7.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 105/2


AVVIŻ TA' KONKORS ĠENERALI: MANIĠER TAR-RIĊERKA FIL-ĠESTJONI TAR-RIŻORSI UMANI

REFERENZA: EF/TA/09/07

(2009/C 105 A/02)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), b'sede f'Dublin, fl-Irlanda, qed tfittex li tirrekluta Maniġer tar-Riċerka (M/F) fil-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani.

Il-kariga ta' Maniġer tar-Riċerka — HRM se tkun ibbażata fl-Unità għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Iżvilupp fuq il-Post tax-Xogħol li tanalizza l-fatturi li jirriżultaw f'tibdil — il-globalizzazzjoni, il-bidla teknoloġika u t-tixjiħ demografiku — u teżamina l-impatt ta' dawn il-fatturi fid-dinja tax-xogħol. L-unità għandha l-intenzjoni li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex teżamina l-kwistjonijiet assoċjati tal-organizzazzjoni tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, il-produttività, il-kapaċità innovattiva, il-motivazzjoni u l-iżvilupp tal-kapital uman mill-perspettiva ta' kumpanija.

Il-kandidat li jintgħażel ikollu għarfien espert u esperjenza ta' suċċessi fil-ġestjoni internazzjonali tar-riżorsi umani u jkun jista' japplika l-esperjenza prattika tiegħu fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' riċerka fl-oqsma deskritti hawn fuq. Il-kandidat magħżul, li jirrapporta lill-Kap tal-Unità għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Iżvilupp fuq il-Post tax-Xogħol, ikollu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' dan l-orjentament ġdid, b'enfasi fuq il-livell tal-kumpanija.

Dan il-konkors huwa miftuħ għal kandidati li:

huma ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

huma intitolati għal drittijiet sħaħ bħala ċittadini;

ikunu issodisfaw l-obbligi kollha imposti mil-leġiżlazzjoni dwar is-servizz militari;

ikunu kapaċi juru referenzi dwar il-personalità rigward l-idoneità fil-qadi tad-dmirijiet speċifikati;

ikollhom għarfien estensiv ta' lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-Unjoni, inkluż għarfien eċċellenti tal-Ingliż li hija l-lingwa prinċipali tal-Eurofound;

ikollhom edukazzjoni universitarja tal-anqas 4 snin li jwasslu għal lawrja fil-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani jew fl-Amministrazzjoni Kummerċjali;

ikollhom tal-anqas sitt snin esperjenza professjonali relevanti wara li jkunu kisbu l-lawrja universitarja;

Il-kandidat li jintgħażel ser jiġi reklutat fil-Grupp ta' Funzjoni AD, Grad 7, bħala Aġent Temporanju b'kuntratt ta' żmien indeterminat.

Dettalji sħaħ tal-kariga kif ukoll l-applikazzjoni u l-proċeduri ta' selezzjoni jistgħu jitniżżlu mill-paġna tal-postijiet battala tal-websajt tal-Eurofound: www.eurofound.europa.eu/about/vacancies/. Il-kandidati għandhom jaqraw bir-reqqa l-avviż tal-post battal peress li applikazzjonijiet inkompluti ser jiġu eliminati.

L-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu sottomessi fuq formola ta' applikazzjoni uffiċjali li tista' titniżżel mill-websajt.

Data ta' skadenza għall-applikazzjonijiet: 7 ta' Ġunju 2009