SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

3 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Appell – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-Unjoni Ewropea – Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Kuntratt għal servizzi ta’ taħriġ lingwistiku – Obbligu ta’ sottomissjoni tal-offerti permezz tal-applikazzjoni elettronika eSubmission – Użu, minn offerent, ta’ hypertext link li jirreferi għal sit internet li jinkludi dokumenti deskrittivi tal-offerta – Rifjut tal-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dokumenti – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Imparzjalità oġġettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni – Metodu ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti”

Fil-Kawżi magħquda C‑534/23 P u C‑539/23 P,

li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati rispettivament fit‑18 u fit‑23 ta’ Awwissu 2023,

Instituto Cervantes, stabbilit f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minn E. van Nuffel d’Heynsbroeck, avukat,

appellant fil-Kawża C‑534/23 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Ilkova u P. Ortega Sánchez de Lerín, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn I. Herranz Elizalde u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, sussegwentement minn M. Morales Puerta u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

u

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn I. Herranz Elizalde u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, sussegwentement minn M. Morales Puerta u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

appellant fil-Kawża C‑539/23 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Instituto Cervantes, stabbilit f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minn E. van Nuffel d’Heynsbroeck, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Ilkova u P. Ortega Sánchez de Lerín, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tmien Awla, u O. Spineanu‑Matei, Imħallef,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, l-Instituto Cervantes (iktar ’il quddiem l-“IC”) u r-Renju ta’ Spanja jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Ġunju 2023, Instituto Cervantes vs Il‑Kummissjoni (T‑376/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:331), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-IC intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad‑19 ta’ April 2021 li permezz tagħha din tal-aħħar tat il-Lott Nru 3 (Taħriġ tal-Ispanjol) tal-kuntratt li jirrigwarda l-kuntratti qafas relatati mat-taħriġ lingwistiku għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni Ewropea (HR/2020/OP/0014), fl-ewwel post, lill-grupp CLL Centre de Langues‑Allingua (iktar ’il quddiem il-“grupp CLL”) u, fit-tieni post, lill-IC (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2014/24/UE

2

Il-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU L, 2025/90115).

“Il-kuntratti għandhom jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali, bil-ħsieb li jiġi żgurat tqabbil oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti sabiex jiġi determinat, f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva, liema offerta hija l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża. [...]

[...]”

3

Skont l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva:

“1.   [...] [L]-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.

2.   Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, [...] u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. [...]

[...]”

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046

4

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), tħassar permezz tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509. Madankollu huwa r-Regolament 2018/1046 li kien applikabbli għall-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

5

Il-premessa 106 ta’ dan ir-regolament kienet tipprovdi:

“Jenħtieġ li l-kuntratti jingħataw fuq il-bażi tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża f’konformità mal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24/UE.”

6

L-Artikolu 149 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Sottomissjoni tad-dokumenti tal-applikazzjoni” u li jaqa’ taħt it-Taqsima 3 (“Sistemi tal-it u gvern elettroniku”) tal-Kapitolu 2 (“Regoli applikabbli għal ġestjoni diretta u indiretta”) tat-Titolu V (“Regoli komuni”) tal-istess regolament, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-arranġamenti għas-sottomissjoni tad-dokumenti ta’ applikazzjoni għandhom jiġu deċiżi mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, li jista’ jagħżel il-metodu ta’ sottomissjoni esklussiv.

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni magħżulin jkunu tali li jiżguraw li hemm kompetizzjoni ġenwina u li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull sottomissjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħha;

(b)

tiġi ppreservata l-integrità tad-data;

(c)

tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-dokumenti ta’ applikazzjoni;

(d)

tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali [...]”

7

L-Artikolu 160 tar-Regolament 2018/1046, bit-titolu “Prinċipji applikabbli għal kuntratti u kamp ta’ applikazzjoni”, kien jaqa’ taħt il-Kapitolu 1 (“Dispożizzjonijiet komuni”) tat-Titolu VII (“Akkwist u konċessjonijiet”) tiegħu u kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni.”

8

L-Artikolu 167 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Għoti ta’ kuntratti”, li jaqa’ wkoll taħt il-Kapitolu 1, kien jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti ta’ kuntratti fuq l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li għandha tikkonsisti minn wieħed mit-tliet metodi ta’ għoti: l-iktar prezz baxx, l-inqas kost jew l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità.

[...]

Għall-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, l-awtorità kontraenti għandha tqis il-prezz jew il-kost u kriterji oħra tal-kwalità marbuta mas-suġġett tal-kuntratt.”

9

L-Artikolu 170 tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-istess Kapitolu 1, bit-titolu “Deċiżjoni tal-għoti u informazzjoni lill-kandidati jew lill-offerenti”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull offerent [...] li l-offerta tiegħu tkun konformi mad-dokumenti tal-akkwisti u li jagħmel talba bil-miktub, dwar kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-isem tal-offerent, jew l-offerenti fil-każ ta’ kuntratt qafas, li lilu jingħata l-kuntratt u, ħlief fil-każ ta’ kuntratt speċifiku skont kuntratt qafas bi ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt, skont liema minnhom ikun xieraq;

(b)

il-progress tan-negozjati u d-djalogu mal-offerenti.

[...]”

10

Skont il-punt 16, bit-titolu “Dokumenti tal-akkwist”, tal-Anness I tal-istess regolament:

“[...]

16.2. L-istedina għall-offerti għandha:

(a)

tispeċifika r-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-offerti, inkluż b’mod partikolari l-kondizzjonijiet li jinżammu kunfidenzjali sakemm jinfetħu, id-data ta’ għeluq u ż-żmien għar-riċevuta u l-indirizz fejn għandhom jintbagħtu jew jiġu kkonsenjati jew l-indirizz tal-Internet f’każ ta’ preżentazzjoni elettronika;

[...]

16.3. L-ispeċifikazzjonijiet ta’ sejħa għall-offerti għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla;

(b)

il-kriterji tal-għoti u l-piż relattiv tagħhom [...]

[...]”

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

11

L-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi:

“Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji jistgħu jiġu adottati jew emendati f’kull stadju tal-proċedura, jew ex officio jew fuq talba ta’ parti prinċipali.”

12

L-Artikolu 145 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jipprovdi:

“1.   L-intervenjent jista’ jippreżenta nota ta’ intervent fit-terminu ffissat millPresident.

2.   In-nota ta’ intervent għandha tinkludi:

[...]

(c) jekk ikun il-każ, il-provi u l-provi proposti.

[...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Il-fatti li wasslu għat-tilwima huma esposti fil-punti 2 sa 20 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

14

Fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet, skont il-proċedura miftuħa, is-sejħa għal offerti HR/2020/OP/0014, bit-titolu “Kuntratti Qafas għat-Taħriġ fil-Lingwi għall-Istituzzjonijiet, l-Entitajiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea”. Il-kuntratt kien maqsum fi tmien lottijiet, fosthom il-Lott Nru 3, bit-titolu “Taħriġ tal-Ispanjol (ES)”.

15

L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jindikaw li, sabiex jingħata l-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tibbaża ruħha fuq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, skont il-prezz (ponderat għal 30 %) u l-kwalità (ponderata għal 70 %).

16

Il-kwalità, li għaliha l-punteġġ massimu kien ta’ 100 punt, kellha tiġi evalwata abbażi ta’ żewġ kriterji, jiġifieri l-kriterju Nru 1, bit-titolu “Kwalità tal-korsijiet proposti” (punteġġ massimu ta’ 70 punt), u l-kriterju Nru 2, bit-titolu “Kontroll tal-kwalità u monitoraġġ tax-xogħlijiet” (punteġġ massimu ta’ 30 punt).

17

Kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji kien maqsum fi tliet subkriterji:

Subkriterju 1.1: “Kontenut” (30 punt);

Subkriterju 1.2: “Tagħlim” (30 punt);

Subkriterju 1.3: “Pjattaformi online” (10 punti);

Subkriterju 2.1: “Metodu ta’ għażla tal-persunal” (6 punti)

Subkriterju 2.2: “Kontroll tal-kwalità” (15‑il punt, u

Subkriterju 2.3: “Ġestjoni tal-proċedura” (9 punti)

18

L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jippreċiżaw li, sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi, l-offerti kellhom jiksbu tal-inqas “punteġġ minimu” għal kull kriterju u subkriterju, li kien ippreċiżat f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet. Barra minn hekk, l-offerti kellhom jiksbu tal-inqas punteġġ totali ta’ 70 punt minn 100 punt.

