18.2.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 43/1


Opinjoni tal- Kumitat tar-Reġjuni Dwar Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija Ewropea dwar l-Impjieg

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-policies ta' l-Istati Membri dwar l-impjieg

Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-policies ta' l-Istati Membri dwar l-impjieg

(2005/C 43/01)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Wara li kkunsidra r-Reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija Ewropea dwar l-Impjieg; Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji ta' gwida għal-linji politiċi ta' l-Istati Membri dwar l-impjieg; Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji politiċi ta' l-Istati Membri dwar l-impjieg (COM(2004) 239 final-2004/0082 (CNS)

Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta' April 2004 u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2004, taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 265 u Artikolu 128 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jiġi kkonsultat f'dan il-qasam;

Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President tiegħu tal-5 ta' April 2004 li tqabbad lill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali sabiex tagħti opinjoni dwar dan is-suġġett;

Wara li kkunsidra l-abbozz ta' l-opinjoni tagħha (CdR 152/2004 rev. 1) adottata fis-6 ta' Lulju 2004 mill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali (rapporteur is-Sinjorina Pauliina Haijanen, Membru tal-Bord tal-Kunsill Reġjonali tal-Finlandja tal-Lbiċ (FI/EPP);

adotta l-opinjoni li ġejja fis- sessjoni plenarja tiegħu Nru 56 tad-29 u t-30 ta' Settembru 2004 (sessjoni tad-29 ta' Settembru 2004)

1.   Il-fehmiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

Il-prioritajiet ġenerali ta' l-istrateġija ta' Lisbona

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.1

jemmen li l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona għandha tiffoka primarjament fuq it-titjib ta' l-impjieg u l-kompetittività. M'għandhom jimbdew l-ebda proċessi ġodda u m'għandhomx jiġu stipulati għanijiet ġodda; minnflok, l-emfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' deċiżjonijiet aktar bikrin;

1.2

jidhirlu li huwa importanti li l-punt ewleni ta' l-istrateġija ta' Lisbona jkun ambjent makro-ekonomiku bbażat fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u fuq policies ekonomiċi li jimmiraw lejn it-tkabbir sostenibbli;

1.3

iħoss li huwa importanti li l-politika ekonomika, ta' l-impjieg u dik soċjali, il-politika ambjentali u ta' l-edukjazzjoni u l-politika dwar ir-riċerka jitqiesu bħala elementi kumplimentari fl-Istrateġija ta' Lisbona, bħala elementi integrati li jsaħħu l-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċali. L-interazzjoni bejn is-sistemi ta' protezzjoni soċjali, il-linji-gwida dwar il-politika ekonomika u l-proċess ta' l-impjieg għandha tiġi żviluppata aktar fil-fond.

1.4

jaħseb illi r-riformi strutturali, l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi ewlenin għat-titjib tal-kompetittività ta' l-UE, it-trawwim ta' l-investiment u l-ħolqien ta' xogħol ġdid;

1.5

jemmen illi l-anzjanità tal-popolazzjoni toħloq sfidi kbar għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-iżvilupp ta' servizzi u li din toħloq il-ħtieġa ta' miżuri effettivi għall-iżvilupp tax-xogħol u sabiex in-nies jiġu mħeġġa jibqgħu jaħdmu;

1.6

iħoss illi għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom sehem kruċjali x'jagħtu u xogħol prattiku importanti xi jwettqu sabiex tinkiseb l-istrateġija ta' Lisbona u tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħha, dan il-potenzjal għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

Reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-istrateġija ta' Lisbona

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

2.1

jikkunsidra bħala essenzjali li matul l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona, għandha tingħata attenzjoni akbar għall-interazzjoni bejn id-diversi livelli involuti fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi amministrattivi li jippermettu li jinbnew partnerships u parteċipazzjoni effettiva mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija;

2.2

jafferma l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-istrateġija ta' Lisbona u jipproponi li r-reviżjoni tinkludi evalwazzjoni kritika ta' l-implimentazzjoni tal-kontroll u tal-valur miżjud li d-deċentralzzazzjoni ta' l-amminstrazzjoni iġġib għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija;

2.3

iħoss li għandha tiġi adottata strateġija deċentralizzata sabiex jiġi applikat il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni b'mod illi l-atturi lokali u reġjonali jingħataw opportunitajiet reali biex jiżviluppaw strateġiji lokali u reġjonali.Dawn l-istrateġiji għandhom jiffurmaw parti minn strateġija nazzjonali. Il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jinkludu stampa fattwali ta' kif l-awtoritajiet lokali u reġonali pparteċipaw fit-tfassil tal-pjanijiet u kif dawn ser ikunu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom

2.4

jisħaq li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni għandu jiġi simplifikat sabiex, minflok għanijiet ddettaljati u indikaturi tal-prestazzjoni, tingħata enfasi akbar lill-policies strateġiċi maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni u lill-metodu li bih dawn se jkunu mwettqa b'mod konkret u effettiv.

2.5

jemmen li huwa importanti li l-qafas finanzjarju ġdid ta' l-Unjoni u l-attivitajiet tal-Fond Strutturali jkunu marbuta aktar mill-qrib milli huma bħalissa ma' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

It-tisħiħ ta' l-istrateġija dwar l-impjieg

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

2.6

jaqbel mal-Kummissjoni li ebda tibdiliet m'għandhom isiru għal-linji-gwida, u li minflok għandha tingħata aktar enfasi lill-implimentazzjoni effettiva tal-linji-gwida eżistenti;

2.7

jemmen illi jista' jkun xieraq li, f'ċerti każi, minbarra r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, l-Istati Membri għandhom jingħataw rakkomandazzjonijiet komuni skond ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Wim Kok. F'dan il-każ, huwa meħtieġ illi tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn ir-rakkomandazzjonijiet komuni u l-għanijiet prijoritarji stabbiliti fl-2003

2.8

iħoss li ma kienx hemm biżżejjed konformità mar-rekwiżit li jinsab fil-linji-gwida tal-2003 dwar il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-parteċipazzjoni ta' l-atturi fuq livell lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji-gwida;

2.9

jidhirlu li huwa essenzjali li tingħata aktar importanza lill-kontroll fl-istrateġija dwar l-impjieg u li l-implimentazzjoni tal-kontroll għandha tiġi evalwata b'mod kritiku fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg ta' l-2005;

2.10

jafferma r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar strateġiji attivi ta' l-anzjanità iżda jemmen li l-politika dwar l-impjieg għandha tiffoka aktar fuq it-tijib tal-provvista ta' ħaddiema billi tingħata attenzjoni partikolari lil, fost oħrajn, in-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-peruni bi bżonnijiet speċjali u l-immigrati billi tiġi promossa l-kapaċità funzjonali u s-saħħa tal-popolazzjoni kollha;

2.11

iħoss illi r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol u l-bidliet fis-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji għandhom jkunu ddisinjati sabiex jagħmlu x-xogħol irendi u sabiex in-nies jiġu mħeġġa jibqgħu fis-suq tax-xogħol;

2.12

jaħseb illi huwa importanti li l-Istati Membri l-ġodda jingħataw l-għajnuna sabiex jiżiluppaw is-swieq tax-xogħol tagħhom anke billi tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali u jingħata appoġġ għall-kooperazzjoni u l-bdil ta' esperjenza bejn il-livell lokali u reġjonali fl-Istati Membri qodma u ġodda.

Brussel, 29 ta' Settembru 2004

Il-President

tal- Kumitat tar-Reġjuni

Peter STRAUB