22.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/4


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2016/C 23/05)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : Is-Slovakkja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : L-ewwel Presidenza Slovakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn huwa ddominat mill-istemma tar-Repubblika Slovakka fiċ-ċentru tagħha kontra sfond ta’ linji ċentripetali dinamiku li jirrappreżentaw il-pożizzjoni u l-importanza tar-Repubblika Slovakka matul il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fuq in-naħa tal-lemin tal-istemma tar-Repubblika Slovakka hija s-sena “2016”. Madwar ix-xifer taċ-ċirku intern hemm l-isem tal-pajjiż “SLOVENSKO” (is-Slovakkja) u l-iskrizzjoni “PREDSEDNÍCTVO SR V RADE EÚ” (bis-Slovakk Presidenza tal-Kunsill tal-UE), li huma separati b’simboli grafiċi. Il-marka taz-zekka ta’ Kremnica, magħmula mill-ittri “MK” bejn żewġ forom, u l-inizjali stilizzati tad-disinjatur min-naħa nazzjonali, Vladimír Pavlica, “VP”, qiegħdin fuq il-parti ta’ isfel tal-kompożizzjoni.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu :

Data tal-ħruġ : Marzu 2016


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).