16.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 120/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta' prodotti fis-suq

u Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq

u Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċeduri dwar l-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li tirrevoka d-Deċiżjoni 3052/95/KE

COM(2007) 37 finali — 2007/0029 (COD)

COM(2007) 53 finali — 2007/0030 (COD)

COM(2007) 36 finali — 2007/0028 (COD)

(2008/C 120/01)

Nhar l-14 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 95 u 133(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta' prodotti fis-suq u

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq

Nhar it-2 ta' April 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 37 u 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri dwar l-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li tirrevoka d-Deċiżjoni 3052/95/KE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Novembru 2007, Ir-rapporteur kien is-Sur Pezzini.

Matul l-440 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet it-13 ta' Diċembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'68 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa konvint mill-importanza li tkun assikurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa salvagwardat fit-Trattat u kkonfermat minn bosta sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex prodotti kkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bla tfixkil ma' l-UE kollha.

1.2

Il-KESE jemmen li hija prijorità li tkun iggarantita ċ-ċertezza, it-trasparenza u l-effiċjenza fin-negozju, li jkunu eliminati d-duplikazzjonijiet tal-kontrolli u t-testijiet, li jkunu żgurati livelli għoljin ta' protezzjoni għall-konsumaturi, iċ-ċittadini u n-negozji, u li jkunu koordinati filwaqt li jogħlew il-livelli ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq, biex tkun assikurata applikazzjoni attiva u uniformi tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-Komunità.

1.3

Il-KESE jisħaq li l-moviment liberu tal-prodotti huwa xprun essenzjali għall-kompetittività u għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-suq uniku Ewropew: ir-rinfurzar u l-aġġornar tar-rekwiżiti għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti sikuri u ta' kwalità għolja huma fatturi ewlenin għall-konsumaturi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej.

1.4

Il-KESE jemmen li l-aġġornament u l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-merkanzija ma jistgħux jitwarrbu, minħabba f'dawn il-fatturi oġġettivi:

il-problemi ffaċjati fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

in-nuqqas ta' approċċ konsistenti fis-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri;

nuqqasaijiet fil-korpi ta' l-evalwazzjoni ta' konformità u fil-protezzjoni legali tal-marka KE;

għarfien mhux preċiż tad-drittijiet u l-obbligi fost in-negozji, l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini.

1.5

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tifforma pakkett leġiżlattiv dwar is-suġġett sakemm hija tikseb għal kollox:

implimentazzjoni effettiva u uniformi tal-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku;

sorveljanza tas-suq iktar b'saħħitha;

sistema ta' akkreditazzjoni komuni Ewropea, li tipprovdi servizz pubbliku ta' interess ġenerali;

livelli komuni ta' kompetenza għall-korpi ta' ċertifikazzjoni akkreditati;

kriterji ta' għażla iktar stretti u proċeduri ta' għażla aktar armonizzati għall-evalwazzjoni tal-konformità;

kooperazzjoni sistematika, ikbar u li ma taqtax bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

protezzjoni legali ikbar għall-marka KE, li tevita konfużjoni kkawżata mill-eżistenza ta' wisq marki;

identifikazzjoni u definizzjoni sħiħa tar-responsabbiltajiet għal dawk kollha li jpoġġu l-prodotti fis-suq;

qafas legali iktar uniformi b'konsistenza ikbar bejn it-testi eżistenti, b'livelli għoljin ta' konformità u burokrazija mill-inqas;

garanzija tat-traċċabiltà għal kwalunkwe prodott impoġġi fis-suq;

applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-proporzjonalità tar-responsabbiltajiet taċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri, b'mod partikulari fir-rigward ta' negozji żgħar u ta' prodotti mhux iffabbrikati bil-massa jew prodotti ffabbrikati fi kwantitajiet żgħar;

involviment sħiħ ta' dawk kollha li jipparteċipaw fis-suq u b'mod partikulari, il-konsumaturi;

dispożizzjoni espliċita għall-mekkaniżmi ta' riżarċiment barra l-qorti, b'limiti ta' żmien u spejjeż imnaqqsa għall-minimu assolut.

1.6

Il-KESE jħoss li livelli għoljin ta' trasparenza, ċertezza legali u simplifikazzjoni għandhom ikunu assikurati fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta' l-għarfien reċiproku komuni, permezz ta':

bidla tas-suġġett li jkollu d-dmir li jġib il-provi, u l-possibbiltà għal rikors fil-qrati nazzjonali;

il-possibbiltà ta' issetiljar ta' kwistjonijiet barra mill-qorti f'Punti ta' Kuntatt nazzjonali dwar il-Prodott, inkluż permezz ta' l-internet;

skedi taż-żmien imnaqqsa għal proċedimenti kemm ġudizzjarji kif ukoll barra mill-qorti;

provvediment ta' faċilitajiet tekniċi kompetenti, li kapaċi jipproduċu kwalunkwe prova meħtieġa malajr — bl-użu ta' proċeduri ta' emerġenza fejn ikun applikabbli;

rwol attiv għall-korpi regolatorji li jipproduċu gwida telematika li tagħmilha possibbli li tittraċċja l-legiżlazzjoni eżistenti kollha fl-UE kollha.

1.7

Il-KESE japprova l-prinċipji bażiċi tal-proposti, li joħorġu mill-għaqda ta' l-elementi ta' suċċess ta' l-“approċċ il-ġdid” ma' l-“approċċ globali” fil-qasam ta' l-evalwazzjoni tal-konformità. Għandhom ikunu applikati fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità preżenti u futura, u jkopru l-aspetti kollha tal-prodotti mibjugħa, b'mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà, is-saħħa u l-ħarsien ambjentali.

1.8

Huwa vitali li l-operaturi ekonomiċi kollha fil-katina tal-provvista u d-distribuzzjoni — sew jekk ikunu fabbrikanti, rappreżentanti awtorizzati jew importaturi — jieħdu l-miżuri meħtieġa u jkollhom responsabbiltà ekwa biex jassiguraw li prodotti li jikkonformaw mar-regolamenti biss ikunu kkummerċjalizzati.

1.9

It-traċċabiltà tal-prodott, li tippermetti l-identifikazzjoni tar-responsabbiltà ta' l-operaturi ekonomiċi li jpoġġu l-prodotti fis-suq, għandha tippermetti li dawn l-operaturi jiġu identifikati b'mod ċar sabiex ir-regoli tal-Komunità jkunu jistgħu jiġu applikati sewwa.

1.10

Fl-opinjoni tal-KESE, jeħtieġ li jiġu indirizzati wkoll il-problemi tat-tqegħid tal-prodotti fis-suq permezz ta' l-internet, peress li l-bejgħ onlajn għadu m'huwiex regolamentat kompletament.

1.11

Il-KESE jħoss li hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet iktar ċari biex titjieb is-sistema ta' l-“approċċ il-ġdid” attwali, fir-rigward ta':

obbligi għall-operaturi ekonomiċi li huma meħtieġa u proporzjonati u li ma jinvolvux spejjeż burokratiċi u amministrattivi iebsin;

sorveljanza tas-suq iktar effiċjenti u livelli iktar uniformi ta' kompetenza fost il-korpi notifikati ta' l-evalwazzjoni tal-konformità, biex ikun żgurat l-ogħla livell ta' imparzjalità u effettività fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha u kundizzjonijiet ugwali għall-produtturi kollha.

1.12

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li jitjieb l-istatus u s-sinjifikat tal-marka KE, billi din ikollha protezzjoni legali ikbar għaliex tiġi rreġistrata bħala marka kollettiva, u dan jippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu azzjoni minnufih biex irażżnu l-abbuż.

1.13

Il-KESE jisħaq li l-istandardizzazzjoni teknika għandha rwol ewlieni f'dan il-qasam, billi l-approċċ il-ġdid huwa bbażat preċiżament fuq rabta mill-qrib bejn rekwiżiti essenzjali legali u ta' standards tekniċi Ewropej — li hemm bżonn li jiġu appoġġjati u mogħtija l-importanza meħtieġa.

1.14

Sistema ta' Akkreditazzjoni Ewropea (SAE) — li tipprovdi servizz pubbliku ta' interess ġenerali — għandha tkun ibbażata fuq standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u fuq definizzjonijiet ċari, tassikura aċċettazzjoni bla eċċezzjonijiet tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni tal-konformità u tevita duplikazzjoni bla bżonn tal-valutazzjoni.

1.15

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li għandhom x'jaqsmu mas-SAE għandhom japplikaw għall-korpi kollha ta' akkreditazzjoni u għas-servizzi li jipprovdu, fiż-żona ekonomika Ewropea, irrispettivament mix-xorta ta' servizzi ta' evalwazzjoni tal-konformità fornuti lill-klijenti.

1.16

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jassikuraw:

sett koerenti ta' definizzjonijiet komuni u trasparenti li jkunu konformi ma' standards internazzjonali, sabiex jintużaw fid-direttivi kollha ta' l-“approċċ il-ġdid” u d-direttivi speċifiċi għall-prodott (1), inklużi dawk dwar l-evalwazzjoni tal-konformità u l-korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità;

sistema ta' akkreditazzjoni pubblika li mhijiex soġġetta għal kompetizzjoni kummerċjali;

kopertura ġenerali tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Komunità, mingħajr eċċezzjoni fil-qasam jew tas-saħħa u s-sigurtà jew inkella tal-protezzjoni ambjentali;

applikazzjoni għall-attivitajiet kollha soġġetti għal akkreditazzjoni bla eċċezzjonijiet, inkluż il-kalibrar, irrispettivament minn jekk l-iskop ta' l-akkreditazzjoni huwiex biex jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-evalwazzjoni tal-konformità legali jew biex ikun konformi ma' kuntratti privati;

li korpi ta' akkreditazzjoni nazzjonali jikkonformaw ma' standards ta' kompetenza u ta' imparzjalità billi jkunu meħtieġa jieħdu sehem f'evalwazzjonijiet minn korpi oħra ekwivalenti (peer evaluation) imwettqa taħt is-sorveljanza tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' akkreditazzjoni.

