu jieħu l-forma ta' rimborż ta' proporzjon speċifikat tal-ispejjeż eliġibbli li fil-fatt jiġġarrbu; huwa se jinkludi wkoll ratta fissa li tkopri l-ispejjeż indiretti (daqs 4 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-persunal) li jkunu marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjoni (15).

Ammont massimu mitlub

L-għotja tal-UE hija limitata għar-rata massima ta' kofinanzjament li ġejja ta':

għal programmi sempliċi fis-suq intern: 70 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-programm

għal programmi sempliċi f'pajjiżi terzi: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-programm

għal programmi sempliċi fis-suq intern ta' benefiċjarju stabbilit fi Stati Membri li fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara rċevew għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 136 u 143 TFUE (16): 75 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-programm

għal programmi sempliċi f'pajjiżi terzi ta' benefiċjarju stabbilit fi Stati Membri li fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara rċevew għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 136 u 143 TFUE: 85 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-programm

Dawn l-aħħar żewġ perċentwali għandhom japplikaw għal dawk il-programmi li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwarhom qabel id-data minn meta l-Istat Membru kkonċernat ma jibqax jirċievi dik l-għajnuna finanzjarja.

Konsegwentement, parti mit-total tal-ispejjeż eliġibbli mdaħħla fl-istima tal-baġit għandha tiġi ffinanzjata minn sorsi barra l-għotja mill-UE (prinċipju ta' kofinanzjament).

Spejjeż eliġibbli

L-ispejjeż eliġibbli jkunu attwalment imġarrba mill-benefiċjarju tal-għotja u jissodisfaw il-kriterji kollha indikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829.

Spejjeż mhux eliġibbli

L-ispejjeż li mhumiex eliġibbli huma spejjeż li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829, b'mod partikolari:

ir-redditu fuq il-kapital;

l-ispejjeż tad-dejn u tas-servizz tad-dejn;

il-provvedimenti għat-telf jew id-djun;

l-imgħax dovut;

id-djun dubjużi;

it-telf mill-kambju;

l-ispejjeż tat-trasferimenti mill-Kummissjoni miżmuma mill-bank ta' benefiċjarju;

l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju u koperti minn azzjoni oħra li tirċievi għotja mill-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, l-ispejjeż indiretti ma għandhomx ikunu eliġibbli taħt għotja għal azzjoni aġġudikata lil benefiċjarju li diġà jirċievi għotja operattiva ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni matul il-perjodu inkwistjoni;

il-kontribuzzjonijiet in natura;

l-infiq eċċessiv jew imprudenti;

il-VAT deduċibbli;

l-ispejjeż imġarrba matul is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

Kalkolu tal-ammont finali tal-għotja

L-ammont finali tal-għotja jiġi kkalkulat wara t-tlestija tal-programm, fuq approvazzjoni tat-talba għall-pagament.

L-“ammont finali tal-għotja” jiddependi minn kemm fil-fatt il-programm ikun qed jiġi implimentat skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim.

Dan l-ammont jiġi kkalkulat mill-Istat Membru — meta jsir il-pagament tal-bilanċ — skont l-Artikolu 15 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831.

11.3.   Arranġamenti għall-pagamenti

L-organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti applikazzjoni għal pagament bil-quddiem lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831.

L-applikazzjonijiet għal pagament interim tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu sottomessi mill-organizzazzjoni proponenti lill-Istati Membri skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831.

L-applikazzjonijiet għall-pagament tal-bilanċ għandhom jiġu sottomessi mill-organizzazzjoni proponenti lill-Istati Membri skont l-Artikolu 15 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831.

11.4.   Garanzija bil-quddiem

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831, il-pagament bil-quddiem għandu jitħallas bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni proponenti tkun iddepożitat garanzija daqs l-ammont ta' dak il-ħlas bil-quddiem favur l-Istat Membru skont il-Kapitolu IV tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (17).

12.   Pubbliċità

Il-benefiċjarji għandhom jirrikonoxxu b'mod ċar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet kollha li għalihom tintuża l-għotja.

