18.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 13/2


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti ta' l-euro maħsuba biex jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni

(2008/C 13/02)

Image

Il-muniti euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali madwar iż-żona ta' l-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika l-karatteristiċi tad-disinji tal-muniti ta' l-euro ġodda kollha bil-ħsieb li tinforma lill-pubbliku u lil kull min jgħaddu l-muniti minn taħt idejh (1). Skond il-konklużjonijiet li l-Kunsill adotta dwar dan is-suġġett fit-8 ta' Diċembru 2003 (2), l-Istati Membri u l-pajjiżi li kkonkludew Ftehim Monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ tal-muniti ta' l-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma awtorizzati li joħorġu ċerti kwantitajiet ta' muniti kommemorattivi ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni bil-kundizzjoni li kull pajjiż ma joħroġx aktar minn munita kommemorattiva ġdida kull sena, u li tintuża biss id-denominazzjoni taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' l-euro normali, imma għandhom disinn kommemorattiv irrappreżentat fuq il-wiċċ nazzjonali tagħhom.

Il-Pajjiż tal-ħruġ: Il-Ġermanja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Hamburg

Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti interna tal-munita tirrappreżenta l-knisja ta' San Mikiel ta' Hamburg. Taħt il-monument hemm miktub l-isem tal-Land “HAMBURG”. Fuq il-lemin tal-monument, minn isfel 'il fuq, jidhru l-inizjali tan-naqqax “O” u l-marka taz-zekka rrappreżentata b'waħda mill-ittri “A”, “D”, “F”, “G” jew “J”. Iċ-ċirku estern fih, fil-parti ta' isfel tiegħu, il-kelmiet “BUNDESREPUBLIK DEUTSCHLAND”, u fil-parti ta' fuq tiegħu; is-sena “2008” u tnax-il stilla.

Il-volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Id-data tal-ħruġ: l-1 ta' Frar 2008

Tinqix mad-dawra ta' barra: “EINIGKEIT UND RECHT UND FREIHEIT” u l-ajkla federali.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 dwar l-uċuħ nazzjonali kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar il-bidliet tad-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti ta' l-euro. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2003 dwar il-prattika komuni għat-tibdil fid-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti ta' l-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 38-39).