14.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/15


Sejħa għall-proposti 2011 – Il-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini (2007-2013)

Implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-programm: Ċittadini Attivi għall-Ewropa, Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa u Tifkira Ewropea Attiva

2011/C 364/08

INTRODUZZJONI

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006, li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (1). Il-kondizzjonijiet dettaljati ta’ din is-sejħa għall-proposti jinstabu fil-Gwida tal-Programm għall-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini” ppubblikata fuq is-sit elettroniku Europa (ara l-punt VII). Il-Gwida tal-programm tikkostitwixxi parti integrali minn din is-sejħa għall-proposti.

I.   Għanijiet

Il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini għandu dawn l-għanijiet speċifiċi:

li jlaqqa’ flimkien nies minn komunitajiet lokali mill-Ewropa kollha ħalli jaqsmu u jiskambjaw l-esperjenzi, l-opinjonijiet u l-valuri tagħhom, biex jitgħallmu mill-istorja u biex jibnu għall-ġejjieni;

li jrawwem azzjoni, dibattitu u riflessjoni relatati maċ-ċittadinanza Ewropea u mad-demokrazija, valuri kondiviżi, storja u kultura komuni permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-livell Ewropew;

li jqarreb lill-Ewropa maċ-ċittadini tagħha billi jippromwovi l-valuri u l-kisbiet tal-Ewropa, filwaqt li tinżamm il-memorja tal-imgħoddi tagħha;

li jħeġġeġ l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi parteċipanti kollha li jagħtu kontribut favur id-djalogu interkulturali u jagħti prominenza kemm lid-diversità u kemm lill-għaqda tal-Ewropa, b’attenzjoni partikolari fuq l-attivitajiet immirati lejn l-iżvilupp ta’ rabtiet eqreb bejn iċ-ċittadini mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif kostitwit fit-30 ta’ April 2004 u dawk bejn iċ-ċittadini mill-Istati Membri li aderew minn dak iż-żmien ’il hawn.

II.   Applikanti eliġibbli

Il-Programm miftuħ għall-promoturi kollha stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm u jiddependi minn jekk ikunux:

Korp pubbliku, jew

Organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt bi status legali (personalità legali)

Madankollu kull azzjoni tal-Programm hija mmirata għal firxa aktar speċifika ta’ organizzazzjonijiet. Għalhekk l-eliġibbiltà tal-organizzazzjonijiet applikanti hija definita fil-Gwida tal-Programm speċifikament għal kull miżura/sottomiżura.

Il-pajjiżi eliġibbli taħt dan il-Programm huma:

L-Istati Membri tal-UE (2)

Il-Kroazja,

L-Albanija,

L-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (FYROM).

III.   Azzjonijiet eliġibbli

Il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini jappoġġa proġetti li jippromwovu ċ-ċittadinanza Ewropea attiva.

Din is-sejħa tkopri l-azzjonijiet li ġejjin tal-programm Ewropa għaċ-Ċittadini, li huma appoġġati b’żewġ tipi ta’ għotjiet: għotjiet tal-proġett u għotjiet operattivi

Azzjoni 1:   Ċittadini Attivi għall-Ewropa

Miżura 1:   Ġemellaġġ bejn l-Ibliet

Din il-miżura hija mmirata lejn attivitajiet li jinvolvu jew jippromwovu skambji diretti bejn ċittadini Ewropej permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet ta’ ġemellaġġ bejn l-ibliet.

Miżura 1.1:   Laqgħat għaċ-ċittadini dwar il-ġemellaġġ bejn l-ibliet (għotja ta’ proġett)

Din il-miżura hija mmirata lejn attivitajiet li jinvolvu jew jippromwovu skambji diretti bejn ċittadini Ewropej permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet ta’ ġemellaġġ bejn l-ibliet. Proġett għandu jinvolvi muniċipalitajiet minn mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-UE. Il-proġett għandu jkollu minimu ta’ 25 parteċipant internazzjonali li jkunu ġejjin mill-muniċipalitajiet mistiedna. It-tul ta’ żmien massimu tal-laqgħa għandu jkun 21 jum. L-għotja massima li għandha tingħata hija EUR 25 000 għal kull proġett. L-għotja minima mogħtija hija EUR 5 000.

L-għotjiet għal-laqgħat taċ-ċittadini dwar il-ġemellaġġ bejn l-ibliet huma mmirati biex jikkoffinanzjaw l-ispejjeż organizzattivi tal-belt li tospita u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti mistiedna. Il-kalkolu tal-għotja jiġi bbażat fuq rati fissi/somma f’daqqa.