F'dan ir-rigward, il-benefiċjarji huma meħtieġa li jagħtu prominenza lill-isem u l-emblema tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet, posters, programmi u prodotti oħra kollha tagħhom imwettqa fi ħdan il-proġett kofinanzjat.

Ir-regoli għar-riproduzzjoni grafika tal-emblema Ewropea jinsabu fil-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali (18).

Barra minn hekk, il-materjal viżiv kollu prodott fil-qafas ta' programm ta' promozzjoni kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea jrid ikollu l-firma “Enjoy it’s from Europe” (“Gawdi, dan mill-Ewropa”). Il-linji gwida dwar l-użu tal-firma, kif ukoll il-fajls grafiċi kollha jistgħu jitniżżlu mis-sit web ta' promozzjoni fuq Europa (19).

Fl-aħħar nett, il-materjal miktub kollu, jiġifieri l-brochures, posters, fuljetti, banners, kartelluni, reklami stampati, Artikoli fil-gazzetti, paġni elettroniċi (bl-eċċezzjoni ta' gadgets żgħar), għandu jinkludi dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà skont it-termini speċifikati fil-ftehim tal-għotja, li tispjega li dan jirrappreżenta l-fehmiet tal-awtur. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċetta l-ebda responsabbiltà għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni li jkun fih.

13.   Protezzjoni tad-data

It-tweġiba għal kwalunkwe sejħa għall-proposti tinvolvi r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta' data personali (bħall-isem, l-indirizz u s-CVs tal-persuni li jkunu qegħdin jipparteċipaw fl-azzjoni kofinanzjata). Din id-data tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-mistoqsijiet u kwalunkwe data personali li jkunu meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-proposti, se jiġu pproċessati biss għal dak l-iskop mill-Aġenzija Eżekuttiva / il-Kummissjoni jew partijiet terzi li jaġixxu f'isem u taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Eżekuttiva/il-Kummissjoni. Is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu infurmati dwar aktar dettalji tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar, id-drittijiet tagħhom u kif dawn jistgħu jiġu infurzati billi jirreferu għall-avviż ta' privatezza ppubblikat fil-portal għall-parteċipanti:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/support/legal_notices.html

u s-sit elettroniku tal-Aġenzija:

http://ec.europa.eu/chafea/about/data_protection.html

L-applikanti huma mistiedna jiċċekkjaw id-dikjarazzjoni ta' privatezza rilevanti f'intervalli regolari sabiex ikunu infurmati sewwa dwar aġġornamenti possibbli li jistgħu jseħħu sad-data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-proposti tagħhom jew wara. Il-benefiċjarji jassumu l-obbligu legali li jinfurmaw lill-persunal tagħhom dwar l-operazzjonijiet rilevanti ta' pproċessar li jitwettqu mill-Aġenzija; sabiex jagħmlu dan, huma jridu jipprovdulhom id-dikjarazzjonijiet ta' privatezza ppubblikati mill-Aġenzija fil-portal għall-parteċipanti qabel ma jittrasmettu d-data tagħhom lill-Aġenzija; id-data personali tista' tiġi rreġistrata fis-Sistema ta' Individwazzjoni u ta' Esklużjoni Bikrija (EDES) tal-Kummissjoni Ewropea prevista fl-Artikoli 105a u 108 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE skont id-dispożizzjonijiet applikabbli.

14.   Proċedura għas-sottomissjoni tal-proposti

Il-proposti jridu jiġu sottomessi sad-data ta' skadenza stipulata taħt it-taqsima 5 permezz tas-Sistema ta' Sottomissjoni Elettronika: http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/agrip/index.html

Qabel ma tissottometti proposta:

1.

Sib sejħa:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/agrip/index.html

2.

Oħloq kont sabiex tissottometti proposta:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/organisations/register.html

3.

Irreġistra lill-imsieħba kollha permezz tar-reġistru tal-benefiċjarji:

http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/organisations/register.html

L-applikanti se jiġu infurmati bil-miktub dwar ir-riżultati tal-proċess tal-għażla.

Meta jissottometti proposta, l-applikant ikun qiegħed jaċċetta l-proċeduri u l-kundizzjonijiet kif deskritti f’din is-sejħa u fid-dokumenti li jirreferu għaliha.

