SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

17 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Eżenzjonijiet – Artikolu 135(1)(b) sa (d) tad-Direttiva 2006/112/KE – Ġestjoni ta’ krediti mill-persuna li tat dawn il-krediti – Teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli u għal kollaterali u garanziji oħra – Tranżazzjonijiet, inkluż in-negozjar, li jikkonċernaw id-depożiti ta’ fondi, kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, krediti, ċekkijiet u karti kummerċjali oħra, bl-eċċezzjoni tal-irkupru ta’ krediti – Ċessjoni ta’ krediti – Servizzi ta’ ġestjoni ffatturati miċ-ċedent liċ-ċessjonarju”

Fil-Kawża T‑184/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2025, fil-proċedura mibdija minn

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

vs

A Oy,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn N. Półtorak, Presidenta, G. Hesse, G. Steinfatt (Relatriċi), D. Petrlík u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: M. Brkan,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat it-trasferiment mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Marzu 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat li l-qasam inkwistjoni jaqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li ma tqumx kwistjoni awtonoma ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b ta’ dan l-Istatut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal A, minn L. Ahopelto, li qiegħda taġixxi għan-nom ta’ A,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u I. Söderlund, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) sa (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (id-Dipartiment għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tad-Destinatarji ta’ Dħul Fiskali, il-Finlandja) u l-kumpannija A Oy dwar talba għal deċiżjoni fiskali dwar it-trattament, fil-qasam tal-VAT, ta’ krediti mibjugħa lil kumpannija terza kif ukoll ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti u ta’ garanziji relatati mal-krediti mibjugħa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(ċ)

il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5

Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

6

L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

(ċ)

in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanziji ta’ kreditu jew kwalunkwe garanzija għall-flus oħra u l-immaniġġjar ta’ garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti l-kreditu;

(d)

transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċernaw kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu;

[…]”

Id-dritt Finlandiż

7

Fil-Finlandja, il-VAT hija rregolata mill-arvonlisäverolaki (1501/1993) (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (1501/1993)), tat‑30 ta’ Diċembru 1993, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 1994, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”).

8

Il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-VAT jipprevedi li l-VAT għandha tinġabar favur l-Istat għal kull bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi mwettaq fil-Finlandja fil-kuntest ta’ attività kummerċjali.

9

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Liġi dwar il-VAT, “bejgħ ta’ servizz” tfisser il-provvista jew kull trasferiment ieħor ta’ servizz bi ħlas.

10

Mill-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-VAT jirriżulta li l-VAT ma hijiex dovuta fuq il-bejgħ ta’ servizz finanzjarju.

11

Il-punti 2 u 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdu li l-għoti ta’ krediti u l-arranġamenti l-oħra ta’ finanzjament kif ukoll il-ġestjoni ta’ kreditu mill-mutwant għandhom jitqiesu bħala servizzi finanzjarji.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

A hija l-istabbiliment prinċipali tal-bank X u r-rappreżentanta tal-grupp tal-VAT fil-Finlandja tal-grupp Y. Il-grupp Y ibigħ prinċipalment servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni eżentati mill-VAT.

13

B Oy hija sussidjarja miżmuma kompletament minn A, iżda ma jagħmlux parti mill-istess grupp tal-VAT.

14

Parti kbira mill-krediti immobiljari mogħtija minn A jinbiegħu lil B bil-prezz tas-suq wara l-ġbid tal-kreditu. Il-korrispettiv jikkonsisti fl-ammont tal-kreditu mhux irrimborsat mill-mutwatarju u l-interessi tal-kreditu mhux irrimborsati li jkunu ddekorrew skont il-kuntratt fid-data tat-trasferiment. Essenzjalment, il-krediti jinbiegħu lil B mid-data tal-għoti tagħhom, meta ma jkunux għadhom iddekorrew interessi. F’dan il-każ, il-prezz jikkorrispondi direttament għall-valur nominali tal-kreditu. Jekk il-kreditu jinġibed f’segmenti, dan il-kreditu jista’ jinbiegħ wara l-ġbid tal-ewwel segment. B ma tagħtix il-krediti immobiljari hija stess, iżda tixtrihom mingħand A.