1.17

Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tkun stabbilita bażi legali ċara għall-kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA), li r-rwol tagħha għandu jkun imtejjeb u definit aħjar: il-korpi kollha ta' akkreditazzjoni nazzjonali jridu jkunu membri ta' l-EA, biex ikunu żgurati l-ekwivalenza, it-trasparenza, il-kredibbiltà u l-effettività; barra minn hekk, is-sistema ta' l-EA għandha tkun appoġġjata mill-Istati Membri.

1.18

Il-KESE jemmen li, billi korpi ta' akkreditazzjoni jridu juru li l-fiduċja mogħtija lilhom hija bbażata fuq bażi soda, huma jkollhom jagħtu prova li huma jipparteċipaw b'suċċess f'reviżjonijiet mill-pari (peer review).

1.19

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li huwa importanti li l-parteċipanti kollha jkunu involuti: huma għandhom ikunu rrappreżentati fil-korpi ta' akkreditazzjoni u din id-dispożizzjoni għandha tkun parti integrali mir-Regolament il-ġdid.

1.20

Il-KESE jemmen f'dan ir-rigward li għandu jkun hemm tagħrif akbar u għarfien aħjar tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq intern u li jeħtieġ li jitħejjew inizjattivi xierqa għal dan l-iskop.

1.21

L-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom japplikaw ukoll għal prodotti koperti mid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Prodott Ġenerali (GPSD) billi bosta prodotti jinbigħu kemm għal użu professjonali kif ukoll għall-użu mill-konsumatur aħħari. Il-KESE jħoss li l-eżistenza tas-sistema ta' l-iskambju ta' informazzjoni rapida attwali, RAPEX, li tista' tassisti b'mod effettiv is-sorveljanza tas-suq, hija kompletament ġustifikata.

1.22

Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet tad-dwana jikkooperaw f'netwerk Ewropew ma' l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, biex jassiguraw kontrolli effettivi fuq il-prodotti qabel ma dawn jitpoġġew fis-suq intern Ewropew, fejn jistgħu jiċċirkolaw b'mod liberu.

1.23

Għal din ir-raġuni u għal raġunijiet oħra, l-awtoritajiet tad-dwana jridu jkunu mgħammra b'persunal imħarreġ, b'fondi suffiċjenti u b'setgħa li jkunu jistgħu jlaħħqu b'mod effettiv mal-ħidmiet assenjati lilhom, u bi strumenti biex ilaħħqu bla dewmien ma' prodotti staġjonali jew prodotti mibjugħa tul perjodi limitati.

1.24

Fl-aħħarnett, il-KESE jemmen li r-Regolament għandu jispeċifika li miżuri meħudin b'rispons għal nuqqas ta' konformità ppruvata għandhom jikkonformaw ukoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-suq intern għall-prodotti mhuwiex biss il-forza mexxejja għat-tkabbir fil-Komunità: huwa wkoll għandu impatt konsiderevoli fuq il-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea biex tikkompeti fis-suq internazzjonali. Kif indika l-KESE numru ta' drabi, “fattur li żied l-importanza tiegħu huwa ‘l-Globalizzazzjoni’ li hija kemm sfida kif ukoll opportunità. L-isfida tista' tintlaqa' biss kemm-il darba jitwettaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku” (2).

2.2

Il-pilastru ċentrali tas-suq uniku huwa l-moviment liberu tal-prodotti: taħt l-Artikoli 28-30 (3) tat-Trattat, sar progress essenzjali fl-armonizzazzjoni tal-livelli tekniċi fil-livell ta' l-UE biex jitneħħew il-limiti tekniċi għan-negozju, sikwit permezz ta' direttivi ta' “l-approċċ il-ġdid” (magħrufin ukoll bħala direttivi tal-“marka KE”).

2.3

Madankollu, tfaċċaw differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b'mod partikolari fil-qasam tal-prodotti mhux armonizzati. L-introduzzjoni ta' regoli tekniċi nazzjonali ħolqu limiti maġġuri għan-negozju ħieles, b'mod speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, minħabba qafas leġiżlattiv li għadu fframmentat wisq u minħabba nuqqas ta' approċċ konsistenti għas-sorveljanza tas-suq fost l-Istati Membri.

2.4

Il-KESE saħaq li “l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà kbira li jiżguraw li miżuri ta' l-UE jkunu trasposti sewwa fil-liġi nazzjonali tagħhom u li dawn jiġu nfurzati” u li huwa importanti li “jirriżultaw f'qafas regolatorju fil-livell nazzjonali li jkun kemm ibbilanċjat f'termini ta' kontenut kif ukoll sempliċi kemm jista' jkun għan-negozji, l-impjegati, il-konsumaturi u l-membri kollha tas-soċjeta ċivili” (4).

2.5

Il-KESE jappoġġja kompletament il-miri ta' regoli iktar trasparenti u effettivi u rekwiżiti iktar b'saħħithom u aġġornati għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti sikuri u ta' kwalità għolja, sabiex jiggarantixxu li:

il-konsumaturi jkunu pprovduti b'livelli ogħla ta' sigurtà u ta' kwalità u b'libertà ikbar ta' għażla fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tal-konformità affidabbli tal-prodotti kemm domestiċi kif ukoll importati;

il-produtturi jkunu pprovduti b'ċertezza legali u b'leġiżlazzjoni ċara u konsistenti, b'qafas komuni għall-prodotti industrijali; bl-aġilità meħtieġa biex jadattaw għall-iżviluppi teknoloġiċi; negozju ħieles ġenwin mingħajr limiti tekniċi, kontrolli amministrattivi jew testijiet addizzjonali u bla bżonn għall-aċċess fis-swieq domestiċi individwali;

iċ-ċittadini jiġu pprovduti bil-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent, bit-tneħħija tal-burokrazija żejda u bla bżonn u billi jingħataw esperjenza prattika u tanġibbli ta' “L-Ewropa li trendi” ibbażata fuq il-kwalità bħala parti essenzjali miċ-ċittadinanza Ewropea.

2.6

Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija tas-Suq Intern — Prijoritajiet 2003-2006 (5), il-KESE indika li “l-kummerċ ma' pajjiżi terzi qed jikber b'mod iktar mgħaġġel mill-kummerċ bejn l-Istati Membri.” u li “raġuni waħda hija n-nuqqas ta' għarfien reċiproku ddestinat biex jagħti fiduċja lill-konsumaturi fi prodotti magħmula f'pajjiż ieħor. L-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom fiduċja fis-sistemi ta' xulxin. Sistema legali b'saħħitha, standards ta' kwalità trasparenti u għoljin u inizjattivi ta' edukazzjoni tal-konsumatur jipprovdu l-aħjar kondizzjonijiet għal żieda fin-negozju tal-prodotti bejn l-Istati Membri.”

2.7

Il-KESE saħaq ukoll li l-għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq intern huwa limitat ħafna u li f'diversi okkażjonijiet huwa ġibed l-attenzjoni (6) għal dawn in-nuqqasijiet u għall-mod li bih uffiċjali nazzjonali u lokali ta' spiss japprofittaw ruħhom minn din l-injoranza, speċjalment fil-pajjiżi periferiċi u li ssieħbu reċentement.

2.8

Barra minn hekk, il-KESE jindika li l-erba' limiti ewlenin għat-tħaddim xieraq tas-suq intern identifikati mill-SMO fl-2007 huma:

l-inċertezza fost l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali rigward id-drittijiet u l-obbligi relatati ma' l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku;

nuqqas ta' fiduċja, trasparenza u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-għarfien reċiproku u l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikazzjoni u l-moviment liberu tal-prodotti, li jipprovdu qafas iktar ċar, f'termini ta' l-evalwazzjoni tal-konformità, l-akkreditazzjoni u s-sistemi ta' sorveljanza tas-suq, it-trasparenza u l-protezzjoni tal-“marka KE”;

nuqqas ta' miżuri koerenti biex jassikuraw livelli għoljin ta' sigurtà u saħħa fil-prodotti li ser jitpoġġew fis-suq u l-aħjar rekwiżiti ġenerali fir-rigward tagħhom.

2.9

Il-KESE f'okkażjonijiet oħra iddikjara li “b'dispjaċir, ta' min wieħed jinnota li wara bosta snin ta' integrazzjoni Ewropea, diversi Stati Membri għadhom ma integrawx biżżejjed ir-regolamenti u l-politiki ta' l-UE fl-iżvilupp tal-politiki interni tagħhom, propju fl-oqsma li fihom impenjaw ruħhom li jsegwu politiki komuni u li jimplimentaw id-deċiżjonijiet li joħorġu minn proċess deċiżjonali komuni” (7).

2.10

Indika wkoll li “Approċċ effettiv u trasparenti tal-kwistjonijiet ta' l-UE fuq livell nazzjonali huwa indispensabbli minħabba li l-25 Stat Membru, kull wieħed bil-kultura u t-tradizzjoni amministrattiva tiegħu kif ukoll bil-proċess amministrattiv tiegħu, iridu jirrispettaw l-istess acquis, li jinkludi rekwiżiti simili fir-rigward tat-tiswir tal-liġi, traspożizzjoni, implimentazzjoni u infurzar tal-liġi ta' l-UE” (8).

