27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/7


Il-wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2014/C 88/04

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-EUR 2 maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Portugall

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-Żona kollha tal-Euro. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li jridu jkunu muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita: Il-Portugall

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: L-40 Anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-25 ta' April

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Iż-żewġ kurvi jirrappreżentaw il-forma ġenerali ta' qronfla, il-fjura li tissimbolizza l-moviment, li hija wkoll l-oriġini tal-isem tar-rivoluzzjoni. L-isem tal-pajjiż tal-ħruġ “IL-PORTUGALL” u l-armi huma minquxa fin-naħa ta’ fuq tal-fjura. Iċ-ċentru tal-immaġini juri d-data tal-avveniment “25 DE ABRIL” (25 ta’ April) u fil-qiegħ jinkiteb in-numru ta’ snin imgħoddija mir-revoluzzjoni “40 ANOS” (40 sena) u s-sena tal-ħruġ “2014”. Il-forma tal-ittri u tan-numri hija ispirata fuq dawk użati f’kartelluni u informazzjoni politika oħra ta' appoġġ 40 sena ilu, bħala simbolu tal-perjodu ewforiku li kien hemm eżatt wara l-avveniment.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li jridu joħorġu:

Id-data tal-ħruġ: April 2014


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).