19

Skont l-imsemmija speċifikazzjonijiet, l-offerti kellhom jiġu kklassifikati skont l-aqwa proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz. Barra minn hekk, il-kuntratt kellu jingħata liż-żewġ offerti kklassifikati l-ewwel, li, l-ewwel nett, kienu josservaw ir-rekwiżiti minimi ppreċiżati fid-dokumenti tal-kuntratt u kienu sottomessi minn offerenti li kellhom aċċess għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, it-tieni nett, ma kienux jinsabu f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u, it-tielet nett, kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni. Il-klassifika kellha tiddetermina l-ordni li fiha l-kuntratti speċifiċi kienu offruti lill-partijiet kontraenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt qafas.

20

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ sottomissjoni tal-offerti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu, b’mod partikolari, li l-offerti kellhom jiġu ppreżentati permezz tal-applikazzjoni elettronika eSubmission.

21

Sitt offerenti, fosthom l-IC, ippreżentaw offerta għal-Lott Nru 3.

22

Fl‑10 ta’ Marzu 2021, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti ġie redatt mill-kumitat stabbilit għal dan l-għan. Il-partijiet kontraenti proposti għal-Lott Nru 3 kienu l-grupp CLL fl-ewwel post u l-IC fit-tieni post.

23

Fid‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Fl-istess jum, hija bagħtet ittra ta’ komunikazzjoni lill-IC, fejn informatu, fost l-oħrajn, li l-offerta tiegħu għal-lott Nru 3 kienet intgħażlet u li huwa kien ikklassifikat fit-tieni post bi punteġġ kwalitattiv ta’ 82 punt minn 100 punt, prezz tal-offerta ta’ EUR 2670560 u punteġġ totali ta’ 87.40 punt minn 100 punt. Il-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li hija kienet ser tapplika terminu ta’ stennija ta’ għaxart ijiem qabel ma tiffirma l-kuntratt qafas.

24

Anness mehmuż ma’ din l-ittra kien jippreċiża, fil-forma ta’ tabella ta’ evalwazzjoni, ir-raġunijiet għall-evalwazzjoni tal-offerta tal-IC, fid-dawl tal-kriterji ta’ kwalità stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

25

Wara li rċieva l-imsemmija ittra, l-IC talab lill-Kummissjoni tikkomunikalu l-identità, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-entità li kienet ġiet ikklassifikata l-aħjar.

26

Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ April 2021, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal din it-talba, informat lill-IC li l-grupp CLL kien ġie kklassifikat fl-ewwel post b’punteġġ kwalitattiv ta’ 94 punt minn 100 punt, prezz tal-offerta ta’ EUR 3469020 u punteġġ totali ta’ 88.89 punt minn 100 punt

27

Dawn il-komunikazzjonijiet tad‑19 u tas‑26 ta’ April 2021 kienu jiżvelaw li, fir-rigward tas-subkriterji, l-għoti tal-punti kien is-segwenti:

Subkriterju 1.1: 28/30 għall-grupp CLL u 22/30 għall-IC;

Subkriterju 1.2: 27/30 għall-grupp CLL u 21/30 għall-IC;

Subkriterju 1.3: 10/10 kemm għall-grupp CLL kif ukoll għall-IC;

Subkriterju 2.1: 6/6 kemm għall-grupp CLL kif ukoll għall-IC;

Subkriterju 2.2: 14/15 għall-grupp CLL u 15/15 għall-IC, u

Subkriterju 2.3: 9/9 għall-grupp CLL u 8/9 għall-IC.

28

Permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal talba tal-IC, li kienet tallega komunikazzjoni insuffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament 2018/1046, ippreċiżat ir-raġunijiet għall-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL fid-dawl tal-kriterji ta’ kwalità. Din il-posta elettronika kienet tinkludi fl-anness it-tabella ta’ evalwazzjoni tal-offerta ta’ dan il-grupp. Din it-tabella kienet tirriproduċi kummenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni għal kull wieħed mill-kriterji u mis-sottokriterji mħabbra fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fl-imsemmija posta elettronika, il-Kummissjoni ntrabtet ukoll tosserva terminu ġdid ta’ stennija ta’ għaxart ijiem qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt qafas.

29

Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni tat spjegazzjonijiet addizzjonali billi rriferiet, għall-kumplament, għall-informazzjoni li kienet diġà ntbagħtet u indikat li t-terminu ta’ stennija kien issa skada.

30

Fit-tabella ta’ evalwazzjoni kkomunikata fid-19 ta’ April 2021, kif ukoll fil-komunikazzjonijiet tagħha tal‑10 u tal‑25 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni informat lill-IC bil-fatt li hija ma kinitx evalwat l-elementi li dan tal-aħħar, sabiex jiddeskrivi l-offerta tiegħu, kien għamel aċċessibbli biss permezz ta’ hypertext links integrati f’din l-offerta. Il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ċaħdet dawn l-elementi minħabba li l-użu ta’ hypertext links ma kienx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li kien jeżisti, fil-każ ta’ użu ta’ tali links, riskju ta’ modifika wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti. Sa fejn l-elementi li saru aċċessibbli permezz ta’ hypertext links kienu jikkorrispondu għal dokumenti li s-sottomissjoni tagħhom kienet meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-Kummissjoni qieset li dawn id-dokumenti kienu nieqsa (iktar ’il quddiem in-“nuqqas ta’ dokumenti”).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

31

Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑2 ta’ Lulju 2021, l-IC talab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

32

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2022, ir-Renju ta’ Spanja ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-IC.

33

Permezz ta’ att separat ippreżentat fid‑29 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba t-tardività tar-rikors.

34

Din l-eċċezzjoni ġiet miċħuda fis-sentenza appellata, peress li kien biss permezz tal-komunikazzjoni tal‑10 ta’ Mejju 2021 li l-IC kisbet informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-offerta tal-grupp CLL. Kien għalhekk minn din id-data li l-IC seta’ jeżerċita b’mod utli d-dritt tiegħu għal azzjoni legali u li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE beda jiddekorri.

35

Fuq il-mertu, l-IC, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, qajjem ħames motivi insostenn tar-rikors tiegħu.

36

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, huwa lmenta li l-Kummissjoni naqset milli timmotiva d-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu ma kienx possibbli li jsiru magħrufa l-vantaġġi relatati mal-offerta tal-grupp CLL.

37

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, l-IC lmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 167(4) tar-Regolament 2018/1046, inkwantu din l-istituzzjoni wettqet biss evalwazzjoni iżolata ta’ kull waħda mill-offerti, minflok ma pparagunathom direttament ma’ xulxin.

38

Permezz tat-tielet motiv tiegħu, l-IC lmenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet l-elementi deskrittivi tal-offerta magħmula aċċessibbli permezz ta’ hypertext link.

39

Ir-raba’ motiv kien sussidjarju għall-ewwel motiv u kien maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali tal-offerta tal-IC, inkwantu ma kienx possibbli li tinftiehem il-korrelazzjoni bejn il-kummenti fformulati u l-punteġġ mogħti, kif ukoll bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba n-natura illoġika tar-rabta bejn l-evalwazzjoni u l-punteġġ mogħti fil-kuntest tas-Subkriterji 1.1 u 1.2. It-tieni nett, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu billi l-Kummissjoni tat importanza sproporzjonata lin-nuqqas ta’ dokumenti. It-tielet nett, billi tat din l-importanza sproporzjonata għan-nuqqas ta’ dokumenti, il-Kummissjoni ħolqot regola ġdida ta’ evalwazzjoni a posteriori.

40

Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur ta’ diversi prinċipji relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-prinċipju ta’ ftuħ tal-kuntratti għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Kummissjoni tat il-lottijiet kollha lill-istess offerent, jiġifieri l-grupp CLL.

41

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għalhekk, ċaħdet l-imsemmi rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑534/23 P, l-IC jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43

Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑539/23 P, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tibgħat lura, wara l-annullament tas-sentenza appellata, il-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tipproċedi għall-produzzjoni tal-prova indebitament irrifjutata u tiddeċiedi fuq il-mertu.

44

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli u

tikkundanna lill-IC u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

45

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Novembru 2023, il-Kawżi C‑534/23 PPU u C-539/23 PPU ġew magħquda.

Fuq l-appelli

46

L-IC iqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żnaturament tal-fatti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tielet motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti fl-evalwazzjoni tat-tieni motiv ta’ dak ir-rikors.

