18.2.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 43/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Segwitu għall-proċess ta' riflessjoni fuq livell għoli dwar il-mobilità tal-pazjenti u żviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għall-iżvilupp ta' livell għoli fil-kura fis-saħħa, għal kura tas-saħħa aċċessibbli u sostenibbli u għal kura fit-tul: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali li jużaw il-“metodu miftuħ ta' koordinament”

(2005/C 43/07)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Segwitu tal-proċess ta' riflessjoni fuq livell għoli dwar il-mobilità tal-pazjenti u żviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għall-iżvilupp ta' kwalità għolja, aċċessibbiltà u sostenibbiltà għal kura tas-saħħa u kura fit-tul: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali permezz tal-“metodu miftuħ ta' koordinament” (COM(2004) 301 finali u COM(2004) 304 finali),

Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-20 t'April 2004, taħt l-Artikolu 265(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex il-Kumitat jiġi kkonsultat fuq is-suġġett,

Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 t'April 2004 sabiex jagħti struzzjonijiet lill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali sabiex tieħu pożizzjoni fuq is-suġġett,

Wara li kkunnsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq l-istrateġija tas-saħħa tal-Komunità Ewropea u l-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadottaw programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2001-2006) (COM (2000) 285 finali),

Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Li jqawwi d-dimensjoni soċjali ta' l-istrateġija ta' Lisbona: li tikkonferma l-koordinazzjoni miftuħa fil-qasam tal-ħarsien soċjali (COM(2003) 261 finali),

Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-futur tal-kura tas-saħħa u l-kura għall-anzjani: li tiggarantixxi aċċessibilità, kwalità u vijabilità finanzjarja (COM(2001) 723 finali),

Wara li kkunsidra l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal servizzi fis-suq intern tal-Kummissjoni (COM(2004) 2 finali),

Wara li kkunsidra r-rapport mogħti fid-9 ta' Diċembru 2003 intitolat Proċess ta' riflessjoni ta' livell għoli dwar il-mobilità tal-pazjenti u żviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-abbozz ta' l-opinjoni tiegħu (KtR 153/2004 rev. 1) adottata fis-6 ta' Lulju 2004 mill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali (rapporteur: Sinjura Bente Nielsen, Membru ta' Århus County Council (DK, PES);

ADOTTA L-OPINJONI SEGWENTI

Unanimament waqt il-56 Sessjoni Plenarja tad-29 u t-30 ta' Settembru 2004 (laqgħa tat-30 ta' Settembru).

1.   Ġabra ta' l-opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.1

jikkonsidra li, bejnithom, iż-żewġ komunikazzjonijiet dwar Segwitu għal proċess ta' riflessjoni fuq livell għoli dwar il-mobilità tal-pazjenti u żviluppi tal-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea u L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għall-iżvilupp ta' livell għoli fil-kura fis-saħħa, għal kura tas-saħħa aċċessibbli u sostennibbli u għal kura fit-tul: sostenn għall-istrateġiji permezz ta' “metodi miftuħa ta' koordinament” jikkostitwixxu qafas ta' ħidma li jippreżentaw strateġija ġenerali għall-iżvilupp ta' viżjoni maqsuma għall-kura tas-saħħa Ewropea u sistemi ta' ħarsien soċjali. Iż-żewġ komunikazzjonijiet għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati flimkien u l-Kumitat tar-Reġjuni isejjaħ għal koordinament parallel ta' aktar xogħol fuq l-inizjattivi u proċessi proposti hemmhekk;

1.2

jenfasizza li strateġija Ewropea konġunta li tistabbilixxi viżjoni maqsuma ta' sistemi tas-sigurtà soċjali u ta' saħħa Ewropea m'għandiex twassal għal xi estensjoni tal-kompetenza ta' l-UE dwar il-kura tas-saħħa. Viżjoni Ewropea maqsuma għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa ma għandiex twassal għal xi ċaqliq lejn l-armonizzazzjoni jew inizjattivi regolatorji li m'humiex ċari. Il-kura tas-saħħa – u l-organizzazzjoni u l-fondi għaliha – huwa qasam f'idejn u taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri u dan għandu jiġi rispettat. Huwa essenzjali li l-affarijiet jsiru b'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarità;

1.3

jinnota li, f'ċertu Stati Membri, huma l-awtoritajiet reġjonali u lokali li huma responsabbli għas-settur tas-saħħa u l-kura tas-saħħa. Il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-reġjuni responsabbli f'dawn iż-żoni, jixtiequ li jkunu involuti fi u jikkontribwixxu għat-twaqqif ta' strateġija Ewropea komuni dwar is-saħħa u għandhom ikunu ta' influwenza fuq l-istrateġija dwar is-saħħa globali fil-Komunità fir-rigward ta' deċiżjonijiet u inizjattivi li jmissu mal-kompetenza u r-responsabbiltajiet ta' awtoritajiet lokali u reġjonali fis-setturi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa;

