5.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 233/7


Il-wiċċ nazzjonali l-ġdid tal-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni

(2007/C 233/07)

Image

Il-muniti ta' l-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom l-istatus ta' valuta legali fiż-żona kollha ta' l-euro. Il-Kummissjoni tippubblika d-disinji l-ġodda kollha tal-muniti euro (1) bil-ħsieb li tinforma lil kull min jeħtieġ li juża l-muniti waqt xogħlu kif ukoll il-pubbliku in ġenerali. Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 (2), l-Istati Membri u l-pajjiżi li kkonkludew Ftehim Monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta' muniti euro għaċ-ċirkolazzjoni jistgħu joħorġu kwantitajiet determinati ta' muniti euro kommemorattivi għaċ-ċirkolazzjoni, bil-kundizzjoni li ma jinħariġx aktar minn disinn ġdid wieħed ta' munita għal kull pajjiż kull sena, u li tintuża biss id-denominazzjoni taż-2 EUR. Dawn il-muniti għandhom il-karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' l-euro normali għaċ-ċirkolazzjoni, imma għandhom disinn kommemorattiv irrappreżentat fuq il-wiċċ nazzjonali tagħhom.

L-Istat li joħroġ il-munita: ir-Repubblika ta' San Marino

Suġġett tal-kommemorazzjoni: Biċentenarju mit-twelid ta' Giuseppe Garibaldi

Deskrizzjoni fattwali tad-disinn: il-parti interna tal-munita tirrappreżenta ritratt ta' Giuseppe Garibaldi. L-iskrizzjoni “SAN MARINO” u l-marka tas-sena “2007” huma inċiżi matul iċ-ċirku rispettivament fuq ix-xellug u fuq il-lemin. Il-marka taz-zekka “R” u l-inizjali ta' l-awtur Ettore Lorenza Frapiccini “E.L.F.” jidhru fuq ix-xellug taċ-ċirku intern. It-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea jidhru fuq iċ-ċirku ta' barra.

Volum tal-ħruġ: 130 000 munita

Data approssimativa tal-ħruġ: Ottubru 2007

Simboli inċiżi mad-dawra ta' barra: 2 ★, ripetuti sitt darbiet, darba wieqaf darba bil-maqlub.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1, għal referenza għall-uċuħ nazzjonali kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar il-bidliet tad-disinn ta' l-uċuh nazzjonali tal-muniti euro. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2003 dwar il-prattika komuni għat-tibdil fid-disinn ta' l-uċuħ nazzjonali tal-muniti euro fiċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 38).