Miżura 1.2:   Netwerks ta’ bliet imsieħba f’ġemellaġġ (għotja ta’ proġett)

Din il-miżura tappoġġa l-iżvilupp ta’ netwerks maħluqa fuq il-bażi ta’ rabtiet ta’ ġemellaġġ bejn l-ibliet, li huma importanti biex jiżguraw kooperazzjoni strutturata, b’saħħitha u komprensiva bejn il-muniċipalitajiet, u għalhekk biex jikkontribwixxu biex jiġi massimizzat l-impatt tal-Programm. Kull proġett għandu jipprevedi mill-inqas tliet avvenimenti, u għandu jinvolvi muniċipalitajiet minn mill-inqas erba’ pajjiżi parteċipanti, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-UE. Il-proġett għandu jkollu minimu ta’ 30 parteċipant internazzjonali li jkunu ġejjin mill-muniċipalitajiet mistiedna. It-tul ta’ żmien massimu tal-proġett huwa 24 xahar; it-tul ta’ żmien massimu ta’ kull avveniment huwa 21 jum.

L-ammont massimu eliġibbli għal proġett fi ħdan din il-miżura huwa EUR 150 000. L-ammont minimu eliġibbli huwa EUR 10 000. Il-kalkolazzjoni tal-għotja tiġi bbażata fuq rati fissi/somma f’daqqa.

Miżura 2:   “Proġetti taċ-ċittadini” u “Miżuri ta’ appoġġ”

Miżura 2.1:   Proġetti taċ-ċittadini (għotja ta’ proġett)

Din il-miżura tindirizza sfida kurrenti ewlenija tal-Unjoni Ewropea: kif tressaq liċ-ċittadini u lill-Unjoni Ewropea eqreb lejn xulxin. Timmira li tesplora metodoloġiji oriġinali u innovattivi li kapaċi jħeġġu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jistimulaw id-djalogu bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Kull proġett għandu jinvolvi mill-inqas ħames pajjiżi parteċipanti, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-UE. Dan għandu jinvolvi mill-inqas 200 parteċipant. It-tul ta’ żmien massimu ta’ proġett huwa 12-il xahar.

L-ammont tal-għotja ser jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ baġit ta’ previżjoni bilanċjat u dettaljat, espress fil-munita euro. L-għotja mogħtija ma tistax taqbeż is-60 % tal-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett. L-għotja minima ser tkun EUR 100 000. L-għotja massima eliġibbli għal proġett fi ħdan din il-miżura hija EUR 250 000.

Miżura 2.2:   Miżuri ta’ appoġġ (għotja ta’ proġett)

Din il-miżura timmira li tappoġġa l-attivitajiet li jistgħu jwasslu għat-twaqqif ta’ sħubiji u netwerks fit-tul li jilħqu numru sinifikanti ta’ partijiet interessati differenti li jippromwovu ċ-ċittadinanza Ewropea attiva, u b’hekk tikkontribwixxi biex jiġi pprovdut rispons aħjar għall-għanijiet tal-programmi u jiġu massimizzati l-impatt u l-effettività globali tal-programm.

Kull proġett għandu jinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-UE. It-tul ta’ żmien massimu huwa 12-il xahar. Għandhom jiġu previsti mill-inqas żewġ avvenimenti għal kull proġett.

L-ammont tal-għotja ser jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ baġit ta’ previżjoni bilanċjat u dettaljat, espress fil-munita euro. L-għotja ma tistax taqbeż rata massima ta’ 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni inkwistjoni. L-għotja minima eliġibbli hija EUR 30 000. L-għotja massima eliġibbli għal proġett fi ħdan din il-miżura hija EUR 100 000.

Azzjoni 2:   Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa

Miżuri 1 u 2:   Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE (għotjiet operattivi (3))

Il-Miżura 1– Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea (think tanks) – timmira li tappoġġa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika pubblika Ewropea (think tanks), li jkunu kapaċi jipprovdu ideat ġodda u riflessjonijiet fuq kwistjonijiet Ewropej, fuq iċ-ċittadinanza attiva fuq il-livell Ewropew jew fuq il-valuri Ewropej.

Il-Miżura 2– Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-livell tal-UE – tipprovdi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ dimensjoni Ewropea bil-kapaċità u l-istabilità biex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fuq il-livell Ewropew. L-għan tagħha huwa li tagħti kontribut favur l-emerġenza ta’ soċjetà ċivili strutturata, koerenti u attiva fuq il-livell Ewropew.