15

Id-drittijiet u l-obbligi kollha relatati mal-krediti inkwistjoni jiġu ttrasferiti mal-krediti lil B mid-data tat-trasferiment, li barra minn hekk ma jeħtieġ ebda intervent min-naħa tal-mutwatarju.

16

B ma twettaqx hija stess it-tfittxija ta’ klijenti, is-servizz lill-klijenti jew il-ġestjoni tal-krediti mixtrija. Għalkemm il-krediti jiġu ttrasferiti lil B, A tibqa’ responsabbli għall-ġestjoni tagħhom. A tittratta, matul il-perijodu kollu tal-kreditu, il-kwistjonijiet kollha li jinqalgħu bejn il-mutwatarji u B.

17

Il-ġestjoni tal-krediti mibjugħa minn A lil B u tal-garanziji relatati magħhom tikkonsisti fl-iżgurar tal-ġestjoni tas-servizzi lill-klijenti detenturi ta’ dawn il-krediti kif ukoll tal-monitoraġġ u tad-depożitu tal-krediti ttrasferiti, bħalma huma l-fatturazzjoni tal-ħlasijiet dovuti, tal-interessi u tal-kummissjonijiet, id-diversi bidliet fil-krediti u, jekk ikun il-każ, is-servizzi ta’ rkupru. A tieħu deċiżjonijiet bħalma huma t-tiġdid ta’ kreditu jew l-estensjoni tal-perijodu ta’ kreditu. Il-kontenut tas-servizzi ta’ ġestjoni tal-krediti mibjugħa minn A lil B huwa l-istess bħal dak li tipproponi A fil-każ li hija żżomm dawn il-krediti.

18

B ġiet iffinanzjata fil-biċċa l-kbira permezz ta’ bonds iggarantiti kif ukoll permezz ta’ krediti u ta’ garanziji mogħtija lilha minn A. Din tal-aħħar tiżgura wkoll il-kompiti kollha relatati mal-ħruġ ta’ bonds u tbigħ dawn is-servizzi lil B. Il-parti l-kbira tal-krediti mibjugħa lil B iservu bħala garanzija għal bond, tal-inqas f’mument partikolari tat-tul tagħhom.

19

Is-servizzi ta’ ġestjoni tal-krediti u tal-garanziji mibjugħa minn A lil B jiġu rremunerati skont l-ispejjeż reali sostnuti kull xahar għal dawn is-servizzi. Il-korrispettiv huwa kkostitwit mill-ispejjeż reali kif ukoll mill-marġni ta’ profitt miftiehem fir-rigward tagħhom. A tiffattura s-servizzi tagħha lil B skont l-ispejjeż reali sostnuti, flimkien ma’ marġni ta’ profitt.

20

A adixxiet lill-keskusverolautakunta (il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, il-Finlandja) b’talba għal deċiżjoni fiskali dwar it-trattament fil-qasam tal-VAT tal-krediti li hija biegħet lil B, kif ukoll tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti u ta’ garanziji relatati mal-krediti mibjugħa.

21

Skont id-deċiżjoni fiskali mogħtija mill-Kummissjoni Fiskali Ċentrali lil A, il-bejgħ ta’ krediti minn A lil B jikkostitwixxi servizz finanzjarju eżentat mill-VAT fis-sens tal-Artikolu 41 u tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 tal-Liġi dwar il-VAT. Is-servizzi ta’ rkupru mibjugħa minn A lil B huma servizzi suġġetti għall-VAT fis-sens tal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi. Fir-rigward tas-servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti u ta’ garanziji relatati mal-krediti mibjugħa lil B, din hija ġestjoni ta’ krediti mwettqa mill-mutwant, b’tali mod li dawn jikkostitwixxu servizzi finanzjarji eżentati mill-VAT fis-sens tal-Artikolu 41 u tal-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 tal-Liġi dwar il-VAT.

22

Id-Dipartiment għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tad-Destinatarji ta’ Dħul Fiskali ppreżenta rikors quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni fiskali sa fejn, skont din id-deċiżjoni, is-servizzi ta’ ġestjoni mibjugħa minn A lil B ma humiex suġġetti għall-VAT.