1.4

jafda li l-awtoritajiet reġjonali u lokali ser ikunu involuti fl-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi biex tiġi stabbilita strateġija Ewropea maqsuma dwar is-saħħa globali, eżempju fl-iżvilupp ta' indikaturi tas-saħħa u punti ta' referenza. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk iħoss li rappreżentanti ta' awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom joqgħodu fuq il-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tas-Saħħa u Kura Medika li għandu jassisti lill-Kummissjoni f'firxa ta' oqsma importanti, li jinkludu l-iżvilupp tad-drittijiet u doveri ta' pazjenti; tqassim ta' kapaċità żejda bejn is-sistemi varji tal-kura tas-saħħa u kooperazzjoni bejn il-fruntieri; identifikazzjoni ta' ċentri Ewropej ta' referenza; u tal-koordinament ta' valutazzjoni ta' teknoloġiji ġodda dwar is-saħħa. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu rrappreżentati f'dan il-grupp;

1.5

iħoss li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-Istati Membri l-ġodda sabiex jilħqu sfidi li jistgħu jinqasmu u prospettivi fil-kura tas-saħħa. Għandha tingħata prijorità ċara għal-appoġġ ta' Stati Membri ġodda għall-iżvilupp ta' miżuri tas-saħħa u titjib fl-istat ta' saħħa tan-nies, sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi u l-iżbilanċ fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni, sabiex, b'mod gradwali jilħqu l-għola livell ta' referenza ta' l-UE.

Mobilità tal-pazjenti u żviluppi fil-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea (COM(2004) 301 finali)

2.   L-opinjonijiet u rakkomandazzjoniiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

2.1

bi pjaċir jara li l-Kummissjoni tagħraf li, sabiex tilħaq il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien fis-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni tal-politika u ta' l-attivitajiet Ewropej kollha (Artikolu 152(1) tat-Trattat), huwa meħtieġ li jiżdied l-involviment ta' l-awtoritajiet politiċi responsabbli għas-saħħa, sistemi ta' saħħa u kura tas-saħħa. Huwa importanti ħafna li jiġi assigurat li l-impatt ta' l-inizjattivi tal-Komunità għandhom jiġu inklużi fil-valutazzjoni ta' impatt ġenerali ta' politika ġdida u li valutazzjoni ta' dan it-tip għandha tikkunsidra r-relazzjoni bejn ir-regoli tal-Komunità u l-implikazzjonijiet fuq is-sistemi tas-saħħa ta' l-Istati Membri u l-għanijiet ta' politika dwar saħħa nazzjonali. Billi s-saħħa, is-sistemi ta' saħħa u l-kura tas-saħħa f'ħafna Stati Membri jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li għandhom ikunu nvoluti l-livelli reġjonali u lokali;

2.2

jikkonsidra – għalhekk – li hu ta' importanza vitali li jiġi ċċarat l-impatt tad-drittijiet taċ-ċittadini taħt il-liġi tal-Komunità sabiex isir tfittix tal-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħra u li jiġu rimborsati għal dik il-kura mogħtija fi Stat Membru ieħor kif stabbilit fil-proposta għal Direttiva fuq servizzi fis-suq intern, u fir-Regolament 1408/71 fuq il-koordinament ta' skemi soċjali;

2.3

jistaqsi jekk, meta titqabbel il-kura tas-saħħa u l-forniment tas-servizz kif stabbilit fid-direttiva tas-servizzi proposti, il-Kummissjoni għandha taċċerta li l-kura tas-saħħa ma ssirx prodott tas-suq immexxi bil-prospett ta' qliegħ ekonomiku imma, b'kuntrast, li tkun msejjsa fuq kriterji mfassla biex jikkunsidraw is-saħħa ta' l-individwu, mod ta' trattament u l-kwalità ta' ħajja;

2.4

jirrakkomanda li, fix-xogħol tiegħu biex iwassal u jtejjeb it-tagħrif dwar id-drittijiet taċ-ċittadini taħt il-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tilqa' d-dritt ta' Stati Membri individwali li jistabbilixxu drittijiet u obbligi rigward is-sistema għall-kura tas-saħħa li jaqgħu taħt l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u l-kondizzjoniiet varji li japplikaw għal servizzi differenti taħt sistemi ta' assigurazzjoni tas-saħħa ta' l-Istati Membri;

