18.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 455/10


Sejħa għal proposti EACEA/30/2014

Il-Programm Erasmus+

Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika – Inizjattivi għall-innovazzjoni tal-politika

Esperimentazzjoni politika fis-settur tal-edukazzjoni fl-iskejjel

(2014/C 455/08)

1.   Id-Deskrizzjoni, l-Għanijiet, u t-Temi Prijoritarji

L-iskop ewlieni ta’ din is-sejħa huwa li tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jressqu proposti għall-ittestjar ta’ ideat politiċi u riformi innovattivi fil-qasam tar-reklutaġġ, l-għażla u l-introduzzjoni ta’ għalliema ġodda li jidħlu fil-professjoni permezz ta’ rotot alternattivi. Tali impjegati ġodda jistgħu jkunu gradwati, professjonisti f’nofs il-karriera tagħhom jew persuni qiegħda mingħajr l-ebda taħriġ formali fit-tagħlim li juru interess konkret li jsiru għalliema. Hemm numru kbir ta’ modi li jippermettu d-dħul flessibbli fil-professjoni ta’ għalliem, inklużi – iżda mhux biss – possibbiltajiet ta’ ċertifikazzjoni f’nofs il-karriera u introduzzjoni intensiva fuq perjodu qasir segwita minn taħriġ fuq ix-xogħol bl-appoġġ ta’ mentoring.

It-tema prijoritarja għal din is-sejħa hija:

It-tisħiħ tar-reklutaġġ, l-għażla u l-introduzzjoni tal-aħjar kandidati u ta’ dawk li huma l-iżjed xierqa għall-professjoni ta’ għalliem bl-iżvilupp ta’ rotot alternattivi għat-tagħlim.

2.   Il-pajjiżi eliġibbli

Huma eliġibbli proposti minn entitajiet legali stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi tal-programm li ġejjin:

it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

il-pajjiżi tal-EFTA/taż-ŻEE: l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

il-pajjiżi kandidati tal-UE: it-Turkija, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

3.   L-applikanti eliġibbli

It-terminu “applikanti” jirreferi għall-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet kollha li jipparteċipaw fi proposta irrispettivament mir-rwol tagħhom fil-proġett.

L-applikanti meqjusa eliġibbli biex iwieġbu għal din is-sejħa huma:

(a)

L-awtoritajiet pubbliċi (Ministeru jew ekwivalenti) responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-ogħla livell fil-kuntest nazzjonali jew reġjonali rilevanti. L-awtoritajiet pubbliċi fl-ogħla livell responsabbli għal setturi għajr dak tal-edukazzjoni u t-taħriġ (eż. l-impjiegi, il-finanzi, l-affarijiet soċjali, is-saħħa, eċċ.) jitqiesu eliġibbli sakemm juru li għandhom kompetenza speċifika fil-qasam li fih se titwettaq l-esperimentazzjoni politika. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiddelegaw biex ikunu rappreżentati minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħra, kif ukoll netwerks jew assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbiliti legalment, bil-kundizzjoni li d-delega tkun bil-miktub u tagħmel referenza espliċita għall-proposta li qed titressaq. F’dan il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi li jiddelegaw għandhom ikunu involuti fil-proposta bħala sħab.

(b)

L-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet pubbliċi jew privati attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(c)

L-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet pubbliċi jew privati li jwettqu attivitajiet marbuta mal-edukazzjoni u t-taħriġ f’setturi soċjoekonomiċi oħra (eż. kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet kulturali, entitajiet tal-evalwazzjoni, entitajiet tar-riċerka, eċċ.).

4.   Il-kompożizzjoni minima tas-sħubija

Ir-rekwiżit minimu tas-sħubija għal din is-sejħa huwa ta’ 4 entitajiet li jirrappreżentaw 3 pajjiżi eliġibbli. B’mod speċifiku:

a.

Tal-inqas awtorità pubblika waħda (Ministeru jew ekwivalenti) jew korp delegat – kif deskritt fil-punt 3.a) - minn tliet pajjiżi eliġibbli differenti, jew netwerk/assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbilit(a) legalment li jirrappreżentaw tal-inqas tliet pajjiżi eliġibbli differenti.

