5.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/8


Sejħa pubblika għall-proposti — GP/DSI/ReferNet_FPA/002/15

ReferNet — in-Netwerk Ewropew għal Informazzjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) tas-Cedefop

(2015/C 366/06)

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Bil-għan li tistabbilixxi netwerk Ewropew għal informazzjoni dwar il-VET — ReferNet —, din is-sejħa għandha l-għan li tagħżel applikant wieħed minn kull pajjiż eliġibbli mill-Finlandja, Greċja, Ungerija, Iżlanda u Malta li magħhom Cedefop se jikkonkludi ftehim qafas ta’ sħubija ta’ erba’ snin li jikkonkludi ma’ kull applikant rebbieħ ftehim tal-għoti speċifiku għal pjan ta’ ħidma li għandu jitwettaq fl-2016.

Imwaqqaf fl-1975 u bbażat fil-Greċja sa mill-1995, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) huwa aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE). Rikonoxxut bħala sors awtorevoli ta’ informazzjoni u kompetenza dwar il-VET, il-ħiliet u l-kwalifiki, il-missjoni tiegħu huwa li jappoġġa l-iżvilupp ta’ politika Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha.

Refernet huwa n-netwerk Ewropew ta’ Cedefop għal informazzjoni dwar il-VET. Il-missjoni ddedikata għal ReferNet hija li dan jappoġġa lil Cedefop billi jirrapporta dwar sistemi nazzjonali tal-VET u dwar żviluppi ta’ politika u billi jgħolli l-viżibbiltà tal-VET u tal-prodotti ta’ Cedefop. Huwa jinkludi 30 membru magħrufin bħala s-sħab nazzjonali ta’ ReferNet mill-Istati Membri tal-UE, mill-Iżlanda u min-Norveġja. Is-sħab nazzjonali ta’ ReferNet huma istituzzjonijiet ewlenin involuti fil-VET jew fil-politiki tas-suq tax-xogħol fil-pajjiż li jirrappreżentaw.

Il-ftehimiet qafas ta’ sħubija jiġu implimentati permezz ta’ ftehimiet speċifiċi ta’ għotja annwali. Għalhekk, l-applikanti mhux biss sejrin jissottomettu proposta għall-qafas ta’ sħubija ta’ 4 snin (li, jekk tirnexxi, sejra twassal għall-iffirmar ta’ Ftehim Qafas ta’ Sħubija għas-snin 2016 sa 2019) iżda wkoll applikazzjoni għall-għotja għall-ażżjoni tal-2016 (li tista’ twassal għall-iffirmar ta’ Ftehim tal-Għoti Speċifiku għas-sena 2016). L-applikant irid juri l-kapaċità li jwettaq l-attivitajiet mistennija matul il-perjodu ta’ erba’ snin u jiżgura kofinanzjament xieraq għall-implimentazzjoni tal-kompiti mitluba.

2.   Baġit u tul tal-proġett

Il-baġit stmat li huwa disponibbli għall-perjodu ta’ erba’ snin tal-ftehimiet qafas ta’ sħubija jammonta għal EUR 4 000 000, skont id-deċiżjonijiet annwali tal-Awtorità Baġitarja.

Il-baġit totali disponibbli għall-pjan ta’ ħidma annwali tal-2016 (tul tal-proġett: 12-il xahar) se jkun EUR 980 000 għat-30 sieħeb (mit-28 Stat Membru tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja).

L-għotja tvarja skont il-popolazzjoni tal-pajjiż u tingħata għat-twettiq ta’ pjan ta’ ħidma annwali. Il-baġit totali disponibbli għall-pjan ta’ ħidma tal-2016 sejjer jitqassam fuq bażi ta’ tliet gruppi ta’ pajjiżi skont il-popolazzjoni tal-pajjiż:

—   Grupp ta’ pajjiżi 1: il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja u l-Iżlanda. L-ammont massimu tal-għotja: EUR 23 615.

—   Grupp ta’ pajjiżi 2: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, l-Iżvezja u n-Norveġja. L-ammont massimu tal-għotja: EUR 33 625.

—   Grupp ta’ pajjiżi 3: Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja, ir-Renju Unit. L-ammont massimu tal-għotja: EUR 43 620.

L-għotja tal-Unjoni hija kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż tal-benefiċjarju (u/jew tal-kobenefiċjarji) li jridu jiġu ssupplimentati bil-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom stess u/jew kontribuzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew privati. Il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni ma għandhiex taqbeż is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Cedefop jirriserva d-dritt li ma jagħtix il-baġit totali disponibbli.

3.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu organizzazzjoni pubblika jew privata, bi status legali u b’personalità ġuridika (persuni fiżiċi, jiġifieri individwi, ma humiex eliġibbli);

(b)

ikollhom is-sede tagħhom irreġistrata f’pajjiż fejn l-għotja tiġi applikata, jiġifieri f’wieħed minn dawn li ġejjin:

Il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda u Malta

4.   Skadenza

L-applikazzjonijiet għall-ftehim qafas ta’ sħubija u il-pjan ta’ażżjoni 2016 jridu jiġu sottomessi mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2015.

5.   Aktar informazzjoni

L-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tas-sejħa għall-proposti, il-formola tal-applikazzjoni u l-annessi tagħha se jkunu disponibbli fuq is-sit tas-Cedefop mill-4 ta’ Novembru 2015 fuq l-indirizz li ġej:

http://www.cedefop.europa.eu/en/about-cedefop/public-procurement.

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-test sħiħ tas-sejħa u għandhom jiġu sottomessi fuq il-formoli uffiċjali pprovduti.

L-evalwazzjoni tal-proposti se tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali.

L-applikazzjonijiet kollha sottomessi se jkunu evalwati minn kumitat ta’ esperti fuq il-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti stabbiliti fil-verżjoni tat-test komplet tas-sejħa.