15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/27


Sejħa għal proposti — Programm Konġunt Armonizzat tal-Unjoni Ewropea ta’ Stħarriġ fost l-Impriżi u l-Konsumaturi

2014/C 113/07

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Il-Kummissjoni qiegħda tniedi sejħa għal proposti (referenza ECFIN 2014 001/A4) biex isir stħarriġ bħala parti mill-Programm Konġunt Armonizzat tal-UE ta’ Stħarriġ fost l-Impriżi u l-Konsumaturi, fit-28 Stat Membru tal-UE u fil-pajjiżi kandidati: l-Islanda, il-Montenegro, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tas-Serbja u t-Turkija.

Il-programm huwa mfassal sabiex jiġbor informazzjoni dwar il-qagħda tal-ekonomiji fl-Istati Membri tal-UE u fil-Pajjiżi Kandidati, sabiex ikunu jistgħu jitqabblu ċ-ċikli tan-negozju tagħhom għall-għanijiet tal-ġestjoni tal-UEM (l-Unjoni Ekonomika u Monetarja). Dan sar għodda indispensabbli fil-proċess ta’ sorveljanza ekonomika tal-UEM, kif ukoll għall-għanijiet ġenerali tal-politika ekonomika.

L-istħarriġ għandu fil-mira l-maniġers fis-setturi tal-manifattura (stħarriġ dwar l-industrija u l-investiment), il-kostruzzjoni, is-setturi tal-kummerċ u s-servizzi bl-imnut, kif ukoll il-konsumaturi. Il-Kummissjoni qed tfittex li tikkonkludi ftehimiet ma’ korpi kwalifikati biex iwettqu azzjonijiet li jikkonsistu f’wieħed jew aktar mill-istħarriġ li ġejjin:

Stħarriġ dwar l-industrija

Stħarriġ dwar l-investiment

Stħarriġ dwar il-kostruzzjoni

Stħarriġ dwar il-kummerċ bl-imnut

Stħarriġ dwar is-servizzi

Stħarriġ dwar il-konsumaturi

stħarriġ ad hoc dwar suġġetti ekonomiċi attwali. Dan l-istħarriġ ad hoc fih innifsu huwa iktar okkażjonali u jitwettaq flimkien mal-istħarriġ li jsir ta’ kull xahar, bl-użu tal-istess kampjuni stabbiliti użati fl-istħarriġ li jsir ta’ kull xahar, sabiex jinkiseb tagħrif dwar kwistjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika.

Għal dan il-għan, il-ftehimiet qafas ta’ sħubija jkunu konklużi għal perjodu massimu ta’ sitt snin. Taħt dan il-ftehim qafas ta’ sħubija jistgħu jiġu konklużi bejn il-partijiet, sitt ftehimiet annwali ta’ għotjiet speċifiċi.

Id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ din l-azzjoni huwa d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN).

2.   Eliġibbiltà

L-applikazzjonijiet minn entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi li ġejjin biss huma eliġibbli fil-kuntest ta’ din is-sejħa għall-proposti:

L-Istati Membri tal-UE

Il-pajjiżi kandidati u

l-Pajjiżi tal-EFTA u taż-ŻEE

3.   Baġit u tul tal-proġett

Il-baġit annwali totali disponibbli għall-istħarriġ kollu huwa fir-reġjun ta’ EUR 5 620 000 (ħames miljuni sitt mija u għoxrin elf euro). L-għotja mill-UE hija limitata għal rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli għal kull stħarriġ. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

Il-benefiċjarji jintgħażlu għal perjodu massimu ta’ sitt snin. Jistgħu jiġu konklużi sitt ftehimiet speċifiċi annwali ta’ għotja. L-azzjoni għall-ewwel sena tkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2015sat-30 ta’ April 2016.

4.   Skadenza għall-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu mhux aktar tard mill-iskadenza: it-18 ta’ Ġunju 2014 .

Bil-posta:

Call for proposals

Ref. ECFIN 2014 001/A4

European Commission

Unit ECFIN/R3– Mr J.VERHAEVEN

Office N105 01/034

1049 Bruxelles/Brussels

BELĠJU

Permezz ta’ kurrier jew personalment:

Call for proposals

Ref. ECFIN 2014 001/A4

European Commission

Unit ECFIN/R3– Mr J.VERHAEVEN

Office N105 01/034

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussels (Evere)

BELĠJU

5.   Informazzjoni ulterjuri

L-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tas-sejħa għall-proposti, il-formola ta’ applikazzjoni u l-annessi tagħha huma disponibbli fuq il-websajt europa.eu fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/dgs/economy_finance/procurement_grants/grants/proposals/index_en.htm

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti formali stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tas-sejħa. L-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bl-użu tal-formola ta’ applikazzjoni u forom standard oħra meta mitlub. Madankollu, l-applikazzjonijiet bl-Ingliż huma mħeġġa peress li jiffaċilitaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali meqjusa neċessarja mill-applikant tista’ tiġi inkluża fuq karti separati.

L-evalwazzjoni tal-proposti tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-trasparenza u t-trattament ugwali. L-applikazzjonijiet kollha jiġu evalwati minn kumitat ta’ evalwazzjoni skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà, esklużjoni, għażla u għotja kif definit fl-ispeċifikazzjonijiet imsemmija qabel.