In-netwerk jew l-assoċjazzjoni għandu jkollhom mandat mingħand mill-inqas tliet awtoritajiet pubbliċi rilevanti – kif deskritt taħt il-punt 3.a) - biex joperaw f’isimhom għall-proposta speċifika.

Il-proposti għandhom jinkludu tal-inqas awtorità pubblika waħda kif indikat taħt il-punt 3 a) minn Stat Membru.

L-awtoritajiet pubbliċi li jipparteċipaw jew li huma rappreżentati fil-proposta għandhom ikunu responsabbli għat-tmexxija strateġika tal-proġett u biex imexxu l-proċessi ta’ esperimentazzjoni politika fil-ġurisdizzjoni proprja tagħhom.

b.

Tal-inqas entità pubblika jew privata waħda b’għarfien espert fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-politika. Tali entità għandha tkun responsabbli għall-aspetti metodoloġiċi u l-protokolli tal-evalwazzjoni. Il-proposta tista’ tinvolvi aktar minn entità tal-evalwazzjoni waħda, sakemm ix-xogħol ikun ikkoordinat u konsistenti.

5.   Il-koordinazzjoni

Proposta tista’ tkun ikkoordinata u mressqa biss - f’isem l-applikanti kollha – minn waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

Awtorità pubblika kif deskritt taħt il-punt 3.a)

(b)

Netwerk jew assoċjazzjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi stabbilit(a) legalment indikati taħt il-punt 3.a)

(c)

Entità pubblika jew privata ddelegata minn awtoritajiet pubbliċi indikata taħt il-punt 3.a) biex twieġeb għas-sejħa. L-entitajiet iddelegati għandu jkollhom approvazzjoni espliċita bil-miktub minn awtorità pubblika kif deskritt taħt il-punt 3.a), biex iressqu u jikkoordinaw il-proposta f’isimhom

Il-proposti għandhom jitressqu mir-rappreżentant legali tal-awtorità ta’ koordinazzjoni f’isem l-applikanti kollha. Persuni fiżiċi ma jistgħux japplikaw għal għotja.

6.   L-Attivitajiet Eliġibbli

L-attivitajiet għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Diċembru 2015 u l-1 ta’ Marzu 2016. It-tul tal-proġett għandu jkun ta’ bejn 24 u 36 xahar.

L-attivitajiet li se jiġu ffinanzjati taħt din is-sejħa jinkludu tal-inqas:

Żvilupp ta’ provi fuq il-post dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri innovattivi. Għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-iżvilupp ta’ bażi ta’ evidenza soda u li tinvolvi proċeduri affidabbli ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar ibbażati fuq approċċi metodoloġiċi rikonoxxuti, żviluppati minn evalwatur tal-impatt tal-politika kompetenti u ta’ esperjenza b’konsultazzjoni mas-sħab rilevanti tal-proġett. Dan għandu jinkludi (il-lista mhix eżawrjenti): l-identifikazzjoni u l-għażla tal-miżuri li se jiġu ttestjati, il-kampjuni u s-sett ta’ azzjonijiet previsti; id-definizzjoni tal-impatt mistenni tal-miżura f’termini li jitkejlu u l-valutazzjoni tar-rilevanza tiegħu fir-rigward tar-riżultati mistennija, inkluż permezz ta’ tfittxija bir-reqqa għal eżempji ta’ interventi ta’ politika simili li twettqu lokalment jew barra mill-pajjiż; id-definizzjoni ta’ metodoloġija u indikaturi sodi biex jitkejjel l-impatt tal-miżura ttestjata fil-livell nazzjonali u Ewropew.

Implimentazzjoni parallela tal-provi fuq il-post f’diversi pajjiżi li jipparteċipaw fil-proġett taħt it-tmexxija tal-awtoritajiet rispettivi (Ministeru jew ekwivalenti). Numru rappreżentattiv biżżejjed ta’ entitajiet/stabbilimenti parteċipanti għandu jkun involut biex tintlaħaq massa kritika raġonevoli u rappreżentattiva u tiġi pprovduta bażi ta’ evidenza sinifikanti.

Analiżi u evalwazzjoni: effettività, effiċjenza u impatt tal-miżura ttestjata, iżda wkoll tal-metodoloġija ta’ esperimentazzjoni, tal-kundizzjonijiet għar-rappreżentanza fuq skala u t-trasferiment transnazzjonali tat-tagħlimiet meħuda u l-prattika tajba (tagħlim bejn il-pari).