Ma hija permessa l-ebda modifika fl-applikazzjoni ladarba tgħaddi d-data ta' skadenza għas-sottomissjoni. Madankollu, jekk ikun meħtieġ li jiġu ċċarati ċerti aspetti jew li jiġu rranġati xi żbalji klerikali, il-Kummissjoni/l-Aġenzija tista' tikkuntattja lill-applikant għal dan il-għan matul il-proċess tal-evalwazzjoni (20).

Kuntatti

Għal mistoqsijiet dwar l-għodod ta' sottomissjoni onlajn, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-helpdesk tal-IT stabbilit għal dan il-għan permezz tas-sit web tal-portal għall-parteċipanti:

http://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=enquiries

Għal mistoqsijiet mhux relatati mal-IT, huwa disponibbli helpdesk fiċ-Chafea fuq: +352 430136611, indirizz tal-email: CHAFEA-AGRI-CALLS@ec.europa.eu fost il-ġimgħa bejn id-9:30 – 12:00 u s-14:30 – 17:00 CET (Ħin tal-Ewropa Ċentrali). Il-helpdesk mhuwiex disponibbli fi tmiem il-ġimgħa u fil-btajjel pubbliċi.

Il-mistoqsijiet frekwenti huma ppubblikati fis-sit web taċ-Chafea:

http://ec.europa.eu/chafea/agri/faq.html

Fil-korrispondenza kollha relatata ma' din is-sejħa (eż. meta tintalab informazzjoni, jew meta tiġi sottomessa applikazzjoni), trid issir referenza ċara għal din is-sejħa speċifika. Ladarba s-sistema ta' skambju elettroniku talloka ID tal-proposta, l-applikant irid juża dan in-numru fil-korrispondenza sussegwenti kollha.

Wara d-data ta' skadenza għas-sottomissjoni, mhumiex possibbli modifiki fl-applikazzjoni.

Dokumenti relatati:

Gwida għall-applikanti bl-annessi rilevanti

Formola tal-applikazzjoni

Mudell tal-ftehim ta’ għotja (verżjoni ta’ monobenefiċjarju u multi benefiċjarju)


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56).

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 tat-23 ta’ April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 3).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831 tas-7 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2016 dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2017 dwar miżuri dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi, C(2016) 7100 final.

(5)  Din l-informazzjoni se tkun disponibbli hawnhekk http://ec.europa.eu/agriculture/promotion/member-states/index_en.htm

(6)  Il-kompożizzjoni tar-reġjuni ssegwi l-klassifikazzjoni tal-pajjiżi u r-reġjuni tan-Nazzjonijiet Uniti. Għal aktar dettalji dwar il-lista ta’ pajjiżi li jiffurmaw iż-żoni ġeografiċi, ara: http://unstats.un.org/unsd/methods/m49/m49regin.htm.

(*1)  Il-programmi mhux ser ikopru l-ħalib/il-prodotti tal-ħalib, il-prodotti tal-laħam tal-majjal, il-prodotti tal-laħam taċ-ċanga jew kombinament ta' dawn it-tlieta. Madankollu, dawn jistgħu lil dawn jekk ikunu assoċjati ma' prodotti agroalimentari oħrajn.

(*2)  Il-Lvant Nofsani jissejjaħ ukoll “l-Asja tal-Punent”.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, tal-20.12.2013, p. 671).

(7)  L-Artikoli 106 tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta' Applikazzjoni korrispondenti tiegħu adottati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2015/1929 u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 rispettivament.

(8)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48

(9)  ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1.

(10)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54).

(11)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

(12)  Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(13)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(14)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(15)  L-applikanti għandhom ikunu jafu li f'każ li jirċievu għotja operattiva, l-ispejjeż indiretti ma jkunux eliġibbli.

(16)  Fid-data tal-pubblikazzjoni ta' din is-sejħa: Il-Greċja.

(17)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(18)  http://publications.europa.eu/code/en/en-5000100.htm

(19)  http://ec.europa.eu/agriculture/promotion/index_en.htm

(20)  L-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju.