16.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/7


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2015/C 232/05)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-10 ta’ Frar 2009 (2) f'dan ir-rigward, l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-UE li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti ta’ EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li joħroġ il-munita : Lussemburgu

Suġġett tal-kommemorazzjoni : 125 anniversarju tad-dinastija Nassau-Weilbourg

Deskrizzjoni tad-disinn : Fuq ix-xellug tal-munita hemm ix-xbiha tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri u fuq il-lemin, f'forma ta' ċirku u f'ordni kronoloġka tal-aċċessjoni tagħhom għat-tron, ix-xbigħat tal-Altezzi Rjali Tagħhom il-Gran Duki Adolphe u Guillaume IV, il-Gran Dukessi Marie-Adélaïde u Charlotte u l-Gran Duka Jean. Fuq il-lemin tad-disinn hemm ukoll f'forma ta' ċirku l-iskrizzjoni “1890 - Dynastie Nassau-Weilbourg”. L-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ “Luxembourg” u s-sena “2015”, f’pożizzjoni vertikali, hija miktuba fiċ-ċentru tad-disinn.

Iċ-ċirku estern tal-munita jirrappreżenta t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu : 1,4 miljun munita

Data tal-ħruġ : Awwissu 2015


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, pp. 1-30 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).