Sensibilizzazzjoni, disseminazzjoni u sfruttament tal-kunċett tal-proġett u r-riżultati tiegħu fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew matul il-proġett u fuq terminu itwal, u biex titrawwem trasferibbiltà bejn setturi, sistemi u politiki differenti.

Huwa rakkomandat pjan ta’ sfruttament tar-riżultati tal-esperimentazzjoni permezz ta’ Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ, b’rabta mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.

7.   Il-Kriterji tal-Għoti

Il-kriterji tal-għoti għall-finanzjament ta’ proposta huma:

1.

Ir-rilevanza (20 %)

2.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (30 %)

3.

Il-kwalità tas-sħubija (20 %)

4.

L-impatt, id-disseminazzjoni u s-sostenibbiltà (30 %)

Din is-sejħa hija maqsuma f’żewġ stadji ta’ sottomissjoni/evalwazzjoni: (1) l-istadju ta’ qabel il-proposta, u (2) l-istadju sħiħ tal-proposta. Dan l-approċċ għandu l-ħsieb li jissimplifika l-proċess billi fl-ewwel fażi jitlob biss informazzjoni limitata dwar il-proposta. Hija biss l-informazzjoni ta’ qabel il-proposta li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà u li tilħaq il-limitu minimu ta’ 60 % tal-punteġġ għall-kriterju tal-għoti Ir-rilevanza li se taċċessa t-tieni fażi li għaliha l-applikanti se jkunu mitluba jressqu pakkett sħiħ ta’ applikazzjoni.

L-informazzjoni ta’ qabel il-proposta eliġibbli se tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-kriterju tal-għoti Ir-rilevanza. Il-proposti sħaħ se jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-kriterji tal-esklużjoni u l-għażla, u t-tliet kriterji tal-għoti li jifdal: Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett; Il-kwalità tas-sħubija; u L-impatt, id-disseminazzjoni, u s-sostenibbiltà.

Il-punteġġ finali għal proposta se jkun il-punteġġ totali miksub fl-istadju ta’ qabel il-proposta u l-istadju tal-proposta sħiħa (billi jiġi applikat l-ippeżar indikat).

8.   Il-baġit

Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament ta’ proġetti taħt din is-sejħa huwa ta’ EUR 5 000 000.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż il-75 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett.

L-għotja massima għal kull proġett se tkun ta’ EUR 2 500 000.

L-Aġenzija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli għal din is-sejħa.

9.   Il-Proċedura għas-Sottomissjoni tal-proposti u l-Iskadenzi

Qabel iressqu applikazzjoni, l-applikanti se jkollhom jirreġistraw l-organizzazzjoni tagħhom fil-Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika (URF) u jirċievu Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Parteċipant (PIC). Il-PIC se jkun mitlub fil-formola tal-applikazzjoni.

Il-Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika hija l-għodda li permezz tagħha se tiġi ġestita l-informazzjoni legali u finanzjarja kollha marbuta mal-organizzazzjonijiet. Din hija aċċessibbli permezz tal-Portal tal-Parteċipant għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv, il-Kultura, iċ-Ċittadinanza u l-Volontarjat. L-informazzjoni dwar kif tirreġistra tista’ tinsab fil-portal fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/education/participants/portal

L-applikazzjonijiet għall-għoti għandhom jitfasslu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u bl-użu tal-pakkett tal-applikazzjoni uffiċjali. Jekk jogħġbok kun żgur li tuża l-formola tal-applikazzjoni korretta għall-istadju ta’ qabel il-proposta u l-istadju tal-proposta sħiħa rispettivament.

Il-pakkett tal-applikazzjoni huwa disponibbli fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/key-action-3-prospective-initiatives-policy-experimentation-in-school-education-sector-eacea-302014_en

L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu sal-iskadenzi li ġejjin:

L-informazzjoni ta’ qabel il-proposti (Formola elettronika): l-20 ta’ Marzu 2015, 12:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Il-proposti sħaħ (formola tal-applikazzjoni stampata): l-1 ta’ Ottubru 2015 (data tat-timbru tal-posta)