2.5

jikkonsidra wkoll li hija biss kwistjoni li jiġu assigurati d-drittijiet taċ-ċittadini taħt il-liġi tal-Komunità u li jiġi pprovdut tagħrif pubbliku fuq is-suġġett. Aktar konsiderazzjoni għandha tingħata għal possibilità li tiġi żgurata sistema responsiva u aċċessibli ta' forniment li tippermetti l-gruppi kollha ta' pazjenti sabiex jagħmlu użu tad-drittijiet u għażliet disponibbli. Dan jiżgura li gruppi ta' pazjenti vulnerabbli bħalma huma anzjani mingħajr ebda konnessjonijiet soċjali u dawk li huma mentalment morda huma f'pożizzjoni li jitolbu ħarsien għad-drittijiet tagħhom taħt il-liġi tal-Komunità. Sabiex dan isseħħ, huwa essenzjali, pereżempju, li tagħrif għandu jkun disponibbli kull meta l-pubbliku jkollu bżonnu u li dan it-tagħrif għandu jkun segwit b'parir kompetenti fl-Istati Membri individwali;

2.6

jistaqsi li, fl-iżvilupp ta' inizjattivi magħmula biex jassiguraw it-tqassim bejn il-fruntieri ta' kapaċità żejda u kura tas-saħħa – kif ukoll fir-regoli Ewropej fuq l-għarfien ta' kwalifiċi professjonali u fil-proċess dejjem għaddej ta' simplifikazzjoni – għandu jingħata kas f'dan ir-rigward sabiex jiġi żgurat li l-inizjattivi ma jkollhomx impatt negattiv fuq id-distribuzzjoni xierqa ta' personal mediku u tal-kura tas-saħħa bejn l-Istati Membri għad-detriment, pereżempju, ta' l-Istati Membri ġodda;

2.7

huwa kuntent illi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza ta' valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa ġenerali strutturali li tista' tagħti bażi soda għall-evalwazzjoni u dokumentazzjoni ta' tagħmir relatat mas-saħħa, prodotti u tekniki;

2.8

iħoss f'dan ir-rigward li kooperazzjoni fil-livell Ewropew bil-għan ta' skambju ta' esperjenza, tibdil ta' konoxxenza u arranġamenti simplifikati relatati ma' żviluppi fit-teknoloġija tas-saħħa jistgħu jagħtu valur miżjud ċar lill-Istati;

2.9

jikkonsidra li aċċess għal standards għolja ta' data u tagħrif affidabbli huwa kruċjali għal xi ċaqliq li Stati Membri jistgħu jagħmlu biex jistabbilixxu l-aħjar prattika u standards paragunabbli, u għalhekk huwa wkoll kondizzjoni għall-implimentazzjoni ta' ħafna mill-inizjattivi proposti. Il-qafas ta' ħidma meħtieġa għal sistema ta' data u tagħrif Ewropew għandu, kif tafferma l-Kummissjoni, jiġi stabbilit b'kooperazzjoni ma' partijiet oħra fil-qasam u għandu jiġi kkoordinat ma' l-inizjattivi ta' l-OECD u tal-WHO u ħidma f'dan is-settur. Jiddependi mill-Istati Membri individwali li jimplimentaw miżuri u li jdaħħlu fis-seħħ skemi ġodda fid-dawl ta' data u tagħrif paragunabbli;

2.10

jaħseb li l-Kummissjoni għandha tagħmel iżjed biex tiżgura li l-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli għal sistemi tas-saħħa u ta' kura tas-saħħa jkunu nvoluti aktar fil-grupp stabbilit għal din il-kwistjoni.

L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għall-iżvilupp ta' livell għoli fil-kura fis-saħħa, għal kura tas-saħħa aċċessibbli u sostennibbli u għal kura fit-tul: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali li jużaw il-“metodu miftuħ ta' koordinament”. (COM(2004) 304 finali)

3.   L-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

3.1

jilqa' l-għan globali tal-Kummissjoni f'din il-komunikazzjoni, iġifieri li tiddefinixxi qafas ta' ħidma komuni li jsostni lill-Istati Membri fir-riforma u żvilupp fil-kura tas-saħħa u kura fuq perjodu ta' żmien twil, li għaliha tagħmel tajjeb is-sistema ta' ħarsien soċjali, permezz tal-“metodu miftuħ ta' koordinament”;

3.2

jista' jagħti appoġġ għat-tliet għanijiet ġenerali: aċċessibbiltà għall-kura minn kulħadd, fuq il-bażi ta' sens ta' ġustizzja u solidarjetà, forniment ta' kura ta' saħħa ta' livell għoli u assigurazzjoni tas-sostenibbiltà ta' din il-kura;