Il-perjodu ta’ eliġibbiltà għandu jikkorrespondi għas-sena baġitarja tal-applikant, kif muri mill-kontijiet iċċertifikati tal-organizzazzjoni. Jekk is-sena baġitarja tal-applikant tikkorrespondi għas-sena kalendarja, il-perjodu ta’ eliġibbiltà jkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. Għal applikanti b’sena baġitarja li tkun differenti mis-sena kalendarja, il-perjodu ta’ eliġibbiltà jkun il-perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-bidu tas-sena baġitarja tagħhom.

L-għotja tista’ tiġi kkalkulata bl-użu ta’ żewġ metodi differenti:

(a)

Rati fissi/somma f’daqqa.

(b)

Baġit ibbażat fuq spejjeż reali. L-ammont tal-għotja ser jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ baġit ta’ previżjoni bilanċjat u dettaljat, espress fil-munita euro. L-għotja ma tistax taqbeż rata massima ta’ 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni kkonċernata.

L-għotja massima hija EUR 100 000.

Miżura 3:   Appoġġ għal proġetti mibdija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (għotja ta’ proġett)

L-għan ta’ din il-miżura huwa li tappoġġa proġetti konkreti promossi minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jappartienu lil pajjiżi parteċipanti differenti. Dawn il-proġetti għandhom iqajmu kuxjenza dwar suġġetti ta’ interess Ewropew u jikkontribwixxu biex irawmu l-fehim xulxieni fuq kulturi differenti u biex jidentifikaw valuri komuni permezz tal-kooperazzjoni fuq il-livell Ewropew.

Kull proġett għandu jinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-UE. It-tul ta’ żmien massimu tal-proġetti huwa 18-il xahar.

L-għotja tista’ tiġi kkalkulata bl-użu ta’ żewġ metodi differenti, li jikkorrespondu għal approċċi differenti u li għalihom japplikaw regoli speċifiċi:

(a)

Rati fissi/somma f’daqqa.

(b)

Baġit ibbażat fuq l-ispejjeż reali. L-għotja mitluba f’dak il-każ ma tistax taqbeż is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni inkwistjoni.

L-għotja massima hija EUR 150 000. L-għotja minima eliġibbli hija EUR 10 000.

L-organizzazzjonijiet ta’ interess Ewropew ġenerali magħżulin biex jirċievu għotja operattiva fl-2012 taħt miżuri 1 u 2 tal-azzjoni 2 mhumiex eleġibbli għall-finanzjament taħt din il-miżura fl-2012.

Azzjoni 4:   Tifkira Ewropea Attiva (għotja ta’ proġett)

L-għan tal-proġetti appoġġati fl-ambitu ta’ din l-azzjoni huwa li jżommu ħajja t-tifkira tal-vittmi tan-Nażiżmu u tal-Istaliniżmu u li jtejbu l-għarfien u l-fehim tal-ġenerazzjonijiet preżenti u ġejjiena dwar dak li seħħ fil-kampijiet u f’siti oħra ta’ qerda tal-massa, u r-raġuni għaliex.

It-tul ta’ żmien massimu ta’ proġett huwa 18-il xahar.

L-għotja tista’ tiġi kkalkulata bl-użu ta’ żewġ metodi differenti:

(a)

Rati fissi/somma f’daqqa.

(b)

Baġit ibbażat fuq l-ispejjeż reali. L-għotja mitluba f’dak il-każ ma tistax taqbeż is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni kkonċernata.

L-għotja massima hija EUR 100 000. L-għotja minima eliġibbli hija EUR 10 000.

IV.   Kriterji tal-għoti

Għal għotjiet tal-proġett:

Kriterji kwalitattivi (80 % tal-punti disponibbli):

Rilevanza tal-proġett għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini (25 %).

Kwalità tal-proġett u l-metodi proposti (25 %).

Impatt (15 %).

Viżibilità u Segwitu (15 %).

Kriterji kwantitattivi (20 % tal-punti disponibbli):

Impatt ġeografiku (10 %).

Grupp fil-Mira (10 %).

Fuq il-bażi tas-sussidjarjetà, għall-pajjiżi li huma manifestament inqas irrappreżentati, u li jirrispettaw trattament ġust fir-rigward tal-kwalità, il-Kummissjoni u l-Aġenzija eżekuttiva jżommu d-dritt li jiżguraw distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-proġetti magħżula għal kull azzjoni.

