20.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/32


Sejħa għall-proposti IX-2013/01 – “Konċessjonijiet lill-Partiti Politiċi f’Livell Ewropew”

2012/C 177/06

Skont l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu, permezz ta’ Regolament, ir-regoli li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew imsemmija fl-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom”.

F’dan il-kuntest, il-Parlament qed iniedi sejħa għall-proposti għal konċessjonijiet lill-partiti politiċi fil-livell Ewropew.

1.   ATT BAŻIKU

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 (iktar ’il quddiem “ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003”) dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (1).

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2004 li tistipula l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (iktar ’il quddiem “Deċiżjoni mill-Bureau”) (2).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”) (3).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem “ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju”) (4).

2.   OBJETTIV

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Bureau “Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika kull sena, qabel tmiem l-ewwel nofs tas-sena, sejħa għall-proposti bil-għan li jqassam konċessjonijiet li jiffinanzjaw lill-partiti politiċi f’livell Ewropew. Id-dokumenti ppubblikati jistabbilixxu l-kriterji tal-eliġibilità, l-arranġamenti biex ikun hemm iffinanzjar Komunitarju u d-dati proposti għall-proċedura tal-iffinanzjar”.

Din is-sejħa għall-proposti tikkonċerna l-applikazzjonijiet għall-konċessjonijiet għas-sena finanzjarja 2013 li tkopri l-perijodu ta’ attività mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013. L-objettiv tal-konċessjoni hija li tappoġġja l-programm ta’ ħidma annwali tal-benefiċjarju.

3.   AMMISSIBILITÀ

L-applikazzjonijiet mhux se jkunu ammissibbli jekk ma jiġux sottomessi bil-miktub fuq il-formola tal-applikazzjoni għall-konċessjonijiet li tinsab fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau msemmija hawn fuq u ma jingħatawx lill-President tal-Parlament Ewropew sad-data tal-għeluq.

4.   KRITERJI U DOKUMENTI TA’ APPOĠĠ

4.1.   Kriteriji tal-eliġibilità

Sabiex ikun eliġibbli għal konċessjoni, partit politiku f’livell Ewropew għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, jiġifieri:

(a)

għandu jkollu personalità legali fl-Istat Membru li fih għandu s-sede tiegħu.

(b)

għandu jkun rappreżentat, għall-inqas f’kwart mill-Istati Membri, minn Membri tal-Parlament Ewropew jew fil-Parlamenti nazzjonali jew Parlamenti reġjonali jew fl-assembleat reġjonali, jew għandu jkun irċieva, għall-inqas f’kwart mill-Istati Membri, għall-inqas tlieta fil-mija tal-voti espressi f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-elezzjonijiet l-aktar reċenti tal-Parlament Ewropew;

(c)

għandu josserva, partikolarment fil-programm tiegħu u fl-attivitajiet tiegħu, il-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u r-regola tal-liġi;

(d)

għandu jkun ipparteċipa f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew esprima l-intenzjoni li jagħmel hekk.

Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, membru tal-Parlament Ewropew jista’ jkun membru ta’ partit politiku wieħed biss fil-livell Ewropew (l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003).

Fid-dawl ta’ dan, il-partiti politiċi qed jiġu infurmati li mis-sena finanzjarja 2013 il-Parlament Ewropew ser jibda japplika d-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) b’tali mod li membru tal-Parlament Ewropew jista’ jkun membru ta’ partit politiku wieħed biss fil-livell Ewropew li l-partit politiku nazzjonali tiegħu huwa membru fih.

4.2.   Kriterji ta’ esklużjoni

L-applikanti għandhom jiċċertifikaw ukoll li huma ma jinsabux f’xi waħda miċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikoli 93(1) u 94 tar-Regolament Finanzjarju.

4.3.   Kriterji għall-għażla

L-applikanti għandhom jipprovdu evidenza li għandhom il-vijabilità legali u finanzjarja meħtieġa sabiex iwettqu l-programm ta’ attivitajiet stipulat fl-applikazzjoni għall-finanzjament u li għandhom il-kapaċità teknika u tal-immaniġġjar meħtieġa sabiex iwettqu b’suċċess il-programm ta’ attivitajiet li għalih huma qed japplikaw għall-konċessjoni.

