SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi fis-suq intern – Direttiva 2005/29/KE – Mezzi intiżi għall-ġlieda kontra tali prattiki – Artikoli 11 u 13 – Proċeduri ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni – Osservanza tat-terminu raġonevoli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu tal-awtorità nazzjonali li tipproċedi għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu ta’ dekadenza ta’ 90 jum mill-għarfien tal-elementi essenzjali tal-ksur – Annullament sħiħ u awtomatiku tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Dekadenza tas-setgħa li tinfetaħ proċedura ġdida ta’ ksur għall-istess fatti – Prinċipju ta’ effettività – Drittijiet tad-difiża tal-impriżi”

Fil-Kawża C‑510/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

Trenitalia SpA

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Federconsumatori,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Trenitalia SpA, minn P. Fattori, A. Lirosi u S. Spagnuolo, avvocati,

–

għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca u P. Gentili, avvocati dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea minn P. Kienapfel, P. Ondrůšek u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005 L 149, p. 22, u r-rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Trenitalia SpA u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità Garanti tal-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) dwar sanzjonijiet imposti minn din tal-aħħar lil Trenitalia minħabba prattika kummerċjali żleali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/29

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.”

5

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Infurzar”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

Dawn il-mezzi għandhom jinkludu disposizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi kompetituri, jistgħu:

(a)

jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali

u/jew

(b)

iġibu każijiet ta’ tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

[…]

2.   Taħt id-disposizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta’ l-interessi kollha involuti u b’mod partikolari ta’ l-interess pubbliku:

(a)

jordnaw il-waqfien, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ waqfien, ta’ prattiċi kummerċjali żleali,

jew

(b)

jekk il-prattika kummerċjali żleali għadha ma seħħetx iżda hija imminenti, jordnaw il-projbizzjoni tal-prattika, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ projbizzjoni tal-prattika,

anki mingħajr prova ta’ telf jew ħsara attwali jew ta’ intenzjoni jew negligenza min-naħa tal-kummerċjant.

[…]”

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti jrid ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Ir-Regolament Nru 2006/2004

7

Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU 2004, L 364, p. 1), kif emendat bid-Direttiva 2005/29 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2006/2004”), kienet ifformulata kif ġej:

“Il-kapaċità ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw liberament fuq bażi reċiproka fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta’ ksur intra-Komunitarju u t-teħid ta’ azzjoni biex iwaqqfu jew jipprojbixxu dan, hija essenzjali biex it-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi jkunu garantiti.”

8

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2006/2004, intitolat “L-Għan”, kien jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri nominati bħala responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni [Ewropea] sabiex jiżguraw konformità ma’ dawk il-liġijiet, u t-tħaddim bla intoppi tas-suq intern u biex isaħħu l-protezzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

9

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi’ tfisser id-Direttivi kif trasposti fl-ordni legali intern ta’ l-Istati Membri u r-Regolamenti elenkati fl-Anness;

[…]”

10

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar”, kien jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ l-infurzar. Għandhom ipartu kull informazzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan.

2.   Meta awtoritajiet kompetenti jsiru jafu li xi ksur intra-Komunitarju jagħmel ħsara lill-konsumaturi f’iżjed minn żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti konċernati għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ l-infurzar u t-talbiet għall-assistenza reċiproka tagħhom permezz ta’ l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni. B’mod partikolari għandhom ifittxu li jwettqu investigazzjonijiet u jieħdu miżuri ta’ infurzar simultanji.

[…]”

11

L-Anness tal-istess regolament kien isemmi, fil-punt 16 tiegħu, id-Direttiva 2005/29.

12

Ir-Regolament Nru 2006/2004 ġie mħassar b’effett mis‑17 ta’ Jannar 2020 mir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2017, L 345, p. 1).

Id-dritt Taljan

Il-Kodiċi tal-Konsum

13

L-Artikolu 27 tad-decreto legislativo n. 206 – Codice del consumo (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206, dwar il-Kodiċi tal-Konsum), tas‑6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat‑8 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Protezzjoni amministrattiva u ġudizzjarja”, jipprovdi:

“1.   L-[AGCM] teżerċita l-kompetenzi rregolati minn dan l-artikolu anki bħala awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tar-[Regolament Nru 2006/2004], fil-limiti tad-dispożizzjonijiet legali.