2.11

Skond ir-rapport Kok (9), “il-moviment liberu tal-prodotti fl-UE għadu mfixkel minn firxa ta' regoli lokali, sikwit applikati arbitrarjament u b'kontradizzjoni ċara għall-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku” (10).

2.12

Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, il-KESE jħoss li hija prijorità urġenti, bil-għan li jkun assigurat il-futur ta' l-integrazzjoni Ewropea kif ukoll bil-għan li tkun assigurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u taċ-ċittadini u l-iżvilupp tan-negozju Ewropew, li:

tkun żgurata applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-movement liberu tal-prodotti, li huwa inkorporat fit-Trattat u kkonfermat minn għadd ta' sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex prodotti ikkummerċjalizzati b'mod legali fi Stat Membru jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati mingħajr tfixkil fl-UE kollha;

tkun iggarantita ċertezza, trasparenza u effiċjenza fin-negozju, tiġi eliminata d-dupplikazzjoni ta' l-iċċekkjar u l-ittestjar u jkunu assigurati livelli għoljin ta' protezzjoni tal-konsumaturi, iċ-ċittadini u n-negozji;

jkunu eliminati l-inċertezzi, is-safef ta' leġiżlazzjoni, l-inkonsistenzi fil-liġi u l-komplessità bla bżonn fl-evalwazzjonijiet tal-konformità tal-prodotti: dawn għandhom ikunu koerenti, awtoritattivi, indipendenti u imparzjali u jikkonformaw ma' qafas legali komuni għall-prodotti industrijali;

jkunu kkoordinati u jittejbu l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq biex tiġi assigurata applikazzjoni attiva u uniformi tal-kondizzjonijiet tas-sigurtà tal-prodott tal-Komunità;

tkun promossa, imsaħħa u protetta b'mod iktar effettiv il-marka tal-KE; dan għandu jkun “passaport ta' konformità” ġenwin li jippermetti moviment liberu ma' l-UE kollha, filwaqt li jiġu żgurati standards ta' sigurtà u ta' kwalità stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Komunità.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni tieħu bħala l-punt tat-tluq tagħha, l-osservazzjoni li s-suq intern għadu mhux komplut:

regoli tekniċi nazzjonali għadhom jikkostitwixxu limiti importanti għall-kummerċ liberu fl-UE. Kif kien innotat (11), f'wieħed mill-istudji, iktar minn terz ta' l-intrapriżi rrapportaw problemi kkawżati minn regoli tekniċi fi Stat Membru ieħor u madwar nofs l-intrapriżi ddeċidew li jadattaw il-prodotti tagħhom għal dawn ir-regoli;

wisq regoli ta' l-UE ġew ipprovati li huma inkonsistenti jew kumplessi żżejjed: definizzjonijiet differenti li japplikaw għall-istess prodott, irkib fil-proċeduri ta' l-evalwazzjoni tal-konformità, korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità li ma jaqblux, qafas regolatorju frammentat, b'traqqigħ ta' regoli u proċeduri differenti;

kemm il-konsumaturi u ċ-ċittadini, kif ukoll l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux infurmati jew ma jafux bid-drittijiet tagħhom, waqt li limiti ġodda u burokrazija ġdida li qed ifixklu l-implimentazzjoni ta' dawn id-drittijiet qegħdin ifiġġu gradwalment.

3.2

Biex tindirizza dawn il-problemi, il-Kummissjoni tipproponi:

Regolament (COM(2007) 36 finali) li jistabbilixxi proċeduri dwar l-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li jirrevoka d-Deċiżjoni 3052/95/KE;

Deċiżjoni (COM(2007) 53 finali) dwar qafas komuni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq, waqt li b'mod parallel mal-proposta, il-Kummissjoni tirreġistra l-marka KE bħala marka kollettiva biex tassikura l-protezzjoni legali tagħha;

Regolament (COM(2007) 37 finali) li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza fis-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti.

3.3

Il-proposta ta' regolament (COM(2007) 36 finali) li tipproponi r-revoka tal-proċedura attwali għall-iskambju reċiproku ta' l-informazzjoni tindirizza xi aspetti tal-qasam mhux armonizzat:

proċedura ġdida għall-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom l-intenzjoni li jimponu regola teknika nazzjonali u ma jemmnux li jistgħu japplikaw rikonoxximent reċiproku;

definizzjoni fil-livell ta' l-UE tad-drittijiet u l-obbligi ta' l-awtoritajiet nazzjonali u ta' l-intrapriżi li jixtiequ jbigħu fi Stat Membru, wieħed mill-prodotti tagħhom li diġà huwa kkummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor;

twaqqif f'kull Stat Membru ta' “Punt ta' Kuntatt ta' Prodott” wieħed jew aktar, bl-iskop li jipprovdi informazzjoni dwar ir-regoli tekniċi applikabbli jew li jispeċifika l-awtoritajiet/il-korpi kompetenti li għandhom jiġu kkuntattjati; ikun ukoll possibbli li jitwaqqaf netwerk telematiku li jgħaqqad dawn il-“Punti ta' Kuntatt ta' Prodott”, għall-iskambju ta' l-informazzjoni, skond l-iskema ta' interoperabbiltà ta' l-IDABC.

3.4

Il-proposta ta' deċiżjoni (COM(2007) 53 finali) tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-leġiżlazzjoni settorjali futura bi:

definizzjonijiet armonizzati, obbligi komuni għall-operaturi ekonomiċi, kriterji għall-għażla tal-korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità, kriterji għall-awtoritajiet ta' notifika nazzjonali u regoli għall-proċess ta' notifika;

regoli għall-għażla tal-proċeduri ta' l-evalwazzjoni tal-konformità kif ukoll il-firxa armonizzata tal-proċeduri, biex tiġi evitata s-sovrappożizzjoni li tkidd;

definizzjoni waħdanija għall-marka KE (bir-responsabbiltajiet u l-protezzjonijiet korrispondenti) bħala marka kollettiva tal-Komunità, għal dawk id-direttivi li diġà jipprovdu għaliha;

proċedura ta' informazzjoni u ta' sorveljanza tas-suq bħala estensjoni tas-sistema maħluqa mid-direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti;

dispożizzjonijiet armonizzati għall-mekkaniżmi ta' salvagwardja futuri biex ikomplu ma' dawk għas-sorveljanza tas-suq.

3.5

Il-proposta ta' regolament (COM(2007) 37 finali) jipprovdi għar-rinfurzar tar-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq, sabiex prodotti mhux konformi jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment u jitneħħew mis-suq. L-oġġettiv ewlieni tal-proposta huwa li jkun assigurat il-moviment liberu tal-prodotti fil-qasam armonizzat billi:

tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea, sabiex l-akkreditazzjoni tkun tista' tipprovdi b'mod ġenwin il-livell finali ta' kontroll fil-qafas tat-tħaddim xieraq tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE;

ikun stabbilit qafas għall-għarfien ta' l-organizzazzjoni eżistenti “Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni” (EA), sabiex jassikura evalwazzjoni rigoruża inter pares bejn il-korpi nazzjonali ta' akkreditazzjoni (12);

qafas Komunitarju fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq u kontrolli fuq prodotti li jidħlu fis-suq ta' l-UE, b'kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet interni u l-awtoritajiet tad-dwana, l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-koperazzjoni bejniethom fil-każ ta' prodotti li jkunu fis-suq ta' iktar minn Stat Membru wieħed;

applikazzjoni ta' regoli ċari u standarizzati mas-setturi kollha, li tassikura stabbilità u konsistenza legali fil-miżuri, u li tnaqqas xi wħud mill-piżijiet tar-rekwiżiti ta' qabel il-kummerċjalizzazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-konformità;

provvediment ta' fondi tal-Komunità għal skemi ta' akkreditazzjoni settorjali, l-attivitajiet tas-segretarjat ċentrali ta' l-EA, it-twaqqif u l-koordinazzjoni ta' proġetti ta' sorveljanza tas-suq, programm ta' taħriġ u skambju ta' uffiċjali nazzjonali, inklużi l-awtoritajiet tad-dwana.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jemmen ħafna li l-moviment liberu tal-prodotti huwa xprun essenzjali għall-kompetittività u għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-suq Uniku Ewropew u li r-rinforzar u l-aġġornament tar-rekwiżiti għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti sikuri u ta' kwalità għolja huma fatturi ewlenin għall-konsumaturi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej.

4.2

Tul il-50 sena li għaddew, is-suq uniku għall-prodotti, għen biex iġib l-ekonomiji ta' l-Ewropa dejjem aktr qrib: il-kummerċ bejn is-27 Stat Membru ta' l-UE issa jammonta għal żewġ terzi tal-kummerċ kollu ta' l-UE.

4.3

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 28 u 30 (13) tat-Trattat tal-KE, l-armonizzazzjoni tar-regoli tekniċi ta' l-approċċ il-qadim u l-ġdid u l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huma kolonni essenzjali għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju.

4.4

Hemm ħafna raġunijiet għaliex l-aġġornament u l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-prodotti ma tistax titwaqqaf: il-problemi iffaċjati fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat; in-nuqqas ta' approċċ konsistenti għas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri; nuqqasijiet fil-korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità u fil-protezzjoni legali tal-marka KE; l-inkonsistenzi u l-komplessità tal-leġiżlazzjoni Ewropea, li spiss hija kumultattiva u tissovrapponi, bi traqqigħ ta' proċeduri differenti; u nuqqasijiet fl-għarfien min-negozji, l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

4.5

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni, filfatt diġà saħaq, u ripetutament talab għal tali inizjattiva fl-opinjonijiet tiegħu dwar is-suq uniku (14); huwa jappoġġja l-proposti maħruġa sakemm huma jirriflettu l-kummenti magħmula f'din l-opinjoni.