23

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti u ta’ garanziji pprovduti minn A fir-rigward ta’ krediti li hija tat u sussegwentement biegħet lil kumpannija oħra jistgħux jitqiesu bħala ġestjoni ta’ krediti mwettqa mill-persuna li tathom, li hija eżentata mill-VAT skont l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-servizzi pprovduti minn A għandhomx jiġu eżentati mill-VAT bħala teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli jew għal kollaterali u garanziji oħra fis-sens tal-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, meta s-servizzi ta’ ġestjoni li hija tipprovdi jirrigwardaw krediti li jservu bħala garanzija għal bond maħruġ minn istituzzjoni finanzjarja oħra. Jekk dan lanqas ma jkun il-każ, hija tistaqsi jekk is-servizzi pprovduti minn A għandhomx jiġu eżentati mill-VAT bħala servizzi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 135(1)(d) ta’ din id-direttiva.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta kumpannija li teżerċita attività ta’ finanzjament tbiegħ lil istituzzjoni finanzjarja oħra krediti li hija tkun tat lill-klijentela u tkompli l-ġestjoni tagħhom hi stess bi ħlas wara li tkun bigħethom, l-Artikolu 135(1)(b) tad-[Direttiva dwar il-VAT], li jirrigwarda l-eżenzjoni tal-ġestjoni ta’ krediti mwettqa minn dak li tahom, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-ipoteżi fejn l-ewwel kumpannija tkompli l-ġestjoni tal-krediti li hija stess tat u li biegħet lil din l-istituzzjoni finanzjarja l-oħra?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva u l-ġestjoni ta’ krediti li ssir mill-ewwel kumpannija hija relatata ma’ krediti li jservu ta’ garanzija għal obbligu maħruġ minn istituzzjoni finanzjarja oħra, l-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirrigwarda l-eżenzjoni ta’ kwalunkwe negozjar f’garanziji ta’ kreditu jew kwalunkwe garanzija għall-flus oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-ipoteżi fejn l-ewwel kumpannija ġġestixxi l-krediti li jservu ta’ garanzija għal obbligu maħruġ minn istituzzjoni finanzjarja oħra?

3)

Jekk it-tieni domandi tingħata risposta negattiva, l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jirrigwarda l-eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet relatati ma’ krediti, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-ipoteżi fejn l-ewwel kumpannija ġġestixxi krediti ttrasferiti lil istituzzjoni finanzjarja oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ krediti tapplika għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat l-imsemmija krediti, li sussegwentement ittrasferixxiethom u li tibqa’ tiġġestixxihom bi ħlas għaċ-ċessjonarju.

26

Skont l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw “l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih”.

27

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑296/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:612, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Ottubru 2020, United Biscuits (Pensions Trustees) u United Biscuits Pension Investments, C‑235/19, EU:C:2020:801, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-kundizzjoni “mill-persuna li tagħtih”, li tinsab fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, din il-formulazzjoni ma tipprovdix risposta ċara għad-domanda dwar liema huma l-persuni li għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni mogħtija lill-ġestjoni ta’ krediti.