[…]

2.   L-[AGCM], ex officio jew fuq talba ta’ kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għandha interess, tipprojbixxi t-tkomplija ta’ prattiki kummerċjali żleali u telimina l-effetti tagħhom. Għal dan il-għan, l-[AGCM] tuża s-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni previsti mir-Regolament [Nru 2006/2004] iċċitat iktar ’il fuq anki għal dak li jirrigwarda l-ksur mhux transkonfinali. […]

[…]

13.   Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji sussegwenti għall-ksur ta’ dan id-digriet huma suġġetti, sa fejn ikunu applikabbli, għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I, Taqsima I u tal-Artikoli 26, 27, 28 u 29 tal-[legge n. 689 – Modifiche al sistema penale (il-Liġi Nru 689 li Temenda s-Sistema Kriminali), tal‑24 ta’ Novembru 1981, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 689/81”)]. […]”

Il-Liġi Nru 689/81

14

Il-Liġi Nru 689/81 tirregola s-sistema ġenerali tal-multi amministrattivi u, fl-Artikolu 14 tagħha, intitolat “Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u komunikazzjoni”, tipprevedi:

“Il-ksur għandu, jekk possibbli, jiġi kkomunikat immedjatament kemm lil min iwettaq il-ksur kif ukoll lill-persuna marbuta in solidum għall-ħlas tas-somma dovuta minħabba dan il-ksur.

Meta ma jkunx hemm komunikazzjoni immedjata lill-persuni kollha msemmija fil-paragrafu preċedenti, l-elementi tal-ksur għandhom jiġu kkomunikati lill-persuni kkonċernati li jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika f’terminu ta’ 90 jum u lil dawk li jirrisjedu f’pajjiż barrani f’terminu ta’ 360 jum sa mill-konstatazzjoni [tal-ksur].

Meta d-dokumenti relatati mal-ksur jintbagħtu lill-awtorità kompetenti permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja, it-termini previsti fil-paragrafu preċedenti jibdew jiddekorru mid-data li fiha tirċievi [dawn id-dokumenti].

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Trenitalia hija l-kumpannija ewlenija li tiġġestixxi t-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija li topera fl-Italja. Hija tiżgura kemm is-servizzi ta’ trasport bil-ferrovija reġjonali u dawk ta’ distanza medja u twila, b’din l-aħħar kategorija tinkludi, b’mod partikolari, it-treni ta’ veloċità qawwija.

16

Bejn is-sena 2011 u s-sena 2016, l-AGCM irċeviet senjalazzjonijiet kif ukoll ilmenti min-naħa ta’ konsumaturi, tal-Autorità di regolazione dei trasporti (l-Awtorità li Tirregola t-Trasport, l-Italja), kif ukoll mill-assoċjazzjoni Federconsumatori, li kienu jikkonċernaw il-metodi ta’ bejgħ ta’ biljetti tal-ferrovija online. Fil-21 ta’ Ottubru 2016, l-AGCM żiedet mal-fajl ir-riżultati ta’ simulazzjonijiet ta’ xiri mwettqa mill-uffiċjali tagħha bejn is‑26 ta’ Awwissu u t‑30 ta’ Settembru 2016.

17

Fil-15 ta’ Novembru 2016, l-AGCM ikkomunikat lil Trenitalia bid-deċiżjoni li tiftaħ proċedura intiża għall-konstatazzjoni ta’ ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u pproċediet bi spezzjoni fis-sede ta’ din il-kumpannija, li tat lok għal sekwestru ta’ dokumenti. Il-konsulenti ta’ Trenitalia setgħu jikkonsultaw il-fajl ta’ investigazzjoni u jressqu argumenti ta’ difiża. Barra minn hekk, il-kumpannija li pprovdiet is-sistema informatika użata minn Trenitalia kienet ukoll is-suġġett ta’ spezzjoni.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2017, l-AGCM ikkonstatat l-eżistenza ta’ prattika kummerċjali żleali minn Trenitalia fil-kuntest tal-bejgħ ta’ biljetti tal-ferrovija online. Fil-fatt, skont l-AGCM, is-soluzzjonijiet ta’ vvjaġġar mogħtija lill-konsumatur permezz tas-sistema telematika ta’ informazzjoni, ta’ riċerka u ta’ xiri ta’ biljett minn Trenitalia kienu jinvolvu prinċipalment l-użu ta’ treni ta’ veloċità qawwija, filwaqt li, għall-istess ħinijiet, l-użu ta’ treni reġjonali, ferm inqas għoljin, iżda mhux propost, kien possibbli. Konsegwentement, din l-awtorità ordnat lil Trenitalia twaqqaf il-prattika allegata, tatha terminu sabiex tidentifika l-miżuri neċessarji għal dan il-għan, u, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur, imponitilha multa ta’ EUR 5 miljuni.