4.6

Il-KESE jemmen li għandhom jintużaw erba' kriterji fundamentali biex jiġu evalwati l-miżuri proposti, ħalli jassiguraw li huma jiġu inkorporati fis-sistema eżistenti tal-Komunità:

il-livell ta' trasparenza, simplifikazzjoni, kredibbiltà, ċertezza legali u aċċessibbiltà għall-utent tal-Komunità, sew jekk konsumaturi, negozji, amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll ċittadini;

il-livell ta' konsistenza mal-politika ta' l-UE u miri oħra;

il-livell ta' komunikazzjoni u informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi bejn dawk kollha involuti fil-Komunità;

l-ammont ta' burokrazija bla bżonn u piżijiet relatati, b'mod partikulari għal dawk involuti li huma żgħar bħall-konsumaturi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u ċ-ċittadini.

4.7

Il-KESE jħoss li l-proposti tal-Kummissjoni jippermettu passi kbar 'il quddiem billi jistabilixxu:

dispożizzjonijiet għal żieda fis-sorveljanza tas-suq;

sistema ta' akkreditazzjoni komuni;

livelli komuni ta' kompetenza għal korpi ta' ċertifikazzjoni akkreditati;

kriterji ta' selezzjoni iktar strinġenti u proċeduri ta' l-għażla armonizzati għall-evalwazzjoni tal-konformità;

iktar kooperazzjoni u skambju ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

protezzjoni legali ikbar għall-marka KE bħala marka kollettiva tal-Komunità.

4.8

Il-KESE jaqbel li hemm il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tas-sistema għall-akkreditazzjoni tal-korpi notifikati u li jkunu stabbiliti kriterji iktar stretti għall-għażla, l-immaniġġjar u s-superviżjoni ta' dawn il-korpi, b'sistema legali li tipprovdi konsistenza, tqabbil u koordinament fis-sistema deċentralizzata biex tassikura kredibbiltà u żieda fil-fiduċja reċiproka.

4.9

B'mod partikulari, minħabba l-globalizzazzjoni li kull ma tmur tiżdied, is-sistema ta' sorveljanza tas-suq trid tipprovdi qafas leġiżlattiv komuni li jassikura applikazzjoni effiċjenti u konsistenti tal-leġiżlazzjoni ma' l-UE kollha.

4.10

Prodotti li ma jikkonformawx u li jistgħu jkunu perikolużi m'għandhomx jitħallew jilħqu s-suq, kif hemm fir-rapport annwali ta' l-2006 tar-RAPEX, jiġifieri is-sistema tat-twissjia rapida għall-prodotti tal-konsum perikolużi (15).

4.11

Rigward il-marka KE — konċeputa bħala marka ta' konformità iktar milli marka ta' kwalità — il-KESE jħoss li huwa essenzjali li tkun restawrata l-fiduċja fil-marki ta' konformità. Jeħtieġ li jerġa' jinbena l-valur tal-marka KE, b'possibbiltajiet ikbar ta' prosekuzzjoni għall-ksur tar-regolamenti u l-iżgurar tal-ħarsien legali ta' element li jirrappreżenta s-sistema leġiżlattiva li fuqu huma bbażati d-direttivi kollha ta' l-“approċċ il-ġdid”, li issa jkopru 20 settur tal-produzzjoni.

4.12

Rigward is-sistema leġiżlattiva attwali, il-KESE jemmen li l-inkonsistenzi, ir-regoli duplikati u l-inċertezzi legali jistgħu ikunu d-difett l-aktar evidenti tas-sistema kollha kemm hi, u dan jista' jkun ta' ħsara kbira għall-konsumaturi, in-negozji, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili bħala tali.

4.13

L-eżistenza ta' diversi saffi ta' leġiżlazzjoni u nuqqas ta' rispett tal-ħtieġa għal konsistenza fost l-inizjattivi relatati mal-politika ta' l-UE u miri oħra wasslu għal burokrazija eċċessiva u piżijiet konsiderevoli f'termini ta' żmien marbut mal-bidu effettiv ta' proċeduri li ma jaqblux. Dan kellu impatt negattiv ħafna, speċjalment fuq il-konsumaturi, l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u ċ-ċittadini.

4.14

Għalhekk il-KESE jappoġġja għal kollox il-proposta għal qafas ta' referenza komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti (16). Dan il-qafas għandu jinkludi element komuni, proċeduri u definizzjonijiet għar-riorganizzazzjoni futura u l-aġġustament ta' direttivi individwali biex titneħħa l-burokrazija żejda u biex jitneħħew difetti fis-sistema leġiżlattiva kurrenti.

4.15

Il-KESE jħoss li huwa importanti, bħala element essenzjali fis-suq intern, li titfassal gwida telematika prattika għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq intern Ewropew (17), li tagħti stampa li faċli tinftiehem tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri kollha analizzati skond is-setturi maġġuri, inklużi drittijiet u obbligi, proċeduri ta' aċċess, skeda ta' żmien u spejjeż tat-tnedija.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Proposti għal Regolament dwar “l-għarfien reċiproku” u “l-Punti ta' Kuntatt ta' Prodotti” (COM(2007) 36 finali)

5.1.1

Il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, li huwa previst fl-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat, huwa l-ġebla tax-xewka tal-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi fis-suq intern. Wara 50 sena, hekk kif l-UE kibret b'mod progressiv u s-swieq saru dejjem aktar globalizzati, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jsaħħaħ u jissalvagwardja ir-rwol tiegħu, billi jipprovdi ċertezza legali ikbar u implimentazzjoni uniformi, u juża l-potenzjal kollu tiegħu għall-operaturi ekonomiċi, in-negozji Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali.

5.1.2

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta pass pożittiv f'din id-direzzjoni billi hija:

tistabbilixxi proċedura biex jiġu indikati l-inkonsistenzi fir-rigward tal-prinċipju ġenerali;

tistabbilixxi qafas komuni ta' drittijiet u obbligi għall-awtoritajiet nazzjonali u n-negozji;

tipproponi sistema għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward tar-regolamenti nazzjonali.

5.1.3

Madankollu, il-KESE jemmen li għad hemm diversi punti problematiċi li jeħtieġ li jiġu definiti aħjar fil-proposta għal Regolament:

l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku ma tistax tkun mifruda mill-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kredibbiltà tal-mekkaniżmi tas-sorveljanza tas-suq, li għandhom rwol vitali fl-għoti ta' l-aċċess lill-prodott għas-suq intern Ewropew; l-effettività tal-proċeduri ta' l-evalwazzjoni tal-konformità; ir-rwol li għandhom il-laboratorji tat-testijiet; u l-kompetenza tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni;

fl-abbozz tar-regolament, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa iktar ċirkoskritt meta mqabbel ma' dak li hemm ipprovdut għalih fid-Deċiżjoni 3052/95/KE;

il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni amministrattiva jkunu limitati għal kooperazzjoni vertikali bejn in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jidher importanti li tiġi żviluppata kooperazzjoni orizzontali bejn l-awtoritajiet amministrattivi u bl-istess mod bejn il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott differenti;

in-nuqqas ta' referenza għal mekkaniżmi li jipprovdu soluzzjonijiet f'każ ta' kwistjonijiet, bħal SOLVIT (18), li jippermetti li n-negozji jitolbu direttament proċedura mgħaġġla, ippruvata;

il-bidla tas-suġġett li għandu r-responsabbiltà li jġib il-provi, inkluż għal prodotti minn pajjiżi barra mill-Komunità miġjuba fis-swieq tal-Komunità minn importaturi Ewropej;

l-inklużjoni ta' lista ta' prodotti pożittivi, li tista' tkun partikolarment ingannuża billi l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku japplika għall-prodotti kollha li m'humiex koperti minn leġiżlazzjoni armonizzata.

5.1.4

Il-KESE jħoss li jkun xieraq li t-test jirreferi b'mod espliċitu għall-bażijiet legali tat-Trattat li jistabilixxi l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, b'hekk jenfasizza li s-salvagwardja ta' 'l hekk suppost rekwiżiti nazzjonali tista' tkun biss eċċezzjoni.

5.1.5

Il-KESE jħoss li livelli għoljin ta' trasparenza, ċertezza legali u simplifikazzjoni għandhom ikunu assigurati fl-applikazzjoni u l-infurzar tal-prinċipju ta' l-għarfien reċiproku:

bidla fis-suġġett li għandu r-responsabbilà li jġib il-provi għall-awtoritajiet nazzjonali li jixtiequ jidderogaw minn dan il-prinċipju, bl-użu ta' proċeduri sempliċi u skedi ta' żmien definiti sabiex jagħmlu s-soluzzjoni ta' każijiet disputati iktar mgħaġġla u trasparenti;

il-possibbiltà ta' rikors għall-qrati nazzjonali, mingħajr ma jkun hemm piż eċċessiv f'termini ta' spejjeż, żmien u sforzi;

aċċess għal proċeduri ta' ilmenti barra mill-qorti, billi jintużaw proċeduri li wrew li huma effettivi fl-UE;

movimenti ta' prodotti u servizzi iktar effiċjenti, bl-użu ta' kampanji ta' informazzjoni u taħriġ konġunt li jimmiraw lejn l-intrapriżi, il-konsumaturi u l-amministrazzjonijiet;

żmien iqsar għall-proċeduri, wara li tasal in-notifika raġġonata bil-miktub mill-awtorità nazzjonali, intrapriża għandha 20 jum biex tippreżenta l-argumenti kontra u, jekk il-kwistjoni ma tissolviex fi żmien speċifiku, din tista' tittella' fil-qrati nazzjonali tal-pajjiż tas-suq potenzjali;

Netwerking Ewropew u inklużjoni fuq is-sit ta' l-UE għall-“Punti tal-Kuntatt tal-Prodott” li hemm ipprovdut għalihom f'kull Stat Membru, biex tkun assikurata komunikazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni suffiċjenti dwar id-drittijiet u l-obbligi.