47

Ir-Renju ta’ Spanja jqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fuq l-ommissjoni, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li tikkonstata nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà fl-evalwazzjoni tal-offerti, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 145(c), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u, ir-raba’, fuq ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva u tal-prinċipju ta’ trasparenza.

48

L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel aggravju tal-IC u t-tieni aggravju tar-Renju ta’ Spanja. Waqt dan l-eżami, ser jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ewwel aggravju tal-IC, li huwa bbażat, skont it-titolu tiegħu, fuq żnaturament tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-realtà jinkludi argumenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi, li jikkoinċidu fil-parti l-kbira mal-argumenti ppreżentati fit-tieni aggravju tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fuq l-ewwel aggravju tal-IC u t-tieni aggravju tar-Renju ta’ Spanja

L-argumenti tal-partijiet

49

L-IC ifakkar, preliminarjament, li, fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa sostna li huwa seta’ leġittimament jemmen li kull offerta ppreżentata permezz tal-applikazzjoni eSubmission setgħet tinkludi hypertext links li jirreferu għal dokumenti deskrittivi tal-offerta disponibbli fuq sit internet. Huwa abbażi ta’ din l-aspettattivi leġittimi li huwa għamel, permezz ta’ hypertext links, riferimenti għal diversi dokumenti rilevanti għall-evalwazzjoni tal-offerta tiegħu, bħal dokumenti li jiddeskrivu kif, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt għal servizzi ta’ taħriġ lingwistiku, l-interazzjoni mill-bogħod bejn l-istudent u l-għalliem tkun żgurata.

50

L-IC irrileva wkoll li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, huwa pproduċa provi li minnhom kien jirriżulta li offerenti oħra kienu, huma wkoll, integraw hypertext links fl-offerti tagħhom.

51

L-IC jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, indikata fil-punt 142 ta’ din is-sentenza u bbażata fuq il-projbizzjoni ta’ modifika tal-imsemmija dokumenti wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-offerti, li tgħid li offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti ma setax iqis li kien permess li fl-offerta tiegħu jiġu inklużi hypertext links li jkunu jirreferu għal dokumenti li jinsabu fuq sit internet li jibqa’ taħt il-kontroll tiegħu. Skont l-IC, la r-Regolament 2018/1046 u lanqas l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kienu jippermettu li wieħed ikun jaf li l-użu ta’ hypertext links kien irregolari.

52

L-IC jenfasizza li d-dokumenti li huwa għamel aċċessibbli permezz ta’ hypertext links kienu jinsabu fi spazju elettroniku magħluq, iddedikat esklużivament għas-suq inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tiżgura ruħha, billi titlob lill-IC tipproduċi provi f’dan ir-rigward, li dawn id-dokumenti kienu ġew annessi ma’ dawn l-hypertext linkis qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti u li dawn ma kinux ġew sussegwentement immodifikati. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li, fil-każ ta’ użu ta’ links, ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li d-dokumenti kkonċernati jibqgħu l-istess wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

53

Għaldaqstant, l-IC jikkontesta wkoll l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti magħmula aċċessibbli permezz ta’ links, anki fil-każijiet fejn jirriżulta, wara verifika, li dawn id-dokumenti ma ġewx immodifikati wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

54

L-IC jikkritika wkoll il-punt 144 tas-sentenza appellata, li jsemmi l-preżentazzjoni magħmula mid-Direttur tal-Informatika tal-IC waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, li minnha kien irriżulta li d-dokumenti deskrittivi tal-offerta kienu għadhom jistgħu, minn lat tekniku, jiġu mmodifikati mill-IC. Skont dan tal-aħħar, dan l-element huwa irrilevanti, peress li jeħtieġ biss li jiġi ddeterminat jekk dawn id-dokumenti ġewx immodifikati u mhux li dawn setgħu jiġu mmodifikati. Peress li kull modifika tħalli traċċa fis-sistema informatika, l-IC seta’ juri li huwa ma mmodifikax dawn id-dokumenti wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

55

Fi kwalunkwe każ, ikun inaċċettabbli li awtorità kontraenti teskludi dokumenti għas-sempliċi raġuni li ma tkunx f’pożizzjoni tiddetermina jekk dawn id-dokumenti humiex integrati. Dokumenti ppreżentati insostenn ta’ offerta jistgħu jiġu esklużi biss fil-każ ta’ irregolarità pprovata, u mhux abbażi ta’ sempliċi ipoteżi ta’ irregolarità.

56

L-IC jippreċiża li preċedentement huwa pparteċipa fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt HR/2020/OP/0004, li għaliha l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jeżiġu, f’termini li jikkorrispondu għal dawk użati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni f’dan il-każ, il-preżentazzjoni tal-offerti permezz tal-applikazzjoni eSubmission. F’din il-proċedura, l-offerta ppreżentata fuq din l-applikazzjoni mill-IC kienet tinkludi hypertext link li tirreferi għal annessi. Issa, fl-evalwazzjoni ta’ din l-offerta, ikkomunikata lill-IC mill-Kummissjoni fis‑7 ta’ Settembru 2020, il-kontenut ta’ dawn l-annessi kien deskritt u evalwat.

57

L-IC isostni li, minħabba din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li waslitlu meta huwa kien qiegħed jipprepara l-offerta tiegħu għall-kuntratt inkwistjoni f’dan il-każ, minn naħa, u minħabba l-assenza, fid-dokumenti tal-kuntratt, ta’ preċiżazzjoni espliċita li l-użu ta’ hypertext links kien issa pprojbit, min-naħa l-oħra, huwa seta’ leġittimament jemmen li tali użu kien awtorizzat. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 148 tas-sentenza appellata, hemm lok li jitqies li l-IC jista’ jinvoka, f’tali ċirkustanzi, aspettattivi leġittimi.

58

L-IC josserva, f’dan il-kuntest, qabel kollox, li l-obbligu li tintuża l-applikazzjoni eSubmission, fiż-żmien tal-fatti tal-każ, kien reċenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta eżiġiet, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li jintwera li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet lill-IC garanziji “konkordanti”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi injorat il-fatt li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt HR/2020/OP/0004 kienet tikkostitwixxi l-uniku każ fejn il-kwistjoni tal-użu ta’ hypertext links f’offerta ppreżentata fuq l-applikazzjoni eSubmission setgħet preċedentement tqum.

59

Sussegwentement, il-punt 148 tas-sentenza appellata huwa bbażat b’mod żbaljat fuq ġurisprudenza li tirrigwarda l-ipoteżi fejn garanzija mogħtija mill-Kummissjoni ma hijiex konformi ma’ regola. F’dan il-każ, tali “regola” hija nieqsa, peress li l-preżentazzjoni tal-offerti fuq l-applikazzjoni eSubmission la hija meħtieġa mir-Regolament 2018/1046 u lanqas minn xi strument leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni.

60

Fl-aħħar nett, filwaqt li tammetti li l-użu, f’dan il-każ, ta’ hypertext links fl-offerta jista’ jitqies li huwa żbaljat, l-IC issostni li numru sinjifikattiv ta’ offerenti twasslu, b’mod partikolari permezz tal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, sabiex iwettqu dan l-iżball. Dan l-element huwa essenzjali sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ “aspettattivi leġittimi”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61

L-IC iżid li huwa talab lill-Qorti Ġenerali tobbliga lill-Kummissjoni tipproduċi informazzjoni li tkun tippermetti li jiġi ddeterminat jekk offerenti oħra kinux użaw ukoll hypertext links fil-kuntest tal-offerti tagħhom u jekk il-Kummissjoni kinitx sistematikament irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti li għalihom jirreferu dawn il-links. Skont l-IC, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 150 tas-sentenza appellata sabiex timmotiva ċ-ċaħda ta’ din it-talba għal miżura istruttorja, din l-informazzjoni kienet indispensabbli sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

62

Fuq dan il-punt, l-IC josserva li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa l-korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk huwa imperattiv li r-regoli fformulati mill-awtorità kontraenti bil-għan tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-offerenti. Issa, dan ir-rekwiżit ma jistax jitqies li jkun issodisfatt meta diversi offerenti jkunu interpretaw regola, bħall-obbligu li jippreżentaw l-offerti fuq l-applikazzjoni eSubmission, f’sens differenti minn dak stabbilit mill-Kummissjoni.

63

L-IC iqis, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti fid-dritt iċ-ċaħda tat-tielet motiv.