29

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tagħha, ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, bħall-verżjoni Griega (“pou tis chorígise”), Franċiża (“qui les a octroyés”) u dik Olandiża (“die deze heeft verleend”), jużaw verb magħqud fil-passat sabiex jiddeskrivu l-għoti ta’ krediti. Għalhekk, dawn il-verżjonijiet jistgħu jindikaw li l-persuna li tibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija dik li ħallset l-ammont tal-kreditu lill-mutwatarju, fil-passat u fil-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, bħall-verżjoni Ingliża (“the person granting it”), Kroata (“koja ga odobrava”), Rumena (“care le acordă”) u Slovena (“ki kredit odobri”), jużaw l-ekwivalenti tal-verb “jagħti” fil-parteċipju preżenti jew fl-indikattiv preżenti. Għalhekk, dawn jistgħu jinftiehmu bħala li jirreferu għall-kwalità tal-persuna bħala mutwant, jiġifieri l-persuna li lilha ġew ittrasferiti l-krediti minn persuna oħra. Barra minn hekk, it-termini użati fil-verżjoni Ġermaniża (“Kreditgeber”) u dik Finlandiża (“luotonantaja”) jista’ jkollhom, f’dawn il-lingwi, iż-żewġ tifsiriet imsemmija iktar ’il fuq.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fir-rigward tal-kuntest relatat mal-kundizzjoni “mill-persuna li tagħtih” u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din il-kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni strett – sa fejn jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT hija dovuta fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli – sakemm din l-interpretazzjoni ma ċċaħħadx lil dawn l-eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom, tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija eżenzjonijiet u tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franck, C‑801/19, EU:C:2020:1049, punti 31 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jeżenta, fl-istess dispożizzjoni waħda, minn naħa, “l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu” u, min-naħa l-oħra, “l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih”. Din ir-rabta tindika li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-ġestjoni ta’ krediti marbuta mal-għoti ta’ dawn il-krediti. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-eżenzjoni hija intiża li tiggarantixxi li s-servizzi kollha pprovduti fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ kreditu jkunu eżentati mill-VAT. Dan il-kuntest u r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għas-servizzi mwettqa “mill-persuna li tagħtih” jindikaw li qiegħed isir riferiment għar-relazzjoni bejn il-persuna li tagħti l-kreditu u l-mutwatarju u li din l-eżenzjoni ma tkoprix is-servizzi mwettqa lil hinn minn din ir-relazzjoni. Għalhekk, l-interpretazzjoni stretta tad-deroga prevista fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għal kull sitwazzjoni fejn din ir-rabta tkun għebet.

33

Issa, f’dan il-każ, peress li l-mutwant inizjali ttrasferixxa l-krediti tiegħu favur terz ċessjonarju, il-ġestjoni ta’ dawn il-krediti ma għadhiex parti mir-relazzjoni legali inizjali li kienet tagħti dritt għall-benefiċċju tal-eżenzjoni, minkejja li din il-ġestjoni hija materjalment eżegwita mill-mutwant inizjali stess. Tali attività tikkostitwixxi, għaldaqstant, provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas direttament għall-benefiċċju tat-terz ċessjonarju.

34

Kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 34 u 35 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, billi llimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-eżenzjoni dwar il-ġestjoni ta’ krediti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jiffavorixxi fiskalment l-esternalizzazzjoni ta’ din il-ġestjoni lil terz. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija eżenzjoni għandha tinftiehem bħala li tkopri l-ġestjoni ta’ krediti mwettqa fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ kreditu eżistenti bejn il-mutwant inizjali u l-mutwatarju.

35

Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Dawn l-għanijiet ma jeżiġux li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika għall-ġestjoni ta’ krediti meta din il-ġestjoni titwettaq mill-persuna li tat il-krediti, iżda li sussegwentement ittrasferixxiethom lil persuna oħra.

36

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tal-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji li tinsab fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) u fl-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa li jittaffew id-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa kif ukoll tal-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas u li tiġi evitata żieda fl-ispiża tal-kreditu għall-konsum (sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C‑455/05,EU:C:2007:232, punt 24, u tal‑10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken, C‑540/09, EU:C:2011:137, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, DPAS, C‑5/17, EU:C:2018:592, punt 46).

37

Peress li l-eżenzjonijiet previsti mill-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriproduċu, mingħajr ma jbiddlu s-sustanza tagħhom, l-eżenzjonijiet li qabel kienu previsti fil-punti 1 sa 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva 77/388, il-ġurisprudenza dwar dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Bookit, C‑607/14, EU:C:2016:355, punt 32).

38

Fir-rigward tal-ewwel għan, jiġifieri dak li jittaffew id-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa kif ukoll tal-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas, il-Kummissjoni Ewropea ġustament issostni li dan l-għan ma jkunx inkwistjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ġestjoni ta’ krediti titwettaq mill-persuna li tat dawn il-krediti, iżda li sussegwentement ittrasferixxiethom lil persuna oħra.