4.4.   Kriterji għall-għoti

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, l-approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja 2013 għandhom jitqassmu kif ġej bejn il-partiti politiċi f’livell Ewropew li kisbu deċiżjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-finanzjament skont il-kriterji ta’ eliġibiltà, u l-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla:

(a)

15 % se jitqassmu f’ishma ndaqs;

(b)

85 % se jitqassmu bejn dawk li għandhom membri eletti fil-Parlament Ewropew, proporzjonalment man-numru ta’ membri eletti.

4.5.   Dokumenti ta’ appoġġ

Għall-iskop ta’ evalwazzjoni tal-kriterji ta’ hawn fuq, l-applikanti għandhom jipprovdu d-dokumenti ta’ appoġġ li ġejjin:

(a)

L-ittra ta’ kopertura oriġinali b’indikazzjoni tal-ammont ta’ konċessjoni mitlub;

(b)

Il-formola ta’ applikazzjoni fl-Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau mimlija u ffirmata kif meħtieġ (inkluża d-dikjarazzjoni solenni bil-miktub);

(c)

L-istatuti tal-partit politiku;

(d)

Iċ-ċertifikat uffiċjali ta’ reġistrazzjoni;

(e)

Evidenza riċenti tal-eżistenza ta’ partit politiku;

(f)

Lista tad-diretturi/membri tal-Bord Maniġerjali (l-ismijiet u l-kunjomijiet, it-titli jew il-karigi fi ħdan il-partit li qed japplika);

(g)

Dokumenti li jiċċertifikaw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 (5);

(h)

Dokumenti li jiċċertifikaw li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003;

(i)

Il-programm tal-partit politiku;

(j)

Dikjarazzjoni finanzjarja komprensiva għas-sena 2011 ċċertifikata minn korp tal-verifika estern (6);

(k)

Baġit proviżorju għall-operat matul il-perijodu kkonċernat (1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013) li jindika n-nefqa eliġibbli għall-finanzjament mill-baġit Komunitarju.

Fir-rigward tal-punti (c), (d), (f), (h) u (i), l-applikant jista’ jissottometti dikjarazzjoni fuq l-unur li l-informazzjoni pprovduta fl-istadju preċedenti għadha valida.

5.   FINANZJAMENT MILL-BAĠIT TAL-UE

L-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja 2013 fl-Artikolu 402 tal-baġit tal-UE “Kontribuzzjonijiet lill-Partiti Politiċi Ewropej” huma stmati li jammontaw għal total ta’ EUR 21 794 200. Huma soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja.

L-ammont massimu li jitħallas lill-benefiċjarji mill-Parlament Ewropew m’għandux jaqbeż il-85% tal-ispejjeż marbuta mal-operat tal-partiti politiċi f’livell Ewropew li huma eliġibbli. Il-partit politiku kkonċernat għandu r-responsabilità li jipprovdi evidenza.

Il-finanzjament Komunitarju se jieħu l-għamla ta’ konċessjoni għall-operat kif jipprovdu r-Regolament Finanzjarju u r-Regoli Implimentattivi għar-Regolament Finanzjarju. L-arranġamenti għall-ħlas tal-konċessjonijiet u l-obbligi li jirregolaw l-użu tagħhom se jiġu stipulati f’deċiżjoni ta’ għoti ta’ konċessjoni – kampjun ta’ dan il-ftehim jinsab fl-Anness 2 tad-Deċiżjoni tal-Bureau.

6.   PROĊEDURA U DATA TAL-GĦELUQ GĦAS-SOTTOMISSJONI TAL-PROPOSTI

6.1.   Data tal-għeluq u s-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ Settembru 2012. L-applikazzjonijiet imressqa wara dik id-data mhux se jiġu kkunsidrati.

L-applikazzjonijiet għandhom:

(a)

isiru permezz tal-formola tal-applikazzjoni għall-konċessjoni (Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau);

(b)

jiġu ffirmati, mingħajr ma l-applikant jonqos milli jagħmel dan, minnu stess jew minn rappreżentant awtorizzat b’mod korrett;

(c)

jintbagħtu f'envelop magħluq ġo ieħor. Iż-żewġ envelops għandhom ikunu magħluqa. Barra l-indirizz tad-dipartiment reċipjent kif mogħti fuq is-sejħa għall-proposti, fuq l-envelop ta’ ġewwa għandu jitniżżel dan li ġej:

APPEL À PROPOSITIONS SUBVENTIONS 2013 AUX PARTIS POLITIQUES AU NIVEAU EUROPÉEN

À NE PAS OUVRIR PAR LE SERVICE DU COURRIER NI PAR AUCUNE PERSONNE NON HABILITÉE

Jekk jintużaw envelops li jeħlu minnhom infushom, dawn għandhom jiġu ssiġillati bit-tejp li jwaħħal u min qed jibgħat għandu jiffirma tul dan it-tejp. Il-firma ta’ min qed jibgħat għandha tinkludi mhux biss il-firma bil-miktub tiegħu, iżda wkoll it-timbru tal-organizzazzjoni tiegħu;

Fuq l-envelop ta’ barra għandu jkun jidher l-indirizz ta’ min qed jibgħat u jkun indirizzat lil:

European Parliament

Mail Service

KAD 00D008

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

L-envelop ta’ ġewwa għandu jkun indirizzat lil:

President of the European Parliament

Attn. Mr Roger VANHAEREN, Director-General of Finance

SCH 05B031

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

(d)

jitressqu mhux iktar tard mid-data tal-għeluq stipulata fis-sejħa għall-proposti jew bil-posta rreġistrata, kif muri bit-timbru tal-posta jew bis-servizz tal-kurjer skont id-data fuq l-irċevuta tad-depożitu,

6.2.   Proċedura indikattiva u skeda

Il-proċedura u l-iskeda li ġejjin se japplikaw għall-għoti ta’ konċessjonijiet lill-partiti politiċi f’livell Ewropew:

(a)

Il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-Parlament Ewropew (mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2012)

(b)

Kunsiderazzjoni u għażla mid-dipartimenti tal-Parlament Ewropew. L-applikazzjonijiet li jitqiesu ammissibbli biss se jiġu eżaminati abbażi tal-kriterji tal-eliġibiltà, tal-esklużjoni u tal-għażla stipulati fis-sejħa għall-proposti.

(c)

L-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tal-konċessjoni mill-Bureau tal-Parlament Ewropew (bi prinċipju qabel l-1 ta’ Jannar 2013 kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Bureau) u n-notifika tal-applikanti.

(d)

Ħlas bil-quddiem ta’ 80 % (fi żmien 15-il ġurnata mid-deċiżjoni tal-għoti tal-konċessjoni).

6.3.   Iktar informazzjoni

It-testi li ġejjin huma disponibbli fis-sit tal-Internet tal-Parlament Ewropew fl-indirizz li ġej: http://www.europarl.europa.eu/tenders/invitations.htm

(a)

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003;

(b)

Id-deċiżjoni tal-Bureau;

(c)

Il-formola tal-applikazzjoni għall-konċessjoni (Anness 1 tad-Deċiżjoni tal-Bureau).

Kwalunkwe mistoqsijiet relatati ma’ din is-sejħa għall-proposti li għandha l-għan li tagħti konċessjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika, u għandha tiġi kkwotata r-referenza tal-pubblikazzjoni, fl-indirizz li ġej: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu

6.4.   Ipproċessar tad-dejta personali

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), id-dejta personali inkluża fl-applikazzjoni għall-finanzjament u l-annessi tagħha ser tiġi proċessata skont il-prinċipji tal-imparzjalità, il-legalità u l-proporzjonalità għall-finijiet espliċiti u leġittimi ta’ dan il-proġett. Għall-ħtiġijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjoni u sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, id-dejta personali tal-benefiċjarji potenzjali tista’ tiġi proċessata mis-servizzi u l-korpi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tiġi trasferita lis-servizzi ta’ verifika interni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Bord għall-Irregolaritajiet Finanzjarji jew lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

L-ismijiet tal-membri u tar-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew li jintbagħtu mal-applikazzjoni għall-finanzjament sabiex ikun sodisfatt il-kriterju ta’ rappreżentatività tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003, jistgħu jiġu inklużi f’pubblikazzjoni tal-Parlament Ewropew u jiġu żvelati fil-pubbliku bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (8). Il-partiti politiċi huma mistiedna biex mal-applikazzjoni tagħhom jehmżu dikjarazzjoni ffirmata mill-membri jew mir-rappreżentanti kkonċernati tal-partit, li biha huma jkunu ġew infurmati u jiddikjaraw li jaqblu li isimhom jiġi żvelat lill-pubbliku.

Kull persuna kkonċernata tista’ tindirizza lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (edps@edps.europa.eu) sabiex tagħmel appell.


(1)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 155, 12.6.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(5)  Inklużi l-listi tal-persuni eletti stipulati fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(b), u fl-Artikolu 10(1)(b).

(6)  Sakemm il-partit politiku f’livell Ewropew ma jkunx ġie stabbilit matul is-sena kurrenti.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).