64

Skont ir-Renju ta’ Spanja, iċ-ċaħda tat-tielet motiv tal-IC quddiem il-Qorti Ġenerali hija inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

65

Dan l-Istat Membru josserva li kienet teżisti, minn naħa, sitwazzjoni ta’ inċertezza dovuta għas-silenzju tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li dokumenti jiġu mehmuża ma’ offerta permezz ta’ hypertext links u, min-naħa l-oħra, prassi amministrattiva tal-Kummissjoni, ikkomunikata minnha lill-IC, li ħolqot f’dan tal-aħħar aspettattivi leġittimi li kien ammissibbli li huwa jipproċedi b’dan il-mod.

66

Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Qorti Ġenerali, qabel kollox, talli llimitat l-analiżi tagħha għall-possibbiltà li dokumenti annessi ma’ offerta permezz ta’ hypertext links jiġu mmodifikati wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-offerti. B’hekk hija biddlet l-ipoteżi ta’ riskju eventwali ta’ aġir illegali f’ostakolu insormontabbli, li jipprekludi totalment l-użu ta’ hypertext links għall-preżentata tad-dokumenti deskrittivi ta’ offerta.

67

Anki jekk jitqies li l-użu ta’ tali links huwa irregolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, iddeduċiet mis-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647), li tirrigwarda l-possibbiltà li tiġi kkorreġuta jew ikkompletata offerta għal finijiet ta’ kjarifika jew ta’ rettifika ta’ żbalji materjali manifesti, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistieden lill-IC jissottometti mill-ġdid id-dokumenti, billi jniżżilhom fuq l-applikazzjoni eSubmission. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, din il-ġurisprudenza setgħet tiġi applikata b’analoġija sabiex jiġi konkluż li l-IC kellha titħalla tissottometti direttament, fuq l-applikazzjoni eSubmission, id-dokumenti li hija kienet inizjalment għamlet aċċessibbli permezz ta’ hypertext links jew tipprova li dawn id-dokumenti ma kinux ġew immodifikati wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

68

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li kienu irrilevanti, minn naħa, il-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt HR/2020/OP/0004, il-Kummissjoni kienet aċċettat is-sottomissjoni ta’ dokumenti permezz ta’ hypertext links, u min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni kienet, hekk kif jirriżulta mill-punt 133 tas-sentenza appellata, evalwat, skont is-Subkriterju 1.3, il-pjattaformi online tal-offerenti, li huma ospitati fuq servers esterni u aċċessibbli permezz ta’ tali links. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat ukoll, sempliċement indikat, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li l-IC irċieva l-massimu ta’ punti għal dan is-Subkriterju 1.3.

69

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa rrileva li ċerti dokumenti magħmula aċċessibbli permezz ta’ hypertext links kienu rreġistrati taħt numru ISBN (International Standard Book Number) u għalhekk ma setgħux jiġu mmodifikati. Fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat dan l-argument u naqset milli tagħti deċiżjoni dwar l-assenza ta’ evalwazzjoni ta’ tali dokumenti.

70

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-IC u tar-Renju ta’ Spanja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Qabel kollox għandu jitfakkar li l-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull persuna li fir-rigward tagħha l-amministrazzjoni tal-Unjoni tkun nisslet tamiet fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti li tkun toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali tamiet, irrispettivament mill-forma li fiha din tiġi kkomunikata. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Għall-kuntrarju, meta persuna prudenti u informata tajjeb tkun f’pożizzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha, hija ma tkunx tista’ tinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, kull offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti kien f’pożizzjoni li jkun jaf li ma kienx permess li jinkludi, insostenn tal-offerta tiegħu, hypertext links li jirreferu għal dokumenti aċċessibbli fuq sit internet li jibqgħu taħt il-kontroll tiegħu u li għalhekk jistgħu, teknikament, jiġu mmodifikati wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

74

Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-elementi indikati fil-punti 138 sa 141 ta’ din is-sentenza, li ma humiex ikkontestati mill-IC.

75

Dawn l-elementi jinkludu ċ-ċitazzjoni, fil-punt 138 tal-imsemmija sentenza, ta’ silta mill-paġna 79 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jipprovdu li “[l]-offerti għandhom jiġu sottomessi permezz tal-applikazzjoni eSubmission, billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet fl-istedina għall-offerti u fil-Gwida Prattika tas-sistema eSubmission”.

76

Hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, din l-istruzzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienet tippermetti li wieħed ikun jaf li d-dokumenti deskrittivi tal-offerta kellhom jittellgħu fuq l-applikazzjoni eSubmission.

77

Huwa rrilevanti f’dan ir-rigward il-fatt, enfasizzat mir-Renju ta’ Spanja, li kien neċessarju, skont is-Subkriterju 1.3 li jinsab fid-dokumenti tal-kuntratt, relatat mal-“Pjattaformi online”, li jiġi evalwat element kwintessenzjalment modifikabbli, jiġifieri l-pjattaforma ta’ taħriġ lingwistiku online proposta mill-offerent. Fil-fatt, din it-tilwima ma tikkonċernax l-applikazzjoni tas-Subkriterju 1.3 iżda l-kwistjoni dwar jekk l-elementi integrati fl-offerta sabiex jiġi ddokumentat il-kontenut u l-pedagoġija tat-taħriġ lingwistiku propost (Subkriterji 1.1 u 1.2) kellhomx jittellgħu fuq l-applikazzjoni eSubmission jew setgħux isiru aċċessibbli permezz ta’ hypertext links.

78

Fid-dawl tal-elementi indikati fil-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata, u b’mod partikolari ta’ dawk enfasizzati fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, la l-fatt, invokat mill-IC u mir-Renju ta’ Spanja, li skontu l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti preċedenti, ħadet inkunsiderazzjoni dokumenti magħmula aċċessibbli permezz ta’ hypertext links, u lanqas il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li offerenti oħra kienu, bħall-IC, qiesu li dokumenti pprovduti insostenn tal-offerta tagħhom setgħu jiġu sottomessi b’dan il-mod, ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “tamiet fondati” li jirriżultaw minn “informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli ”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 71 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju għas-soluzzjoni tat-tilwima li jiġi eżaminat sa fejn l-offerenti l-oħra kienu inkludew fl-offerti tagħhom hypertext links li jagħtu aċċess għal dokumenti deskrittivi tagħhom.

79

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta mill-IC, fejn il-Kummissjoni, fl-ewwel u — fil-mument tal-fatti li wasslu għal din it-tilwima — l-unika proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li segwiet l-użu obbligatorju tal-applikazzjoni eSubmission, evalwat id-dokumenti magħmula aċċessibbli permezz ta’ hypertext links, in-natura neċessarjament iżolata ta’ tali l-ewwel prattika tal-amministrazzjoni tipprekludi, bħala prinċipju, li tiġi kkonstatata, abbażi ta’ dan l-element biss, l-eżistenza ta’ garanziji konkordanti.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li l-IC ma weriex l-eżistenza ta’ garanziji konkordanti tal-Kummissjoni li jippermettu l-użu ta’ hypertext links.

81

Sussegwentement, sa fejn l-IC u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa l-korollarju tiegħu, għandu jitfakkar li dan l-ewwel prinċipju jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi, sabiex l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża. Kull leġiżlazzjoni għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu l-passi tagħhom fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn l-obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Issa, għandu jitqies li r-regoli fil-qasam tas-sottomissjoni ta’ dokumenti insostenn ta’ offerta ppreżentata fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti tal-Unjoni huma suffiċjentement ċari u preċiżi.

83

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-punt 16.2 tal-Anness I tar-Regolament 2018/1046, il-modalitajiet ta’ sottomissjoni tal-offerti għandhom jiġu stabbiliti fl-istedina għall-offerti. F’dan il-każ, huwa paċifiku li din l-istedina kienet tipprevedi li l-offerti kellhom jiġu sottomessi permezz tal-applikazzjoni eSubmission u li, għal dan l-għan, l-offerenti kellhom isegwu l-istruzzjonijiet li jinsabu fil-Gwida Prattika għal din l-applikazzjoni. Din l-istruzzjoni kienet irripetuta fis-silta, imsemmija iktar ’il fuq, tal-paġna 79 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li kienet tirreferi għal dawn l-istruzzjonijiet, li jippreċiżaw li kull dokument ippreżentat insostenn tal-offerta għandu jittella’ fl-ispazju ddedikat tal-applikazzjoni eSubmission.