5.1.6

Fl-opinjoni tal-KESE, il-limitu ta' żmien massimu għad-diskussjoni ta' l-appelli għandu jkun definit sabiex il-kwistjoni tkun tista' tiġi deċiża quddiem il-qorti tal-prim istanza.

5.1.7

L-Istati Membri għandhom jgħammru lilhom infushom bi strutturi tekniċi effiċjenti (inkluż dispożizzjoni għal proċedura ta' urġenza) sabiex jipproduċu malajr kwalunkwe evidenza għal deroga mill-prinċipju ta' għarfien reċiproku skond l-Artikolu 30 tat-Trattat li “jippermetti li Stati Membri jieħdu miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi meta dawn ikunu ġustifikati minn konsiderazzjonijiet ġenerali u mhux ekonomiċi (moralità pubblika, ordni pubblika jew sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, ta' l-annimali jew il-preżervazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni ta' teżori artistiċi u l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali)” (19).

5.1.8

Il-Punti tal-Kuntatt tal-Prodott għandhom jużaw il-metodi tas-SOLVIT f'tentattiv inizjali biex isolvu tilwim u ħalli l-intrapriżi, li l-prodotti tagħhom kienu imblukkati fil-fruntieri, jkollhom aċċess għal din il-proċedura barra mill-qorti għal kooperazzjoni amministrattiva bejn Stati Membri, bi tweġibiet dovuti fi żmien 10 ġimgħat (20).

5.1.9

Il-KESE jemmen li huwa importanti għall-Punti tal-Kuntatt tal-Prodott li jadottaw approċċ proattiv billi jagħmlu disponibbli gwidi proċedurali prattiċi. Jistgħu wkoll jistabbilixxu siti ta' l-internet nazzjonali, illinkjati f'netwerk Ewropew u mas-sit ta' l-UE, li juru d-deċiżjonijiet dwar il-każijiet deċiżi qabel, il-lista tal-prodotti koperti mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-bażi ta' data miftuħa għall-utenti potenzjali illinkjati man-netwerk telematiku għall-iskambju ta' l-informazzjoni bejn żewġ Punti ta' Kuntatt tal-Prodott skond l-interoperabblità ta' l-IDABC (21).

5.1.10

Il-preparazzjoni u l-operazzjoni ta' dawn l-istrumenti ma' tistax ma tkunx obbligatorja; għandha tkun obbligu, stipulat fil-proposta. Il-Punti tal-Kuntatt tal-Prodott għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, iżommu informazzjoni regolari konġunta u seminars ta' taħriġ għall-operaturi ekonomiċi, l-uffiċjali amministrattivi u doganali, biex jassikuraw fehim xieraq u disseminazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fit-Trattat.

5.1.11

Hemm ukoll il-bżonn li titħejja Gwida Telematika, li tagħti stampa ġenerali u li tiftiehem malajr tal-leġiżlazzjoni kollha fis-seħħ fl-UE, analizzata b'mod orizzontali u skond is-setturi maġġuri.

5.1.12

Ma jidhirx li hemm bżonn li titfassal lista ta' prodotti pożittivi koperti mir-Regolament, bħalma ma jkunx xieraq li tiġi eskluża l-proċedura urġenti li għaliha hemm dispożizzjoni fid-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Prodott Ġenerali.

5.1.13

Il-Kummissjoni għandha tosserva mill-qrib il-mod kif inhuma mħaddma l-mekkaniżmi tan-notifiki: hekk l-Istati Membri jkunu mistennija li jippreżentaw kopja ta' kull notifika u li jfasslu rapport annwali dwar il-miżuri adottati, taħt it-termini tar-Regolament, biex il-Kummissjoni tkun tista' tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-KESE — SMO.

5.2   Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar Qafas komuni għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq (COM(2007) 53 finali) u tal-Marka KE

5.2.1

Il-KESE japprova l-prinċipji tal-proposta li hija bbażata fuq esperjenza pożittiva ta' l-Approċċ il-Ġdid, kombinat ma' l-Approċċ Globali (22) dwar l-evalwazzjoni tal-konformità. Dawn il-prinċipji għandhom ikunu applikati b'mod ġenerali għal leġiżlazzjoni tal-Komunità attwali u futura, li tkopri l-aspetti kollha tal-prodotti kkummerċjalizzati, b'mod speċjali fir-rigward tas-sigurtà, s-saħħa u l-protezzjoni ambjentali. Il-prinċipju ewlieni tas-suq intern, jiġifieri n-nuqqas ta' diskriminazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, għandhu jkun irrispettat fil-liġi u implimentat mill-Istati Membri.

5.2.2

Il-KESE jisħaq li “l-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina ta' forniment u distribuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jassiguraw li jagħmlu disponibbli fis-suq prodotti li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli” (23) biss, sew jekk ikunu fabbrikanti, rappreżentanti awtorizzati jew importaturi (24).

5.2.3

It-traċċabbiltà tal-prodotti hija essenzjali sabiex ikun identifikat l-obbligu ta' l-operaturi ekonomiċi li jqiegħdu l-prodotti fis-suq Ewropew, u sabiex ikun assigurat li l-kundizzjonijiet relevanti kollha tal-Komunità jiġu nfurzati, aktar milli sempliċement ir-rekwiżit tal-konformità “limitata għal ċerti miżuri ta' kontroll”, kif propost mill-Kummissjoni (25).

5.2.4

Fir-rigward tal-materja tas-suġġett u ta' l-iskop tad-Deċiżjoni, il-KESE jħoss li l-eċċezzjonijiet li hemm għandhom jiġu evitati u li l-Qafas Komuni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għandu japplika — skond il-proposti avvanzati f'punt 5.3.3 tar-Regolament dwar is-Sistema ta' Akkreditazzjoni Ewropea u tal-mekkaniżmi ta' Sorveljanza tas-Suq — għal-leġiżlazzjonijiet kollha relevanti tal-Komunità mingħajr eċċezzjoni, la fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà u l-anqas fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali. Il-qafas il-ġdid għandu japplika għall-korp kollu tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam, mingħajr ma wieħed jistenna biex jara jekk kull direttiva individwali jew regolament tistax tkun soġġetta għal reviżjoni ġenerali.

5.2.5

Id-definizzjonijiet komuni li hemm fil-Kapitolu 1 tal-proposta huma ta' importanza vitali għall-operaturi tas-suq, minħabba li wisq mid-direttivi jużaw definizzjonijiet differenti biex ikopru l-istess prodotti.

5.2.6

Il-KESE jemmen li dawn li ġejjin huma essenzjali:

deskrizzjoni iktar ċara ta' l-obbligi ta' l-operaturi ekonomiċi, sabiex itejbu s-sistema ta' l-Approċċ il-Ġdid eżistenti;

sorveljanza tas-suq iktar effiċjenti;

livelli aktar uniformi tal-kompetenza fil-korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità notifikati.

5.2.7

L-obbligi għal operaturi ekonomiċi għandhom ikunu ġġustifikati, proporzjonati u ħielsa minn burokrazija u amministrazzjoni eċċessiva, kemm fir-rigward ta' l-ittestjar b'teħid ta' kampjuni ta' prodotti ikkummerċjalizzati u tar-reġistru ta' l-ilmenti (it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(4)), kif ukoll rigward il-kundizzjoni tar-rapportar, li għandha tkun ristretta għall-prodotti perikolużi kif inhuma definiti mid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Prodott Ġenerali.

5.2.7.1

Fis-Sistema ta' Akkreditazzjoni Ewropea, l-azzjoni meħuda minn korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità għandha tkun proporzjonata; dawn il-korpi għandhom jużaw metodi xierqa meta jkollhom x'jaqsmu ma' negozji żgħar u ta' daqs medju u ma' prodotti mhux iffabbrikati f'massa jew prodotti ffabbrikati fi kwantitajiet żgħar.

5.2.8

Rigward il-Korpi Notifikati, il-KESE jtenni li huma għandhom jipprovdu garanzija ta' kompetenza, imparzjalità u effettività fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha. Sabiex il-fabbrikanti kollha jkunu jistgħu jikkompetu taħt kundizzjonijiet ugwali, u b'konformità ma' l-obbligu ta' l-akkreditazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 et seq., għandha ssir evalwazzjoni ta' l-akkreditazzjoni minn Korp ta' Akkreditazzjoni Nazzjonali u aċċettata mill-awtorità ta' notifika, biex hekk tkun evitata duplikazzjoni bla bżonn u li tiswa ħafna flus.

5.2.9

Modulu A għall-kontroll intern għandu jkun il-proċedura ta' l-evalwazzjoni tal-konformità preferuta, l-iktar minħabba l-fatt li, fi kwalunkwe każ, ir-responsabbiltà għall-prodott tibqa' kollha kemm hi tal-fabbrikant jew ta' l-importatur, fiż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea). Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ggarantiti possibbiltajiet differenti ta' għażla fost moduli semplifikati, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u l-produzzjonijiet limitati.