3.3

isib li fit-twaqqif ta' qafas ta' ħidma komuni ġenerali u l-assigurazzjoni ta' l-għanijiet ġenerali jkun jista' jgħin biex jilqa' għall-isfidi futuri bħalma huma tixjiħ demografiku, problemi persistenti ta' aċċessibbiltà kif karatterizzati b'aċċess inugwali għall-kura u għas-servizzi tas-saħħa, żbilanċ bejn il-forniment ta' servizzi ta' kwalità u ħtiġjiet pubbliċi, u żbilanċ finanzjarju f'ċertu sistemi;

3.4

jenfasizza li l-proċess għat-tfassil ta' kriterji ta' indikaturi u punti ta' referenza għandhom jitwettqu fir-rispett sħiħ tar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għall-forniment u għall-organizzazzjoni ta' kura tas-saħħa u għandu jingħata kas tal-kondizzjonijiet varji u diverġenti fl-Istati Membri individwali; Hu ferm importanti li dawn l-indikaturi jużaw kemm jista' jkun tagħrif li diġà hu aċċessibbli. Hemm ir-riskju li numru eċċessiv ta' indikaturi jistgħu joħolqu livelli mhux aċċettabbli ta' xogħol żejjed fuq livell lokali u reġjonali;

3.5

jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-kura tas-saħħa u servizzi f'ħafna Stati Membri jiġu amministrati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, li, iktar minn hekk, spiss ikollhom responsabilitajiet kbar fl-oqsma ta' l-edukazzjoni dwar is-saħħa u l-kura tas-saħħa preventiva u tas-servizzi ta' kura fid-djar, li jservu biex jevitaw jew inaqqsu l-bżonn ta' faċilitajiet ta' kura residenzjali, bħala parteċipanti essenzjali u b'mod konformi mal-prinċipji ta' mod miftuħ ta' koordinament, għandhom jiġu involuti fit-tfassil ta' pjanijiet t'azzjoni nazzjonali u t-twaqqif ta' indikaturi u ta' kriterji ta' referenza;

3.6

jenfasizza li xi wħud mill-indikaturi mfassla għandhom jirrelataw mal-kwalità, billi huwa diffiċli għal indikaturi strettament kwantitattivi li jkopru 'l hekk imsejħa valuri “femminili”, bħall-kura għal anzjani u l-forniment ta' kwalità għolja ta' ħajja. Il-kwalità tal-kura tas-saħħa m'għandiex għalhekk tidher biss f'termini ta' spejjeż-benefiċċji imma wkoll f'termini tal-firxa ta' servizzi differenti li toffri;

3.7

jixtieq, barra minn hekk, li jqajjem il-punt li t-twaqqif ta' dawn l-indikaturi u l-implimentazzjoni ta' kriterji ta' referenza b'mod konformi ma' l-użu tal-metodu miftuħ ta' koordinament għandu wkoll jagħti kas tal-punti differenti ta' tluq ta' l-Istati Membri varji;

3.8

isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta' firxa għal skambju ta' esperjenzi u t-tixrid ta' l-aħjar prattika, li hija parti importanti tal-mod miftuħ ta' koordinament;

3.9

tilqa' l-mira fuq is-sinifikat ta' politika oħra għas-saħħa u kura tas-saħħa u tikkonsidra li koordinament aktar fil-qrib ma' proċessi politiċi oħra, bħall-istrateġija ta' l-impjieg, ser tkun importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa għalhekk kuntent bl-enfażi fuq il-bżonn ta' investimenti f'taħriġ bażiku u addizzjonali għal professjonisti tal-kura tas-saħħa msejjes fuq il-prinċipju ta' tagħlim tul-il ħajja u t-tiswir ta' politika dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħolqien ta' xogħol ta' kwalità ogħla. Maż-żmien dan jista' jgħin lill-ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa u, forsi, jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ li hu essenzjali sabiex jikkumbattu l-isfidi komuni ta' tixjiħ demografiku u nuqqas ta' ħaddiema.

3.10

jikkonsidra li attenzjoni akbar fuq gruppi emarġinati, bħal persuni anzjani li jinsabu barra l-livelli minimi ta' ħarsien (safety net), minoritajiet etniċi u gruppi bi dħul baxx, huwa ta' importanza ewlenija sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali ta' aċċess b'ġustizzja għal kulħadd fil-kura tas-saħħa. F'dan il-kuntest għandhom jittieħdu passi, bħala miżuri ta' salvagwardja għall-isforzi ta' l-Istati Membri stess biex ibiddlu l-affarijiet, billi jiżviluppaw makkinarju t'appoġġ għal dawn il-gruppi emarġinati sabiex inugwaljanzi fis-saħħa jistgħu jiġu mnaqqsa. L-iżvilupp ta' dan il-makkinarju t'appoġġ jinħtieġ l-involviment u l-mobilità ta' kull parti rilevanti.

Brussel, 30 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal- Kumitat tar-Reġjuni

Peter STRAUB