84

L-assenza ta’ ambigwità tal-imsemmija istruzzjoni hija msaħħa mill-eżistenza ta’ rekwiżit ta’ “integrità tad-data”, li huwa stabbilit, fir-rigward tal-preżentazzjoni online ta’ dokumenti ppreżentati insostenn ta’ talba indirizzata lill-amministrazzjoni tal-Unjoni, fl-Artikolu 149(1) tar-Regolament 2018/1046. Skont dan ir-rekwiżit, is-sistema ta’ preżentazzjoni online użata mill-offerenti għandha tiġi adattata b’mod li d-dokumenti relatati mal-applikazzjoni jibqgħu l-istess matul il-proċedura amministrattiva kollha. Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-Unjoni ma humiex eċċezzjoni għal din ir-regola. L-integrità tad-data għandha għalhekk tiġi żgurata qabel l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti, fatt li jeżiġi li kull dokument ippreżentat insostenn ta’ offerta jiġi sottomess f’forma u skont modalitajiet li jeskludu kull modifika ulterjuri ta’ tali dokument.

85

L-inklużjoni tar-rekwiżit ta’ integrità tad-data fir-Regolament 2018/1046 tinvalida barra minn hekk l-argument tal-IC li s-sottomissjoni ta’ dokumenti insostenn ta’ offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-Unjoni ma taqa’ taħt ebda “regola”. Għaldaqstant, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tat lill-IC garanziji fis-sens li d-dokumenti deskrittivi tal-kontenut u tal-pedagoġija setgħu jiġu ppreżentati permezz ta’ hypertext links, dawn il-garanziji kienu inkompatibbli mar-regoli fis-seħħ. Fost dawn ir-regoli hemm, barra minn hekk, mhux biss ir-rekwiżit ta’ integrità tad-data, iżda wkoll il-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fosthom il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-Artikolu 160 tar-Regolament 2018/1046 jeżiġi l-osservanza tagħhom.

86

L-imsemmija regoli, kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni tajba, jistgħu jiġġustifikaw li l-istruzzjoni li jittellgħu d-dokumenti ppreżentati insostenn tal-offerta tapplika għal dawn id-dokumenti kollha, mingħajr ma jkunu previsti eċċezzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti li l-modifika ulterjuri tagħhom tkun, għal raġunijiet tekniċi jew ġuridiċi, estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq in-natura mhux modifikabbli tad-dokumenti rreġistrati taħt numru ISBN (International Standard Book Number) huwa korrett u, hekk kif isostni dan l-Istat Membru, ġie interpretat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, tali fatt ma jistax jivvizzja bi żball ir-raġunament, waħdu determinanti, segwit fis-sentenza appellata, li skontu l-IC ma setax jistenna li l-Kummissjoni tevalwa dokumenti mhux imtellgħin fuq l-applikazzjoni eSubmission, iżda li saru aċċessibbli biss permezz ta’ hypertext links.

87

Peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, mingħajr ma kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-fajl kollu ppreżentat minn kull offerent jibqa’ l-istess, id-dokumenti magħmula aċċessibbli permezz ta’ hypertext links ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-offerti, kien ukoll b’mod korrett li hija qieset, fil-punti 143, 144, 146 u 147 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina, billi titlob provi mingħand l-offerenti li użaw hypertext links, jekk id-dokumenti magħmula aċċessibbli permezz ta’ tali links kinux baqgħu l-istess wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-offerti.

88

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod korrett indikat, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647), ma setgħetx tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni kellha tistieden lill-IC jirregolarizza l-preżentazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Fil-fatt, din is-sentenza tikkonċerna l-possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tistieden lil offerent jirregolarizza l-preżentazzjoni tal-offerta tiegħu billi jintroduċi dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-offerent. Issa, minbarra li d-dokumenti kkonċernati fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza ma kinux jikkonċernaw, kuntrarjament għal dan il-każ, l-offerta nnifisha, l-istess sentenza ma tintroduċix obbligu għall-awtorità kontraenti li titlob regolarizzazzjoni.

89

Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali mmotivat l-evalwazzjonijiet tagħha b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-persuni kkonċernati jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tal-IC li s-sentenza appellata ma hijiex immotivata biżżejjed, li hija bbażata esklużivament fuq l-argumenti sostantivi li għadhom kif ġew miċħuda u li din tikkoinċidi magħhom, għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

90

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-IC u t-tieni aggravju tar-Renju Unit għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tieni aggravju tal-IC

L-argumenti tal-partijiet

91

L-IC ifakkar li, permezz tat-tieni motiv tiegħu mqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa lmenta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami komparattiv tal-kwalità tal-offerti kompetituri. Fil-fatt, din l-istituzzjoni llimitat ruħha twettaq evalwazzjoni iżolata ta’ kull waħda mill-offerti u tikklassifika dawn l-offerti skont ir-riżultati miksuba fi tmiem dawn l-evalwazzjonijiet iżolati.

92

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv billi indikat, essenzjalment, li l-paragun tal-offerti ma jeħtieġx li jitqabblu l-proposti tal-offerenti sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ xulxin.

93

Dan ir-raġunament huwa rifless, b’mod partikolari, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-offerta tal-grupp CLL kienet ġiet evalwata fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hekk kif kienet ġiet evalwata l-offerta tal-IC, b’mod li xejn ma kien jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżit li tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

94

Skont l-IC, tali approċċ ta’ paragun tal-offerti huwa żbaljat fid-dritt. Meta, bħal f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ għoti tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament teżiġi li tiġi identifikata l-offerta li tippreżenta l-aqwa proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz, il-kwalità tal-offerti rispettivi għandha tiġi pparagunata. Huwa biss dan l-approċċ ta’ tqabbil dirett tal-offerti li jiggarantixxi t-“tqabbil oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti sabiex jiġi determinat, f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva”, fis-sens tal-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24. Din il-premessa 90 hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, peress li dan l-Artikolu 67 huwa minnu nnifsu rilevanti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 106 tar-Regolament 2018/1046, sabiex jinftiehem is-sens tal-kriterju tal-għoti tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament imposta mill-Artikolu 167(4) ta’ dan ir-regolament.

95

L-offerta ppreżentata mill-grupp CLL għal-lottijiet kollha kellha tkun is-suġġett ta’ paragun effettiv mal-offerti tal-offerenti l-oħra, separatament għal kull lott. Tali eżami komparattiv seta’ jwassal għal evalwazzjoni differenti tal-offerta tal-grupp CLL għal kull lott. Issa, il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ta punteġġ identiku lill-offerta ta’ dan il-grupp għal kull wieħed mil-lottijiet, minkejja li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jippreċiżaw li ,fil-każ ta’ sottomissjoni ta’ offerta għal diversi lottijiet, kienet ser issir evalwazzjoni ta’ kull lott. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta aċċettat, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni uniformi tal-offerta tal-grupp CLL.

96

Il-fatt li l-offerta tal-grupp CLL kienet, essenzjalment, identika għal kull wieħed mil-lottijiet huwa f’dan ir-rigward irrilevanti, peress li l-offerti tal-offerenti l-oħra kienu differenti minn lott għal ieħor, fatt li għandu jiggarantixxi valur relattiv distint, minn lott għall-ieħor, tal-offerta tal-grupp CLL meta mqabbel ma’ dak tal-kompetituri tiegħu.

97

Iċ-ċaħda tat-tieni motiv hija, barra minn hekk, ivvizzjata minn motivazzjoni kontradittorja.

98

F’dan ir-rigward, l-IC josserva li huwa kkonstatat, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni kkomparat il-proposti tekniċi. F’dan is-sens, il-Kummissjoni effettivament ikkonstatat li l-offerta ta[l-IC] kienet difettuża fir-rigward tal-awtotagħlim. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-offerta ġiet evalwata bħala li hija ta’ inqas kwalità minn dik tal-grupp CLL, peress li ma speċifikatx l-awtotagħlim”. Skont l-IC, meta esprimiet ruħha b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ssuġġeriet li l-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-proposti li jikkompetu bejniethom, fatt li jkun kontradittorju mal-motivi l-oħra tas-sentenza appellata li jwasslu għaċ-ċaħda tat-tieni motiv. Awtomatikament, għandu jitqies li, f’dan il-punt 174, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni effettivament pparagunat l-offerti kompetituri ma’ xulxin. Din il-konstatazzjoni hija, f’każ bħal dan, inkoerenti mal-konstatazzjonijiet l-oħra tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, żnaturament tal-fatti peress li, fir-realtà, il-Kummissjoni ma pparagunatx il-proposti tekniċi kompetituri sabiex tiddetermina l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tagħhom.