5.2.10

Il-qalba ewlenija tad-dispożizzjonijiet hija s-sistema tal-marka KE, li hija intenzjonata li tiċċertifika l-konformità tal-prodott mar-regoli applikabbli u li l-Istati Membri huma obbligati li jissalvagwardjaw b'mod iktar effettiv billi jirrispondu għall-użu mhux xieraq b'sanzjonijiet suffiċjenti u proporzjonati, inklużi dawk penali. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda, hekk ukoll l-antiki, jistipulaw li l-konformità tal-prodotti, iċċertifikati bil-marka KE, ma terħix lill-fabbrikant mill-obbligu li jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara ikkawżata minn prodott li sussegwentement jinstab li huwa difettuż.

5.2.11

Il-KESE jaqbel bla riservi li nuqqas ta' kredibbiltà tal-marka KE jammonta għal “nuqqas ta' fiduċja fis-sistema kollha: l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq, il-fabbrikanti, il-laboratorji u dawk li jiċċertifikaw, u fl-aħħar l-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni ta' l-Approċċ il-Ġdid” (26).

5.2.12

L-aħjar mod kif tissaħħaħ il-pożizzjoni u l-importanza tal-marka KE, kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465 (27), huwa permezz ta' taqliba radikali ta' l-immarkar innifsu, li tkun tinvolvi:

li jkun iċċarat li m'għandhiex tintuża bħala sistema ta' immarkar jew tikkettjar għal skopijiet ta' konsum (28), lanqas bħala garanzija ta' kwalità jew ċertifikazzjoni jew approvazzjoni minn partijiet terzi indipendenti, imma biss bħala dikjarazzjoni ta' konformità u ta' dokumentazzjoni teknika, li l-fabbrikant jew l-importatur għandu l-obbligu u r-responsabbiltà sħiħa li jipproduċi għall-awtoritajiet u l-konsumaturi;

li jkunu rrazzjonalizzati l-proċeduri varji għall-evalwazzjoni tal-konformità;

li tissaħħaħ il-protezzjoni legali tal-marka KE billi tiġi reġistrata bħala marka kollettiva, li tfisser li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jaġixxu b'ħeffa biex irażżnu l-abbużi, waqt li jżommu miftuħa l-possibbiltà ta' immarkar nazzjonali addizzjonali;

li jissaħħu l-mekkaniżmi tas-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli doganali fil-fruntieri;

li produtturi u konsumaturi jistħarġġu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kodiċi tal-kondotta volontarju possibbli fuq l-effettività tal-proliferazzjoni ta' marki u tikketti ta' kwalità nazzjonali — volontarji jew xorta oħra — u kif jirrelataw mal-marka KE.

5.2.13

Il-mekkaniżmi tas-sorveljanza tas-suq huma ittrattati f'punt 5.3.13 et seq., imma hawn, il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta' l-involviment tal-Kummissjoni, mhux biss fil-każ tal-prodotti kollha li, għalkemm jikkonformaw, jinvolvu riskji għas-saħħa u s-sigurtà, imma anke f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità formali kif koperta bl-Artikolu 38 tal-Proposta għal Deċiżjoni.

5.2.14

Il-KESE jisħaq dwar ir-rwol kruċjali mwettaq fl-aspetti kollha ta' din il-kwistjoni mill-proċess ta' standardizzazzjoni teknika, billi l-istess fondazzjoni ta' dan l-approċċ il-ġdid hija r-rabta mill-qrib tar-rekwiżiti legali minimi u l-istandards tekniċi Ewropej, li hemm bżonn li jkunu appoġġjati u wżati. Jekk ikun hemm oġġezzjoni formali għal standards armonizzati (29), allura l-awtorità ta' l-istandards rilevanti għandha tkun infurmata minnufih sabiex tkun tista' tagħti l-attenzjoni meħtieġa meta tkun qegħda tistabbilixxi l-livelli.

5.3   Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta' prodotti fis-suq (COM(2007) 37 finali)

5.3.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta għall-istabbiliment ta' Sistema ta' Akkreditazzjoni Ewropea mwaqqfa fuq il-fiduċja u l-kooperazzjoni reċiproka sakemm din timplimenta regoli li jorbtu kemm lill-operaturi ekonomiċi kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi biex ikun żgurat li l-prodotti kollha mqiegħda fis-suq jissodisfaw livelli għoljin ta' sigurtà u protezzjoni tas-saħħa. Is-sistema għandha tiggarantixxi lill-konsumaturi Ewropej u lill-operaturi ekonomiċi kollha, proċeduri iktar sempliċi u iktar armonizzati.

5.3.2

Is-Sistema ta' Akkreditazzjoni Ewropea trid tassigura aċċettazzjoni universali tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni tal-konformità u tevita duplikazzjoni superfluwa ta' ittestjar: sabiex tassigura li s-sistema hija aċċettabbli fuq livell internazzjonali, il-kompetenza ta' l-evalwazzjoni ta' l-akkreditazzjoni trid tkun ibbażata fuq livelli magħrufa fuq livell internazzjonali, u d-definizzjonijiet ta' “l-evalwazzjoni tal-konformità”, “korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità”, “ħatra ta' korp” u “notifika” iridu jkunu msemmija b'mod espliċitu fir-Regolament.

5.3.3

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament iridu japplikaw għall-korpi kollha ta' akkreditazzjoni u għas-servizzi li jipprovdu, fiż-Żona Ekonomika Ewropea, irrispettivament mit-tip ta' servizz ta' evalwazzjoni tal-konformità fornut lill-klijenti, u jridu jassiguraw:

sett koerenti ta' definizzjonijiet komuni, ċari u trasparenti, konformi ma' l-istandards internazzjonali, biex jintuża fid-direttivi kollha ta' l-“approċċ il-ġdid” u d-direttivi tal-prodott speċifiku, inklużi dawk dwar l-evalwazzjoni tal-konformità u l-korpi ta' l-evalwazzjoni tal-konformità;

sistema ta' akkreditazzjoni mmexxija minn awtorità pubblika u li ma tridx tkun soġġetta għal kompetizzjoni kummerċjali;

informazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-Komunità, mingħajr eċċezzjonijiet kemm fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali: il-kumplessità dejjem tikber tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità f'dan il-qasam trid issir permezz tad-dispożizzjonijiet il-ġodda, sistema waħda koerenti kemm għall-produtturi ta' l-UE kif ukoll għal dawk barra l-UE;

applikazzjoni sħiħa għall-attivitajiet kollha soġġetti għall-akkreditazzjoni, inkluż il-kalibrar, irrispettivament minn jekk l-iskop ta' l-akkreditazzjoni huwiex li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-evalwazzjoni ta' konformità jew li jikkonforma ma' kuntratti privati;

li korpi ta' akkreditazzjoni nazzjonali jikkonformaw ma' standards ta' kompetenza u imparzjalità billi jintalbu jieħdu sehem f'evalwazzjonijiet minn pari mwettqa taħt is-superviżjoni tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' akkreditazzjoni;

l-effettività ta' l-ispejjeż mqabbla mal-benefiċċji, il-proporzjonalità, l-affidabilità u l-fiduċja reċiproka fis-sistema ta' akkreditazzjoni komuni kemm għall-qasam regolat kif ukoll għall-qasam mhux regolat.

5.3.4

Id-definizzjoni ta' akkreditazzjoni għandha tkun modifikata biex tinkludi l-ikkalibrar, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni u attivitajiet oħra ta' evalwazzjoni tal-konformità.

5.3.5

Barra minn hekk, biex jassigura regoli uniformi li jħaddnu l-proċeduri kollha ta' l-evalwazzjoni tal-konformità, inklużi dawk ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità, il-kalibrar u it-testijiet ta' l-evalwazzjoni ISO 43, m'għandux ikun hemm eċċezzjonijiet: il-korpi kollha ta' akkreditazzjoni u s-servizzi kollha li huma jipprovdu fiż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom ikunu koperti mir-Regolament, irrispettivament mit-tip ta' servizz ta' evalwazzjoni tal-konformità fornut lill-klijenti.

5.3.6

Il-korpi ta' akkreditazzjoni nazzjonali għandhom joperaw fuq bażi mingħajr profitt kif propost fl-Artikolu 4(6). Madankollu, hemm ir-riskju li l-formolazzjoni attwali ixxekkel il-ħolqien tal-kapital tal-bidu meħtieġ biex jassigura pedament finanzjarju b'saħħtu ħalli servizzi ta' kwalità jitwasslu b'effiċjenza. Fl-opinjoni tal-KESE, il-korpi ta' akkreditazzjoni nazzjonali għandhom joperaw bħala korpi bla profitt fis-sens li huma ma jridux iqassmu profitti, kif stabbilit fuq livell internazzjonali f'ISO/IEC 17011 (30).

5.3.7

Is-Sistema ta' Akkreditazzjoni Ewropea għandha tkun meqjusa bħala l-ogħla livell ta' akkreditazzjoni tas-sistema, u bħala servizz pubbliku ta' interess ġenerali trid tkun ħielsa mill-kompetizzjoni. Il-KESE iqis ġusta r-regola li tobbliga lill-Istati Membri li jkollhom korp ta' akkreditazzjoni nazzjonali wieħed li l-kompetenza, l-oġġettività u l-imparzjalità tiegħu jridu jkunu soġġetti għal reviżjoni mill-pari, b'xi eċċezzjonijiet f'ċerti ċirkustanzi (31) għal Stati Membri żgħar kemm-il darba jkunu jixtiequ jużaw il-korpi ta' akkreditazzjoni nazzjonali ta' Stati Membri ġirien.

5.3.8

Il-KESE jaħseb li hemm bżonn li tkun stabbilita bażi legali ċara għall-kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni, li r-rwol tagħha jrid ikun imsaħħaħ u definit aħjar: il-korpi kollha ta' l-akkreditazzjoni nazzjonali jridu jkunu membri ta' l-Akkreditazzjoni Ewropea sabiex jassiguraw l-ekwivalenza, it-trasparenza, il-kredibbiltà u l-effettività, u s-sistema ta' l-Akkreditazzjoni Ewropea trid tkun appoġġjata mill-Istati Membri.

