1.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/8


Wiċċ nazzjonali ġdid ta' muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2015/C 253/07)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta' muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni ġaladarba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Sabiex jiġu ċċelebrati t-tletin sena tal-bandiera tal-UE, il-Ministri tal-Finanzi taż-Żona tal-Euro ddeċidew li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro joħorġu munita kommemorattiva taż-2 euro b'disinn komuni fuq il-wiċċ nazzjonali. Iċ-ċittadini u r-residenti taż-Żona tal-Euro għażlu permezz ta' votazzjoni pubblika fuq l-internet id-disinn rebbieħ. Il-votanti kellhom għażla minn ħames disinji li kienu magħżula minn qabel minn ġurija professjonali wara kompetizzjoni tad-disinn fost iz-Zekki Ewropej, u għażlu d-disinn maħluq minn Georgios Stamatopoulos, disinjatur professjonali fil-Bank of Greece.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : Il-Finlandja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : It-30 anniversarju tal-bandiera Ewropea

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri l-bandiera tal-UE bħala simbolu li jgħaqqad lin-nies u l-kulturi permezz ta' viżjonijiet u ideali għal futur komuni aħjar. Tnax-il stilla li jingħaqdu f'figuri umani qegħdin iħaddnu t-twelid ta' Ewropa ġdida. Fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin, f'nofs ċirku, hemm il-pajjiż li qed joħroġ il-munita “SUOMI FINLAND” u s-snin “1985-2015”. Fuq in-naħa tal-lemin, bejn il-bandiera u s-snin hemm il-marka taz-zekka. Fil-qiegħ, fuq il-lemin, hemm l-inizjali tal-artist (Georgios Stamatopoulos).

Iċ-ċirku ta' barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta' muniti li għandhom jinħarġu :

Id-data tal-ħruġ : Awwissu 2015


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta' muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).