Għal għotjiet operattivi:

Kriterji kwalitattivi (80 % tal-punti disponibbli):

Rilevanza tal-proġett għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini (30 %).

Adegwatezza, koerenza u kompletezza tal-programm ta’ ħidma (20 %).

Impatt tal-programm ta’ ħidma (10 %).

Valur miżjud Ewropew (10 %).

Viżibilità tal-attivitajiet u d-disseminazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżultati liċ-ċittadini Ewropej u partijiet interessati oħrajn (10 %).

Kriterji kwantitattivi (20 % tal-punti disponibbli):

Impatt ġeografiku (10 %).

Grupp fil-Mira (10 %).

Fuq bażi sussidjarja, il-Kummissjoni u l-Aġenzija eżekuttiva jirriservaw id-dritt li jiżguraw distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-proġetti magħżula għal kull azzjoni.

V.   Baġit

Baġit previst għall-2012 għall-azzjonijiet li ġejjin

Azzjoni 1 Miżura 1.1

Laqgħat taċ-ċittadini dwar ġemellaġġ bejn l-ibliet

EUR 6 107 000

Azzjoni 1 Miżura 1.2

In-netwerking tematiku bejn bliet imsieħba f’ġemellaġġ

EUR 4 528 000

Azzjoni 1 Miżura 2.1

Proġetti taċ-ċittadini

EUR 1 308 000

Azzjoni 1 Miżura 2.2

Miżuri ta’ appoġġ

EUR 805 000

Azzjoni 2 Miżura 3

Appoġġ għal proġetti mibdija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

EUR 2 807 000

Azzjoni 4

Tifkira Ewropea Attiva

EUR 2 414 000

L-implimentazzjoni ta’ din is-Sejħa għall-Proposti hija soġġetta għall-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2012 mill-awtorità baġitarja.

VI.   Skadenzi għall-applikazzjonijiet – Azzjonijiet

Azzjonijiet

Skadenza għas-sottomissjoni

Azzjoni 1 Miżura 1.1

Laqgħat taċ-ċittadini dwar ġemellaġġ bejn l-ibliet

l-1 ta’ Frar

l-1 ta’ Ġunju

l-1 ta’ Settembru

Azzjoni 1 Miżura 1.2

In-netwerking tematiku bejn bliet imsieħba f’ġemellaġġ

l-1 ta’ Frar

l-1 ta’ Settembru

Azzjoni 1 Miżura 2.1

Proġetti taċ-ċittadini

l-1 ta’ Ġunju

Azzjoni 1 Miżura 2.2

Miżuri ta’ appoġġ

l-1 ta’ Ġunju

Azzjoni 2 Miżura 1 u 2

Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-politika tal-UE (think tanks) u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE

il-15 ta’ Ottubru

Azzjoni 2 Miżura 3

Appoġġ għal proġetti mibdija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

l-1 ta’ Frar

Azzjoni 4

Tifkira Ewropea Attiva

l-1 ta’ Ġunju

L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu qabel 12.00 p.m. (nofsinhar ħin ta’ Brussell) fid-data finali għall-applikazzjonijiet. Jekk l-iskadenza tinzerta fi tmiem il-ġimgħa, l-ewwel ġurnata tax-xogħol wara tmiem il-ġimgħa titqies bħala l-ġurnata tal-iskadenza.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lil dan l-indirizz:

EACEA

Unit P7 Citizenship

Applications — ‘Measure XXX’

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1 (BOUR 01/04A)

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Jitqiesu biss dawk il-proposti li jitressqu bl-użu tal-formola elettronika (eForm) uffiċjali tal-applikazzjoni għall-għotja mimlija kif suppost u ffirmata mill-persuna awtorizzata biex tidħol f’impenn ġuridiku f’isem l-applikant.

L-applikazzjonijiet imressqa fuq karta bil-posta jew bil-faks jew mibgħuta direttament b’email ma jiġux aċċettati għal aktar valutazzjoni.

VII.   Aktar informazzjoni

Il-kondizzjonijiet dettaljati tat-tressiq tal-proposti tal-proġetti u l-formoli tal-applikazzjoni jinsabu fil-Gwida tal-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini kif emendata l-aħħar fuq is-siti li ġejjin:

http://ec.europa.eu/citizenship/index_en.html

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura:

http://eacea.ec.europa.eu/citizenship/index_en.htm


(1)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.

(2)  Is-27 Stat Membru tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit.

(3)  Din is-sejħa għall-proposti tikkonċerna l-għotjiet operattivi annwali għas-sena finanzjarja 2013.