99

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Hekk kif jirriżulta mill-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali u miġbura fil-qosor fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni kellha, għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, tibbaża ruħha, konformement mal-Artikolu 167(4) tar-Regolament 2018/1046, fuq il-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, peress li dan il-kriterju jista’, skont din id-dispożizzjoni, jiġi applikat skont il-metodu tal-orħos prezz, dak tal-inqas spiża jew dak tal-aqwa proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz.

101

Minn dawn il-fatti jirriżulta wkoll li l-metodu segwit f’dan il-każ kien dak tal-aqwa proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz.

102

Huwa minnu, hekk kif tenfasizza l-IC, li dan il-metodu jeżiġi paragun oġġettiv tal-“valur relattiv” tal-offerti. Dan ir-rekwiżit jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24, li hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, peress li dan l-Artikolu 67 huwa fih innifsu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 106 tar-Regolament 2018/1046, rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 167(4) ta’ dan ir-regolament.

103

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-IC, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li tali paragun oġġettiv abbażi tal-valur relattiv tal-offerti twettaq f’dan il-każ ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi jew bi żnaturament tal-fatti.

104

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata, li l-offerti tal-grupp CLL u tal-IC ġew, kull waħda minnhom, evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Hekk kif tfakkar fil-punti 23 u 26 ta’ din is-sentenza, dawn l-evalwazzjonijiet wasslu għal punteġġ totali ta’ 88.89 punt minn 100 punt għall-grupp CLL u ta’ 87.40 punt minn 100 punt għall-IC.

105

Dawn il-fatti ma humiex ikkontestati mill-IC.

106

Għalhekk jidher li l-“valur relattiv” tal-offerti ġie effettivament evalwat, peress li l-valur tal-offerta tal-grupp CLL ġie meqjus bħala ogħla b’ 1.49 % punt meta mqabbel mal-valur tal-offerta tal-IC.

107

Barra minn hekk, l-IC ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li jintwera li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni timponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tipparaguna b’mod ieħor l-offerti tal-offerenti jew li tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li l-punt 174 tas-sentenza appellata għandu jiġi interpretat f’dan is-sens. F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dak il-punt 174, li jirreferi għall-punti 165 sa 168 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tifformula ebda evalwazzjoni li tikkontradixxi dawk li jinsabu f’dawn l-aħħar punti. Fil-fatt, fih ġie kkonstatat biss li, meta evalwat kull waħda mill-offerti tekniċi fid-dawl tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-Kummissjoni “kkomparat il-proposti tekniċi”, jiġifieri li hija setgħet tqabbilhom. Dan jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak li jinsab f’dawk il-punti 165 sa 168.

108

L-IC lanqas ma ssostanzja l-allegazzjoni tiegħu li l-evalwazzjoni tal-valur tal-offerta tal-grupp CLL kienet uniformi għal-lottijiet kollha tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Għalkemm ċertament deher li l-lottijiet kollha ta’ dan il-kuntratt ingħataw, fl-ewwel post, lill-grupp CLL, għall-kuntrarju, la mill-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali u lanqas minn dawk invokati mill-IC ma jirriżulta li l-punteġġi miksuba mill-offerenti kklassifikati fit-tieni post għad-diversi lottijiet tal-imsemmi kuntratt kienu identiċi. Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jitqies li l-“valur relattiv” tal-offerta tal-grupp CLL kien uniformi għal-lottijiet kollha.

109

Konsegwentement, ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mill-IC insostenn tat-tieni aggravju tiegħu ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew żnaturat il-fatti meta kkonstatat, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li xejn ma kien jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżit li tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

110

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju tal-IC ma huwiex fondat.

Fuq l-ewwel aggravju tar-Renju ta’ Spanja

L-argumenti tal-partijiet

111

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, billi naqset milli tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.

112

Dan l-Istat Membru jirrileva, minn naħa, li l-punteġġ totali mogħti lill-offerta tal-grupp CLL kien biss ta’ 1.49 punt ogħla minn dak tal-offerta tal-IC. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ dokumenti kien jirrigwarda biss ċerti elementi tas-Subkriterji 1.1 u 1.2. Dan in-nuqqas ta’ dokumenti kien waħda mir-raġunijiet li għalihom l-IC kiseb il-punteġġ ta’ 22/30 u ta’ 21/30 fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn is-subkriterji.

113

Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tippermettix li jsir magħruf għal liema raġunijiet preċiżi dan il-punteġġ ġie attribwit lill-offerta tal-IC.

114

Il-fatt li jingħata aċċess għal tabella ta’ evalwazzjoni li tinkludi sensiela ta’ kummenti dwar elementi differenti ta’ subkriterju, mingħajr indikazzjoni tal-punti miżjuda jew mnaqqsa għal kull wieħed minn dawn l-elementi, ma huwiex suffiċjenti.

115

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali b’mod korrett fakkret, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li, sabiex l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi ssodisfatt, huwa biżżejjed li l-offerent eskluż ikun jista’ jifhem għaliex l-offerta magħżula hija ogħla mill-offerta mhux magħżula. F’dan il-każ, madankollu, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqset milli tikkonstata li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tippermetti preċiżament lill-IC jifhem għaliex l-offerta tal-grupp CLL kienet ġiet evalwata b’mod iktar favorevoli.

116

Ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li huwa ma jikkontestax il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ tal-awtorità kontraenti sabiex tqassam il-punti ta’ kull subkriterju bejn id-diversi elementi tiegħu. Madankollu, huwa jsostni li l-Kummissjoni għandha tippreċiża kemm punti hija tagħti lil kull wieħed minn dawn l-elementi. Insostenn ta’ dan l-argument, huwa jirreferi għall-punti 247 sa 254 tas-sentenza tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO (T‑556/11, EU:T:2016:248).

117

Minn dik is-sentenza jirriżulta li l-assenza ta’ korrelazzjoni bejn, minn naħa, il-kummenti pożittivi u negattivi attribwiti lil kull element evalwat u, min-naħa l-oħra, attribuzzjoni jew tnaqqis speċifiku ta’ punti tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

118

Għaldaqstant, billi ddeċidiet essenzjalment, fil-punti 63, 102, 117 u 118 tas-sentenza appellata, li din l-assenza ta’ korrelazzjoni hija irrilevanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

119

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huma inqas iddettaljati minn dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO (T‑556/11, EU:T:2016:248). Skont ir-Renju ta’ Spanja, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat fid-dritt, peress li jwassal sabiex jiġi affermat li hija l-preċiżazzjoni li biha l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt huma redatti li tiddetermina l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, il-portata ta’ dan l-obbligu ma tistax tiddependi mid-dokumenti tal-kuntratt. F’dan il-każ, huwa l-fatt, ikkonstatat fil-punti 76 sa 78 u 90 tas-sentenza appellata, li kull subkriterju kien fih diversi elementi u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni speċifika permezz ta’ kummenti pożittivi jew negattivi li kien imissu tqies mill-Qorti Ġenerali bħala determinanti.

120

Fl-aħħar nett, skont ir-Renju ta’ Spanja, id-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni għandha tindika l-piż effettivament mogħti fl-evalwazzjoni ta’ kull wieħed mill-elementi li kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni indipendenti.

121

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122

Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur ta’ dan l-att, b’mod li il-persuni kkonċernati jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-imsemmi att u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Agentsia Patna infrastruktura (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq) (C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123

Il-portata preċiża tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati minnu jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Agentsia Patna infrastruktura (Finanzjament Ewropew tal-infrastruttura tat-toroq), C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Ir-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-IC. Filwaqt li ma jikkontestax li l-IC ġie informat, minn naħa, bil-punteġġi miksuba minnu stess u mill-grupp CLL skont kull kriterju u kull subkriterju ta’ għoti, u, min-naħa l-oħra, bil-kummenti pożittivi u negattivi li ġew ifformulati mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, dan l-Istat Membru jqis li l-Kummissjoni kienet obbligata tippreċiża l-korrelazzjoni eżistenti bejn kull wieħed minn dawn il-kummenti u l-punteġġ miksub, b’mod li l-IC ikun f’pożizzjoni li jkun jaf in-numru ta’ punti li ġew speċifikament miżjuda jew imnaqqsa skont kull wieħed mill-imsemmija kummenti.