5.3.9

Sabiex tissaħħaħ iktar l-Akkreditazzjoni Ewropea, il-KESE jaħseb li l-korpi ta' akkreditazzjoni jridu jkunu firmatarji ta' ftehimiet ta' għarfien multilaterali operati mill-Akkreditazzjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi ta' ffinanzjar miġbura fir-Regolament m'għandhomx ikopru biss l-Akkreditazzjoni Ewropea, imma għandhom jkunu estiżi għal kampanji b'appoġġ għall-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq u taħriġ konġunt ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali diversi li jieħdu sehem.

5.3.10

Ir-reviżjoni mill-pari prevista fl-Artikolu 9(1), biex tiffaċilta u ttejjeb l-operazzjoni tas-suq intern billi żżid il-fiduċja fih, trid tkun organizzata fis-Sistema ta' l-Akkreditazzjoni Ewropea u implimentata skond regoli armonizzati definiti fl-Akkreditazzjoni Ewropea. Ir-riżultati tar-reviżjoni mill-pari għandha tkun ippubblikata u ikkomunikata lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni.

5.3.11

Billi l-korpi ta' akkreditazzjoni jridu juru b'mod attiv li l-fiduċja li huma jgawdu tixraqilhom, il-KESE jaħseb li huma jridu jagħtu prova li huma jipparteċipaw b'suċċess fir-reviżjoni mill-pari.

5.3.12

Il-KESE jikkunsidra wkoll importanti li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti: ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jipparteċipaw fil-korpi ta' akkreditazzjoni u din id-dispożizzjoni għandha tkun parti integrali mir-Regolament il-ġdid.

5.3.13

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jilħqu mekkaniżmi tas-sorveljanza tas-suq ekwivalenti, iktar koerenti u effiċjenti permezz ta' l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità li tinkludi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-fruntieri: għandu jkun hemm allinejar mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-prodott ġenerali — id-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Prodott 2001/95/KE — u tad-direttivi l-oħra relevanti sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' “tfassil ta' liġijiet aħjar” għat-tħaddim tas-suq uniku. Attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom japplikaw ukoll għall-prodotti koperti mid-Direttiva tas-Sigurtà tal-Prodott Ġenerali, billi bosta prodotti jinbigħu kemm għall-użu professjonali kif ukoll għall-użu mill-konsumatur aħħari. Għalhekk, il-KESE jqis bħala mhux ġustifikata l-esklużjoni tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Prodott Ġenerali, mid-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2), billi dan jasal li joħloq aktar konfużjoni u kumplikazzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi milli koeżjoni ikbar ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq intern.

5.3.14

Il-KESE jħoss li l-eżistenza tas-sistema ta' skambju ta' l-informazzjoni rapida kurrenti, RAPEX (32), li hija kapaċi tassisti b'mod effettiv is-sorveljanza tas-suq, hija totalment ġustifikata: madankollu jeħtieġ li tintuża b'mod iktar uniformi u koordinat mill-Istati Membri, d-dwani u l-awtoritajiet amministrattivi.

5.3.15

L-awtoritajiet doganali għandhom jikkoperaw ma' l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fis-sistema Ewropea sabiex jassiguraw l-iċċekkjar effettiv tal-prodotti qabel ma dawn jitpoġġew fis-suq uniku Ewropew, u l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu mgħammra b'persunal imħarreġ, riżorsi finanzjarji u b'setgħa biżżejjed biex iwettqu x-xogħol fdat lilhom b'mod effettiv.

5.3.16

Il-mekkaniżmi ta' sorveljanza tas-suq u ta' spezzjoni tad-dwana għandu jkollhom, fuq kollox, l-istrumenti meħtieġa biex minnufih jittrattaw prodotti li huma staġjonali jew li jinbigħu biss għal perijodu ta' żmien qasir bħala promozzjonijiet speċjali, ta' spiss taħt ismijiet effimeri u fittizji. L-awtoritajiet għandu jkollhom il-poteri u l-mezzi għal intervent rapidu kontra dawn u l-importaturi fil-Komunità għandhom jieħdu r-responsabbiltà kollha biex jassikura li huma jissodisfaw r-rekwiżiti essenzjali ta' l-UE, speċjalment fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali.

5.3.17

Fl-aħħarnett, il-KESE jaħseb li r-Regolament jeħtieġ li jistipula b'mod ċar li l-miżuri meħuda bi tweġiba għal nuqqas ippruvat ta' konformità jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, irrispettivament mil-linji gwida proposti fl-Artikolu 19(1): Il-KESE jaħseb li l-Artikolu 17 għandu jkun emendat kif imiss.

Brussell, it-13 ta' Diċembru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Fil-leġiżlazzjoni ta' l-UE, intużaw definizzjonijiet differenti għall-istess kunċetti f'leġiżlazzjonijiet differenti dwar il-prodotti li jkopru aspetti bħad-disinn li jirrispetta l-ambjentali, is-sigurtà tal-prodott, ir-responsabbiltà tal-prodott, ir-rimi ta' l-iskart, l-effiċjenza fl-enerġija eċċ. Dan ħoloq konfużjoni għal dawk kollha involuti, speċjalment meta direttivi differenti japplikaw għall-istess prodott.

(2)  ĠU C 93, 27.4.2007, Reviżjoni tas-Suq Uniku, Rapporteur: is-Sur Cassidy (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara wkoll Art. 94-95 tat-Trattat tal-KE.

(4)  ĠU C 309, 16.12.2006, Implimentazzjoni tal-Programm ta' Lisbona tal-Komunità: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju, Rapporteur: is-Sur Cassidy (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  ĠU C 234, 30.9.2003, rapporteur: is-Sur Cassidy.

(6)  ĠU C 208, 3.9.2003, rapporteur: is-Sur Pezzini.

(7)  ĠU C 325, 30.12.2006, rapporteur: is-Sur Van Iersel.

(8)  Ibidem, nota 5.

(9)  Rapport mill-grupp ta' livell għoli presjedut minn Wim Kok Niffaċċjaw l-isfida Novembru 2004 — Kummissjoni Ewropea.

(10)  SEC(2007) 113, 14.2.2007.

(11)  It-tieni Rapport Biennali dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipju ta' Għarfien Reċiproku fis-Suq Uniku — COM(2002) 419 finali.

(12)  Fil-preżent hemm madwar 1700 korp notifikat fl-UE.

(13)  Ara ukoll Art. 94-95 tat-Trattat ta' l-UE.

(14)  Lista ta' opinjonijiet tal-KESE reċenti dwar is-simplifikazzjoni, it-tfassil aħjar tal-liġijiet u l-prijoritajiet tas-suq uniku:

1)

ĠU C 93, 27.4.2007, Reviżjoni tas-Suq Uniku, rapporteur: is-Sur Cassidy (mhux disponibbli bil-Malti).

2)

Opinjoni dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-ReġjuniImplimentazzjoni tal-Programm tal-Komunità ta' Lisbona: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent ragolatorju, COM(2005) 535 finali, rapporteur: is-Sur Cassidy, ĠU C 309, 16.12.2006. (mhux disponibbli bil-Malti).

3)

Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza tar-Renju Unit dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, rapporteur: is-Sur Retureau, adottata fit-28.9.2005, ĠU C 24, 31.1.2006.(mhux disponibbli bil-Malti).

4)

Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Kif ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, rapporteur: is-Sur van Iersel, adottata fit-28.9.2005, ĠU C 24, 31.1.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).

5)

Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: — Aġġornament u simplifikazzjoni ta' l-Acquis Communautaire, COM(2003) 71 finali, rapporteur: is-Sur Retureau, adottata fil-31.3.2004, ĠU C 112, 30.4.2004 (mhux disponibbli bil-Malti).

6)

Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-Simplifikazzjoni b'referenza partikulari għall-Governanza Ewropea: Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, rapporteur: is-Sur Simpson, adottata fis-26.3.2003, ĠU C 133, 6.6.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).

7)

Opinjoni esploratorja dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoniis-simplifikazzjoni u t-titjib ta' l-ambjent regolatorju, COM(2001) 726 finali, rapporteur: is-Sur Walker, adottata fil-21.3.2002, ĠU C 125, 27.5.2002 (mhux disponibbli bil-Malti).

8)

Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-Simplifikazzjoni, rapporteur: is-Sur Walker, adottata fid-29.11.2001, ĠU C 48, 21.2.2002 (mhux disponibbli bil-Malti).

9)

Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-Simplifikazzjoni tar-regoli fis-suq uniku, rapporteur: is-Sur Vever, adottata fid-19.10.2000, ĠU C 14, 16.1.2001 (mhux disponibbli bil-Malti).

10)

Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-Prijoritajiet tas-suq uniku 2005-2010, rapporteur: is-Sur Cassidy, adottata fis-7.4.2005, ĠU C 255, 14.10.2005 (mhux disponibbli bil-Malti).

11)

Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija tas-Suq InternPrijoritajiet 2003-2006, rapporteur: is-Sur Cassidy, adottata fis-16.7.2003, ĠU C 234, 30.9.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).

12)

Rapport ta' informazzjoni dwar is-Simplifikazzjoni.

