22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/4


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba biex jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni

2010/C 349/03

Image

Wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta' EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Lussemburgu

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti ġodda kollha (1) bil-ħsieb li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti. Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti tal-euro kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jinżammu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti ta' EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' EUR 2 l-oħra, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom għandu disinn kommemorattiv li huwa simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qed joħroġ il-munita: Il-Lussemburgu

Suġġett tal-kommemorazzjoni: il-50 anniversarju tan-nomina mill-Gran Dukessa Charlotte ta' binha Jean bħala “lieutenant-représentant”.

Deskrizzjoni tad-disinn: Fuq in-naħa tal-lemin tal-parti ta' ġewwa, il-munita turi xbiha tal-Altezza Rjali Tiegħu, il-Gran Duka Henri, iħares lejn ix-xellug, u fl-isfond ix-xbihat tal-Gran Duka Jean u l-Gran Dukessa Charlotte. Fuq it-tliet xbihat hemm il-kitba “LËTZEBUERG”. Fuqha tidher is-sena “2011”, u maġenbha fuq iż-żewġ naħat il-marka taż-żekka, u l-marka tad-Direttur taż-żekka. L-isem tal-Altezza Rjali jidher taħt ix-xbiha rispettiva.

Iċ-ċirku estern tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Il-volum ta' muniti li se jinħarġu: 1,4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2011


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, pp. 1-30 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li ħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, pp. 52-55).