125

Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-awtorità kontraenti ma tistax tiġi meħtieġa tibgħat lil offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra l-motivi taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sunt iddettaljat tal-mod li bih kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-evalwazzjoni ta’ din l-offertau, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, analiżi komparattiv fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal-offerent eskluż (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jirrikjedix, bħala prinċipju, li għandu jingħata piż speċifiku lil kull kumment negattiv jew pożittiv fl-evalwazzjoni. Madankollu, f’każ li d-dokumenti tal-kuntratt ikun fihom piż iċċifrat speċifiku marbut mal-kriterji jew mas-subkriterji, il-prinċipju ta’ trasparenza jirrikjedi li għandha ssir evalwazzjoni numerika ta’ dawn il-kriterji jew ta’ dawn is-subkriterji (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punt 63).

127

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu ponderazzjoni ta’ punti fil-livell tal-kriterji u tas-subkriterji, iżda li dawn kienu jiddistingwu wkoll, fi ħdan kull subkriterju, bejn diversi elementi li, min-naħa tagħhom, ma kinux individwalment mogħnija b’ponderazzjoni speċifika ta’ punti.

128

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif esponiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkalkola u lanqas, għaldaqstant, tindika, fid-deċiżjoni tagħha jew fit-tabelli ta’ evalwazzjoni trażmessi lill-IC, b’liema preċiżazzjoni, espress f’punti, kull kumment li jirrigwarda element individwali ta’ subkriterju, kien jikkontribwixxi għall-punteġġ miksub taħt dan is-subkriterju.

129

Ċertament, jista’ jkun mod ieħor meta jkun previst li jiġu attribwiti frazzjonijiet ta’ punt għal element wieħed jew iktar ta’ subkriterju. F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġu li l-frazzjonijiet ta’ punti attribwiti abbażi ta’ kummenti pożittivi u negattivi fuq dawn l-elementi ta’ dan is-subkriterju jiġu żvelati lill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punti 65 sa 67). Madankollu, f’dan il-każ, jidher li d-diversi elementi tas-subkriterji ma kinux mogħnija individwalment b’ponderazzjoni speċifika ta’ punti. Hekk kif tfakkar fil-punt 126 ta’ din is-sentenza, l-awtorità kontraenti tista’ tillimita l-evalwazzjoni numerika biss għal-livell tal-kriterji u tas-subkriterji. Għaldaqstant, din ma hijiex obbligata tidentifika, fi ħdan il-punteġġ mogħti għal subkriterju, frazzjonijiet ta’ punteġġ taħt kull komponent individwali ta’ dan is-subkriterju. Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata li l-kummenti pożittivi u negattivi espressi fir-rigward ta’ dawn il-komponenti ma kellhomx iwasslu għall-attribuzzjoni ta’ piż numeriku fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-kummenti.

130

Għaldaqstant, it-tieni aggravju invokat mir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju tar-Renju ta’ Spanja

L-argumenti tal-partijiet

131

Ir-Renju ta’ Spanja josserva li t-tieni motiv tal-IC quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda l-assenza ta’ paragun bejn l-offerti tal-grupp CLL u tal-IC, u li, permezz tal-ħames motiv tagħha, l-IC ilmentat li l-Kummissjoni tat il-lottijiet kollha tal-kuntratt lil fornitur ta’ servizzi wieħed.

132

Dan l-Istat Membru jfakkar li, sabiex isostni dawn il-motivi tal-IC, huwa invoka quddiem il-Qorti Ġenerali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi wera b’mod konkret id-differenza fit-trattament subita mill-IC.

133

Dan l-argument ġie eżaminat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

134

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja josserva li huwa enfasizza, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda evalwazzjoni speċifika tal-kontenut tal-offerta tal-grupp CLL dwar l-istadju tat-taħriġ lingwistiku msejjaħ “evalwazzjonijiet kumulattivi finali”. Fir-rigward tal-offerta tal-IC, hija, għall-kuntrarju, esprimiet kummenti negattivi fuq dan l-aspett.

135

Fil-punt 176 tas-sentenza appellata, filwaqt li rrikonoxxiet din id-differenza, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tqis li din kienet iġġustifikata min-nuqqas ta’ dokumenti fl-offerta tal-IC. Issa, skont ir-Renju ta’ Spanja, għalkemm in-nuqqas ta’ dokumenti jista’ jispjega l-kummenti negattivi dwar din l-offerta, dan ma jistax jispjega l-assenza ta’ kummenti, dwar l-evalwazzjonijiet kumulattivi finali, fuq l-offerta tal-grupp CLL.

136

It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li huwa kien invoka, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li, fl-evalwazzjoni tas-Subkriterju 1.1, il-Kummissjoni kienet ikkummentat b’mod pożittiv dwar l-offerta tal-grupp CLL fir-rigward ta’ ċerti għodod diġitali proposti minn dan il-grupp, filwaqt li, fir-rigward tal-għodod diġitali proposti fl-offerta tal-IC, din l-istituzzjoni sempliċement indikat, mingħajr evalwazzjoni, li din l-offerta kienet telenka tali għodod.

137

Fil-punti 179 u 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi qieset li, fir-rigward tal-għodod diġitali, il-kumment dwar l-offerta tal-IC kien ekwivalenti għal dak relatat mal-offerta tal-grupp CLL. Tali evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata peress li l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ dan l-element tas-Subkriterju 1.1, naqset milli tifformula evalwazzjoni tal-offerta tal-IC.

138

Fir-realtà, fid-dawl tal-assenza ta’ miżura istruttorja intiża li tobbliga lill-Kummissjoni tispjega ruħha dwar dan is-suġġett, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf jekk il-Kummissjoni tatx l-istess punteġġ lill-grupp CLL u lill-IC għall-imsemmi element tas-Subkriterju 1.1.

139

Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li huwa kien, għaldaqstant, talab lill-Qorti Ġenerali titlob lill-Kummissjoni tipproduċi l-evalwazzjoni kompleta tas-Subkriterji 1.1 u 1.2. Skont dan l-Istat Membru, din il-miżura istruttorja kienet neċessarja sabiex tissostanzja l-argument li l-Kummissjoni, waqt l-evalwazzjoni tas-Subkriterju 1.1, semmiet u evalwat speċifikament l-għodod diġitali proposti mill-grupp CLL, iżda mhux dawk proposti mill-IC, fejn dawn tal-aħħar ma ġewx evalwati sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk dawn jiffaċilitawx il-konsolidazzjoni tat-tagħlim jew jekk jippermettux evalwazzjoni kontinwa.

140

L-imsemmi Stat Membru jżid li, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba għal miżura istruttorja minħabba li mill-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li tali talba ma tistax titressaq minn intervenjent. Madankollu, tali interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 88 hija żbaljata, peress li hija bbażata waħedha fuq din id-dispożizzjoni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li taħtu din taqa’. Dan il-kuntest jinkludi l-Artikolu 145(2)(ċ) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, li jippermetti lill-intervenjenti jipproduċu provi u proposti ta’ provi.

141

It-tielet, ir-Renju ta’ Spanja josserva li huwa sostna quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kienet evalwat il-metodi ta’ tagħlim proposti fl-offerta tal-IC, iżda mhux dawk proposti fl-offerta tal-grupp CLL.

142

Billi ċaħdet dan l-argument fil-punt 178 tas-sentenza appellata minħabba li l-aċċettazzjoni tiegħu “[t]ammonta għal trattament iktar favorevoli [għall-IC]”, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-imsemmi argument. Fl-assenza ta’ dan l-iżnaturament, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata li d-differenza fit-trattament imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija inaċċettabbli, peress li, li kieku l-Kummissjoni kienet evalwat il-metodi ta’ tagħlim proposti mill-grupp CLL, hija setgħet tasal għal evalwazzjoni negattiva tagħhom.

143

Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li huwa sostna quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni llimitat ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tal-grupp CLL dwar l-element “organizzazzjoni tal-kontenut” imsemmi fis-Subkriterju 1.1, għal analiżi formali li wasslet għall-kumment li din l-organizzazzjoni kienet iddettaljata u kellha struttura ċara ħafna, filwaqt li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tal-IC, hija kienet ikkummentat dwar il-kontenut tal-korsijiet.

144

Fil-punt 182 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat dan l-argument minħabba li l-Kummissjoni kienet ikkummentat b’mod pożittiv fuq il-kontenut tal-korsijiet, filwaqt li r-Renju ta’ Spanja kkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda evalwazzjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ dan il-kontenut.