39

Fil-fatt, id-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa u tal-ammont tal-VAT li jista’ jitnaqqas jidhru ġeneralment fir-relazzjoni bejn il-mutwant inizjali u l-mutwatarju, li fiha jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn il-korrispettiv tal-għoti tal-kreditu, li huwa eżentat, u dak tat-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni marbuta miegħu. Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ġestjoni tal-krediti hija s-suġġett ta’ servizz distint iffatturat minn A lil B abbażi tal-ispejjeż reali u ta’ marġni ta’ profitt miftiehem, ma jkunx hemm tali diffikultajiet. Dan il-fatt jikkorrobora l-interpretazzjoni fis-sens li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT ma testendix għas-servizzi ta’ ġestjoni hekk esternalizzati.

40

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT fid-dawl tat-tieni għan, jiġifieri l-għan li tiġi evitata żieda fl-ispiża tal-kreditu għall-konsum, tikkorrobora dawn il-kunsiderazzjonijiet.

41

L-ewwel nett, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-kumpannija li ttrasferixxiet il-krediti tipprovdi s-servizzi ta’ ġestjoni tagħha lill-kumpannija li akkwistathom u mhux lill-mutwatarji, dawn is-servizzi ma jkunux iffatturati direttament lil dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, il-VAT relatata ma’ dawn is-servizzi ma tistax titħallas direttament mill-mutwatarji, li ma humiex id-destinatarji tal-imsemmija servizzi.

42

It-tieni nett, anki jekk ma huwiex possibbli li jiġi eskluż kull effett indirett tal-VAT fuq is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ kreditu pprovduti miċ-ċedent liċ-ċessjonarju fuq l-ispejjeż ta’ finanzjament għall-mutwatarji, dan madankollu ma jimplikax trasferiment awtomatiku tal-ammont li jikkorrispondi għall-VAT fuq il-mutwatarji. Ir-riskju li dawn l-ispejjeż jiġu ttrasferiti fuq il-mutwatarju jiddependi, b’mod partikolari, mill-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kreditu, mill-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni u finanzjarja tal-kumpanniji kkonċernati jew mis-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq.

43

Fi kwalunkwe każ, kull esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-krediti jista’ jkollha bħala konsegwenza żieda fl-ispejjeż, irrispettivament minn jekk is-servizzi ta’ ġestjoni jkunux suġġetti għall-VAT jew le.

44

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-Direttiva dwar il-VAT għandha tiġi interpretata konformement mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li jistabbilixxi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir tal-VAT. Kull azzjoni mill-Istati Membri fir-rigward tal-impożizzjoni tal-VAT għandha tosserva dan il-prinċipju (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C‑546/14, EU:C:2016:206, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, ma għandux ikun hemm differenza fit-trattament fir-rigward tal-VAT bejn is-servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti mibjugħa lil ċessjonarju tal-krediti skont jekk il-fornitur ta’ dawn is-servizzi huwiex iċ-ċedent li inizjalment ta l-kreditu jew persuna oħra. Issa, f’dan l-aħħar każ, huwa evidenti li s-servizzi ta’ ġestjoni huma suġġetti għall-VAT.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ krediti ma tapplikax għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat l-imsemmija krediti, li sussegwentement ittrasferixxiethom u li tibqa’ tiġġestixxihom bi ħlas għaċ-ċessjonarju.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ ġestjoni pprovduti mill-persuna li tat il-kreditu għandhom jiġu eżentati mill-VAT sa fejn dawn is-servizzi jikkostitwixxu t-teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli jew għal kollaterali u garanziji oħra fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta dawn is-servizzi jirrigwardaw krediti li jservu bħala garanzija għal bond maħruġ minn stabbiliment finanzjarju ieħor.

48

Skont l-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw “in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanziji ta’ kreditu jew kwalunkwe garanzija għall-flus oħra u l-immaniġġjar ta’ garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti l-kreditu”.