13)

Rapport ta' informazzjoni dwar l-Istat tal-ko-regolament u r-regolament personali fis-suq uniku, rapporteur: is-Sur Vever, adottat fil-11.1.2005, CESE 1182/2004 fin.(mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Rapport ta' RAPEX 2006 tal-Kummissjoni Ewropea, http://ec.europa.eu/rapex. Ir-rapport maħruġ fid-19.4.2007 jinnota li matul dawn l-aħħar snin, in-numru ta' notifikazzjonijiet dejjem qiegħed jikber. In-numru ta' notifiki ta' prodotti tal-konsumaturi mhux ta' l-ikel li jippreżentaw riskju serju ta' sigurtà fl-Ewropa iktar minn irduppjaw bejn l-2004 u l-2006, billi telgħu minn 388 għal 924, waqt li fl-2006 iż-żieda annwali kienet ta' 32 %; dan kellu x'jaqsam prinċipalment mas-setturi tal-ġugarelli, apparat ta' l-elettriku, vetturi bil-mutur, apparat tad-dawl u kosmetiċi, li jinvolvu riskju ta' ħsara, xokk elettriku, nar u ħruq, fgar u riskju kimiku.

(16)  Il-qafas komuni għandu jagħti kas ukoll tas-“servizzi”, li kulma jmur qegħdin ikunu aktar marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni ta' l-istess prodotti.

(17)  Ara punt 5.1.11.

(18)  http://ec.europa.eu/solvit/.

(19)  Folji ta' Fatti tal-Parlament Ewropew: 3.2.1 Moviment liberu ta' prodotti. Aġġornati l-aħħar fit-22.10.2001.

http://www.europe-infor.de/facts/en/3_2_1.htm.

(20)  SEC(2007) 585. Dokument ta'ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SOLVIT 2006 Rapport Żvilupp u Eżekuzzjoni tas-sistema SOLVIT fl-2006, tat-30.4.2007.

L-Istati Membri kollha kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein, ħolqu ċentru SOLVIT, fil-biċċa l-kbira fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jew Ekonomiċi.

Dawn iċ-ċentri jikkooperaw direttament permzz ta' bażi ta' data on line biex isolvu problemi ppreżentati miċ-ċittadini u l-intrapriżi malajr u b'mod pragmatiku. Ir-regoli għall-kooperazzjoni fis-SOLVIT huma inklużi fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2001 li kienet approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill. SOLVIT ilha taħdem minn Lulju 2002. Flimkien mar-rakkomandazzjoni, iċ-ċentri SOLVIT adottaw sett ta' livelli ta' kwalità komuni u ta' riżultati f'Diċembru 2004 biex jassiguraw kwalità għolja tas-servizz mas-sistema kollha.

(21)  ĠU C 80, 30.3.2004, rapporteur: is-Sur Pezzini.

(22)  L-approċċ globali daħħal approċċ modulari, dan jiddividi l-evalwazzjoni tal-konformità f'diversi passi jew “moduli” li huma differenti minn xulxin skond il-fażi ta' żvilupp tal-prodott (per eżempju, ippjanar, prototipu, produzzjoni sħiħa), it-tip ta' evalwazzjoni mwettqa (Iċċekkjar tad-dokumenti, approvazzjoni tat-tip, garanzija tal-kwalità), u il-persuna responsabbli mill-evalwazzjoni (fabbrikant jew terza parti).

L-approċċ globali kien formalizzat b'Deċiżjoni tal-Kunsill 90/683/KEE, revokata u aġġornata bid-deċiżjoni 93/465/KEE: iż-żewġ deċiżjonijiet stabbilew linji gwida u proċeduri dettaljati għall-evalwazzjoni tal-konformità, għall-użu fid-direttivi ta' l-approċċ il-ġdid.

(23)  Premessa 14, COM(2007) 53 finali.

(24)  Li jinkludu importaturi ta' “prodotti bla isem” minn pajjiżi barra l-UE, li huma kkummerċjalizzati għal perijodi qosra u sikwit taħt ismijiet fantastiċi, skond il-prinċipju “biegħ u aħrab”.

(25)  Premessa 17, COM(2007) 53 finali.

(26)  Ir-rwol u s-sinifikat tal-marka KE — Abbozz ta'ċertif tal-Kummissjoni Ewropea Dok 2005 — 11 tat-30.8.2005.

(27)  Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KE: — Deċiżjoni dwar il-moduli: “Il-marka KE tissimbolizza l-konformità ma' l-obbligi kollha li jaqgħu fuq il-fabbrikanti għall-prodott bħala riżultat tad-direttivi tal-Komunità li jistipulaw għat-twaħħil tagħha”.

(28)  Dokument tal-BEU C 298/2007 tal-5.6.2007 dwar pakkett tas-Suq Intern għal prodotti. Jim Murray, smigħ tal-PE 5.6.2007.

(29)  Artikolu 14 ta' Proposta għal Deċiżjoni COM(2007) 53 finali.

(30)  ISO/IEC 17011 The accreditation body shall have the financial resources, demonstrated by records and/or documents, required for the operation of its activities (Il-korp ta' akkreditazzjoni għandu jkollu r-riżorsi finanzjarji, murija b'rekords u/jew dokumenti, meħtieġa għall-operazzjoni ta' l-attivitajiet tiegħu).

(31)  Artikolu 6(1) tal-Proposta tar-Regolament COM(2007) 37 finali.

(32)  Ma' RAPEX hemm ukoll: fil-qasam agro-alimentari is-sistema ta' twissija RASFF (Rapid Alarm System for Food and Feed); għall-mard fil-bnedmin, is-sistema EWRS (Early Warning and Response System); u s-sistema ADNS (Animal Disease Notification System) għall-mard fl-annimanli. Qabbel id-Deċiżjoni 2004/478/KE u r-Regolament 2230/2004/KE.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li rċevew iktar minn kwart tal-voti mixħuta, ġew irrifjutati waqt id-dibattitu:

Punt 5.2.12

Żid ma' l-ewwel inċiż:

“—

li jkun iċċarat li m'għandhiex tintuża bħala sistema ta' immarkar jew tikkettjar għal skopijiet ta' konsum, lanqas bħala garanzija ta' kwalità jew ċertifikazzjoni jew approvazzjoni minn partijiet terzi/terzi persuni indipendenti, imma biss bħala dikjarazzjoni ta' konformità u ta' dokumentazzjoni teknika, li l-fabbrikant jew l-importatur għandu l-obbligu u r-responsabbiltà sħiħa li jipproduċi għall-awtoritajiet u l-konsumaturi. Bħala konsegwenza, peress li l-marka KE mhijiex garanzija ta' kwalità jew ċertifikazzjoni jew approvazzjoni minn partijiet terzi indipendenti, huwa biżżejjed li l-marka KE titpoġġa fuq id-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament u mhux fuq il-prodott innifsu;

Raġuni

Skond ir-regoli attwali l-prodotti kollha ta' tip partikolari, per eżempju l-ġugarelli, iridu jiġu ttimbrati bil-marka KE. Dan ifisser li m'hemm l-ebda messaġġ lill-konsumatur li prodott huwa aħjar minn ieħor. Ifisser (biss) li l-prodott jilħaq livell ta' sigurtà suffiċjenti biex jinbiegħ. Il-konsumatur jippretendi li l-prodotti kollha fil-ħanut għandhom il-permess li jinbiegħu

U jekk, per eżempju, il-konsumatur ikun qiegħed iħares lejn tagħmir sportiv bħal roller skates u/jew skateboards ma hemm l-ebda rekwiżit għal marka KE fuq prodotti li huma intiżi għal tfal ta' taħt l-20 kilo. Jista' jkollok prodotti ħdejn xulxin fuq l-ixkaffa, u l-konsumaturi jaħsbu li dawk immarkati KE huma aħjar mill-oħrajn.

Tul iż-żmien, bosta stħarriġ wera li l-konsumaturi ma jifhmux/jiġu mqarrqa mill-marka KE. Fost l-ideat żbaljati hemm: li l-prodotti għandhom ċerta kwalità (mhumiex biss sikuri), ġew ittestjati minn terzi persuni, jew li ġew prodotti fl-UE.

U wieħed jifhem li l-konsumaturi ma jifhmux is-sistema. Il-prodotti kollha ta' l-ikel m'humiex obbligati li jkollhom marka speċjali, iżda xorta jridu jilħqu r-regolamenti u d-direttivi ta' l-UE. Fil-fehma ta' l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi Ewropej, BEUC u ANCE huwa biżżejjed li l-marka KE — bħala passaport ta' sigurtà għas-suq — tkun fuq id-dokumenti ta' akkompanjament sabiex jiġu vverifikati mill-awtoritajiet relevanti.

Riżultat tal-vot

Voti favur: 24 Voti kontra: 27 Astensjonijiet: 10.

Punt 5.2.12

Żid is-6 inċiż:

“—

li jittieħdu passi sabiex il-Kummissjoni, il-produtturi u l-konsumaturi janalizzaw il-possibilità li tinħoloq skema awtentika ta' marki ta' kwalità għall-prodotti li tkun imsejsa fuq ċertifikazzjoni minn partijiet terzi li tkopri aktar elementi milli jkopru r-regoli ta' sikurezza bażiċi fid-direttivi;”

Raġuni

Diskussjoni ta' din it-tip tista' tħares lejn il-ħolqien ta' livelli mhux biss tas-siġurtà, iżda wkoll li jkopru eżiġenzi ta' kwalità, ambjent u etika sabiex jippermettu li xi produtturi — jekk ikunu jixtiequ — jkunu jistgħu jiċċertifikaw il-prodotti tagħhom għal eżiġenzi oħra barra ta' sigurtà.

Jekk ikun hemm qbil fuq din l-emenda, sezzjoni 1 “Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet” trid tiġi adattata, (per eżempju f'punt 1.5 wara s-seba' inċiż).

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 25 Voti kontra: 29 Astensjonijiet: 12.