145

Fid-dawl ta’ dawn l-erba’ eżempji, ir-Renju ta’ Spanja jikkonkludi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni applikat metodoloġija differenti fl-evalwazzjoni tal-offerti tal-IC u tal-grupp CLL. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 145(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

146

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147

Hekk kif jesponi r-Renju ta’ Spanja, il-punti tas-sentenza appellata li huwa jikkontesta permezz tat-tielet aggravju tiegħu jindirizzaw argumenti li huwa kien qajjem insostenn tat-tieni u tal-ħames motiv tal-IC, li permezz tagħhom dan tal-aħħar ikkritika, b’mod partikolari, il-fatt li l-lottijiet kollha tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni kienu ngħataw lill-grupp CLL. Dan ir-riżultat favorevoli għall-grupp CLL kien il-konsegwenza ta’ lakuni, jew saħansitra ta’ trattament arbitrarju, fl-ipparagunar tal-offerti. Skont dawn l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, mit-tabelli ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-grupp CLL u tal-IC dwar il-Lott Nru 3 jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL ma kinitx, f’ċerti aspetti, iddettaljata daqs l-evalwazzjoni tal-offerta tal-IC u kienet, fuq aspetti oħra, iktar iddettaljata minnha.

148

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li jeżistu diverġenzi, f’termini ta’ kontenut jew ta’ livell ta’ dettall, bejn il-kummenti magħmula mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni dwar id-diversi offerti ma huwiex, fih innifsu, indizju tal-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament jew ta’ trattament arbitrarju. Peress li l-offerti huma differenti minn xulxin, dawn iwasslu għall-formulazzjoni ta’ kummenti li jistgħu, fuq ċerti aspetti, ikunu iktar iddettaljati fir-rigward ta’ offerent milli fir-rigward ta’ ieħor.

149

Għalkemm, ċertament, l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament jew ta’ trattament arbitrarju għandha tiġi kkonstatata meta jiġu prodotti indizji preċiżi u konkordanti ta’ tali aġir illegali, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mill-punti tas-sentenza appellata msemmija fit-tielet aggravju tar-Renju ta’ Spanja ma jirriżultax li tali indizji nstabu fit-tabelli ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-grupp CLL u tal-IC dwar il-lott Nru 3.

150

Din l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li hija ta’ natura fattwali, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

151

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għalhekk, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-kompetenza tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, PKK vs Il‑Kunsill, C‑72/23 P, EU:C:2025:182, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr indikazzjoni ta’ punti ta’ fatt li ġew żnaturati.

152

Konsegwentement, sa fejn it-tielet aggravju tar-Renju ta’ Spanja huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà fl-evalwazzjoni tal-offerti, dan l-aggravju huwa inammissibbli.

153

Għall-kuntrarju, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ċ-ċaħda, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, tat-talba tiegħu għal miżura istruttorja hija bbażata fuq qari żbaljat tal-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u ċċaħħad għalhekk l-effett utli tal-Artikolu 145(2)(ċ) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, dan l-Istat Membru jqajjem kwistjoni ta’ liġi.

154

L-Artikolu 88(1) tal-imsemmija regoli tal-proċedura jipprovdi li l-miżuri istruttorji jistgħu jiġu adottati jew ex officio, jew fuq talba ta’ parti prinċipali.

155

Hekk kif jirriżulta mingħajr ambigwità minn din id-dispożizzjoni, l-intervenjenti ma humiex awtorizzati jressqu talbiet għal miżuri istruttorji quddiem il-Qorti Ġenerali.

156

Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, din l-esklużjoni tal-intervenjenti ma ċċaħħadx l-effett utli tal-Artikolu 145(2)(ċ) tal-istess regoli tal-proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li teżiġi li n-nota ta’ intervent tinkludi l-provi u l-offerti ta’ provi li fuqhom huma bbażati l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent, tirrigwarda l-provi prodotti jew offruti mill-intervenjenti stess u mhux il-provi li parti oħra tipproduċi sussegwentement għal miżura istruttorja meħuda mill-Qorti Ġenerali.

157

Konsegwentement, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 145(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-tielet aggravju tar-Renju ta’ Spanja huwa infondat.

158

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju tar-Renju ta’ Spanja

L-argumenti tal-partijiet

159

Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jinkludi b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ imparzjalità oġġettiva u ta’ trasparenza. Billi ċaħdet il-ħames motiv tal-IC, il-Qorti Ġenerali kisret dawn ir-rekwiżiti.

160

F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li tkun ibbażata fuq il-kriterju ta’ għoti l-aqwa proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz, l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta għandha ssir separatament mill-evalwazzjoni tal-prezz. Tali separazzjoni tkun tiżgura li l-evalwazzjoni tal-kwalità ma tkunx influwenzata mill-prezz. B’hekk jiġi evitat li offerta iktar għolja titqies, minħabba dan il-fatt stess, bħala li hija ta’ kwalità aħjar.

161

Fil-punt 209 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod korrett ikkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-Renju ta’ Spanja ma kellux l-intenzjoni jinvoka parzjalità suġġettiva tal-membri tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Madankollu, fil-punt 208 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-imsemmi argument, li huwa bbażat fuq ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva, fis-sens li permezz tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja kien qiegħed jikkritika lill-Kummissjoni li l-ewwel evalwat il-prezz u sussegwentement il-kwalità tal-offerti. Dan il-qari tal-argument tiegħu huwa żbaljat peress li, fir-realtà, it-tħassib ta’ dan l-Istat Membru kien jirrigwarda r-riskju li ma tkunx iggarantita s-separazzjoni bejn dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet.

162

Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Qorti Ġenerali kien imissha kkonstatat li ma setax jiġi eskluż li l-Kummissjoni kienet evalwat simultanjament il-prezz u l-kwalità tal-offerti, u li, b’dan il-mod, hija kienet influwenzata mill-prezz għoli tal-offerta tal-grupp CLL sabiex tikkonkludi, abbażi tal-prezz, li din l-offerta kienet ta’ kwalità għolja.

163

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jfakkar li, sabiex jintwera li l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma toffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Huwa suffiċjenti li jkun jeżisti dubju leġittimu u li dan ma jkunx jista’ jitneħħa.

164

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

165

Id-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jinkludi, skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jkun jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jinkludi komponent suġġettiv u komponent oġġettiv. Konformement ma’ dan il-komponent tal-aħħar, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom joffru garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, D & A Pharma vs Il‑Kummissjoni u EMA, C‑291/22 P, EU:C:2024:228, punti 7273 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

166

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, miġbura fil-qosor fil-punti 15 sa 19 ta’ din is-sentenza, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu evalwazzjoni distinta tal-prezz, ponderat għal 30 %, u tal-kwalità, ponderata għal 70 %. Din id-distinzjoni prevista mill-ispeċifikazzjonijiet hija stretta. Fil-fatt, mid-deskrizzjoni tal-kriterji u tas-subkriterji dwar il-kwalità jirriżulta li kull wieħed minnhom huwa totalment estranju għall-prezz tal-offerta.

167

Fil-punti 208 u 209 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma kien ipproduċa ebda prova jew indizju li l-Kummissjoni ma kinitx osservat din id-distinzjoni jew kienet organizzat il-proċedura b’mod li l-evalwazzjoni bbażata fuq il-kwalità tkun influwenzata minn dik ibbażata fuq il-prezz.

168

Ir-Renju ta’ Spanja ma jinvoka ebda żnaturament ta’ fatti sabiex jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

169

Issa, l-imsemmija evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ppermettiet debitament li jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità. Fil-fatt, anki jekk jitqies li t-tħassib espress minn dan l-Istat Membru fuq eventwali preġudizzju favur l-offerta l-iktar għolja għandha xi rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li distinzjoni, bħal dik magħmula mid-dokumenti tal-kuntratt, bejn l-evalwazzjoni bbażata fuq il-prezz u dik ibbażata fuq il-kwalità tipprovdi garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar tali preġudizzju eventwali.

170

Konsegwentement, sa fejn ir-raba’ aggravju tar-Renju ta’ Spanja huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

171

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżit ta’ trasparenza, mingħajr madankollu ma ppreżenta ebda argument speċifiku f’dan ir-rigward. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punti 5758). Minn dan isegwi li l-ilment tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq ksur tar-rekwiżit ta’ trasparenza huwa inammissibbli.

172

Dan l-aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

173

Peress li ebda aggravju invokat insostenn tal-appelli ma ntlaqa’, dawn l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

174

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

175

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli tal-proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

176

Peress li l-Kummissjoni talbet li l-IC u r-Renju ta’ Spanja jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu fir-rigward tal-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appelli.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli fil-Kawżi C-534/23 P u C‑539/23 P huma miċħuda.

 

2)

L-Instituto Cervantes u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-appelli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.