49

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li hija tirrigwarda prinċipalment l-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk is-servizzi inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli jew għal kollaterali u garanziji oħra fis-sens tal-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi li jikkonsistu f’ġestjoni ta’ krediti mwettqa favur l-akkwirent tagħhom, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, ma jistgħux, bħala tali, jiġu kklassifikati bħala teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli jew għal kollaterali u garanziji oħra fis-sens tal-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, tali teħid ta’ responsabbiltà ma jistax jiġi assimilat mal-ġestjoni ta’ krediti li jikkostitwixxu garanzija, iktar u iktar meta l-unika attività ta’ ġestjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni bħala li tibbenefika minn eżenzjoni fiskali tikkonċerna l-ġestjoni ta’ garanziji ta’ krediti mwettqa mill-persuna li tat il-krediti.

51

Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ krediti hija espliċitament imsemmija fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT. Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għall-ġestjoni ta’ krediti ċċaħħad mill-effett utli tagħha r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għall-ġestjoni ta’ krediti, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li tapplika biss għall-persuna li tat il-krediti.

52

Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli jew għal kollaterali u garanziji oħra ma tapplikax għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat dawn il-krediti u li jirrigwardaw krediti li jservu ta’ garanzija għal bond maħruġ minn istituzzjoni finanzjarja oħra, li lilha jkunu ġew ittrasferiti l-imsemmija krediti.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, magħmula fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-krediti li huwa jipprevedi tapplika għall-ġestjoni, miċ-ċedent, ta’ krediti ttrasferiti lil kumpannija oħra.

54

Skont l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw “kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma eskluża l-kollezzjoni tad-debitu”.

55

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT jaqgħu fil-qasam tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u jirrigwardaw, b’mod partikolari, strumenti ta’ ħlas li l-mod ta’ funzjonament tagħhom jimplika trasferiment ta’ flus (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Határ Diszkont, C‑427/23, EU:C:2025:596, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Il-kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn tranżazzjoni li jkollha l-effett li tittrasferixxi fondi u li twassal għal modifiki legali u finanzjarji, li taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT, u tranżazzjoni li ma jkollhiex tali effetti u li, għaldaqstant, ma taqax taħt din l-eżenzjoni, jikkonsisti għalhekk fil-kwistjoni ta’ jekk it-tranżazzjoni kkunsidrata tittrasferixxix, b’mod effettiv jew potenzjali, il-proprjetà tal-fondi inkwistjoni, jew jekk għandhiex bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferiment (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Határ Diszkont, C‑427/23, EU:C:2025:596, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, fil-proċess ma hemm xejn li jindika li s-servizzi ta’ ġestjoni li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jikkonsistu fi trasferiment tal-proprjetà ta’ fondi jew għandhom l-effett li jissodisfaw il-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tali trasferiment, b’tali mod li tali servizzi ma jikkostitwixxux waħda mit-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-krediti previsti fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT.

58

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 51 iktar ’il fuq, sabiex jiġi evitat li r-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għall-ġestjoni ta’ krediti, li fir-rigward tagħha l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li tapplika biss għall-persuna li tat il-krediti, tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha, l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistax jitqies li japplika għall-ġestjoni ta’ krediti.

59

Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-krediti ma tapplikax għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat dawn il-krediti u li jirrigwardaw krediti ttrasferiti lil istituzzjoni finanzjarja oħra.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ krediti ma tapplikax għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat l-imsemmija krediti, li sussegwentement ittrasferixxiethom u li tibqa’ tiġġestixxihom bi ħlas għaċ-ċessjonarju.

 

2)

L-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għal impenji, għal avalli jew għal kollaterali u garanziji oħra ma tapplikax għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat dawn il-krediti u li jirrigwardaw krediti li jservu ta’ garanzija għal bond maħruġ minn istituzzjoni finanzjarja oħra, li lilha jkunu ġew ittrasferiti l-imsemmija krediti.

 

3)

L-Artikolu 135(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżenzjoni li huwa jipprevedi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-krediti ma tapplikax għal servizzi ta’ ġestjoni ta’ krediti pprovduti mill-persuna li tat dawn il-krediti u li jirrigwardaw krediti ttrasferiti lil istituzzjoni finanzjarja oħra.

 

Półtorak

Hesse

Steinfatt

Petrlík

Dimitrakopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Ġunju 2026.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.