19

Trenitalia kkontestat id-deċiżjoni tal-AGCM tad‑19 ta’ Lulju 2017 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi invokat, b’mod partikolari, in-natura tardiva tal-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura li tat lok għal din id-deċiżjoni.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza reċenti tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-proċeduri mmexxija mill-AGCM fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi huma suġġetti għall-osservanza tal-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 689/81, li bis-saħħa tiegħu din l-awtorità hija marbuta, suġġett għad-dekadenza tas-setgħa tagħha li tissanzjona, tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu ta’ 90 jum mill-mument meta ssir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat (iktar ’il quddiem it-“terminu inkwistjoni”).

21

Il-punt inizjali tat-terminu inkwistjoni huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju li fil-kuntest tiegħu l-qorti amministrattiva għandha twettaq evalwazzjoni retrospettiva u tivverifika minn liema mument l-elementi għad-dispożizzjoni tal-AGCM f’mument speċifiku kienu suffiċjenti sabiex din tkun tista’ tagħmel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u b’hekk tagħti bidu għall-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura. Kull qbiż ta’ dan it-terminu jagħti lok għall-annullament, fl-intier tiegħu, tad-deċiżjoni tal-AGCM adottata fi tmiem il-proċedura ta’ ksur. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, din l-awtorità ma tkunx iżjed f’pożizzjoni li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika, anki meta l-impriża kkonċernata qatt ma tkun waqfet milli twettaq dan il-ksur.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni tippreġudika l-awtonomija tal-AGCM billi tobbligaha tinvestiga każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha billi ssegwi ordni purament kronoloġika, mingħajr ma din tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni karatteristiċi partikolari inerenti għal kull każ. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kumplessità kbira tal-attività tal-AGCM, b’mod partikolari waqt investigazzjonijiet dwar il-prattiki ta’ atturi ekonomiċi kbar, antiċipazzjoni eċċessiva tal-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura żżid ir-riskju li din l-awtorità ma tasalx tiġbor l-elementi neċessarji u suffiċjenti bil-għan li jiġi stabbilit il-ksur ikkritikat.

23

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tislet parallel mas-sanzjonijiet adottati fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li l-awtorità kompetenti hija marbuta tikkonkludi l-proċedura ta’ ksur f’“terminu raġonevoli”. Dan l-aħħar terminu japplika wkoll, b’analoġija, fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fejn għalhekk jeħtieġ li t-terminu inkwistjoni jiġi eskluż, ġaladarba fi kwalunkwe każ dan ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

24

Barra minn hekk, peress li l-impriża ssuspettata li wettqet prattiki kummerċjali żleali ma hijiex marbuta, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali hekk kif interpretat mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), tistabbilixxi li hija ġarrbet preġudizzju minħabba l-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura lil hinn mit-terminu inkwistjoni, minn dan tirriżulta preżunzjoni inkonfutabbli ta’ preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża sempliċement minħabba dan il-qbiż ta’ terminu.

25

Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni ta’ terminu li l-punt inizjali tiegħu jkun jiddependi mill-każ inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li l-osservanza tagħhom għandha tkun tista’ tiġi pretiża mill-impriżi ssanzjonati.

26

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni għall-proċeduri ta’ investigazzjoni dwar ksur issanzjonat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 11 tad-Direttiva [2005/29], moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-konsumatur u ta’ effettività tal-azzjoni amministrattiva, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-[Liġi Nru 689/81] – kif interpretata mill-ġurisprudenza u mid-duttrina – li jirrikjedi li l-[AGCM] tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari għall-verifika ta’ prattika kummerċjali żbaljata (żleali) f’terminu ta’ skadenza ta’ 90 jum, li jiddekorri mill-mument li fih l-Awtorità jkollha għarfien tal-elementi essenzjali tal-ksur, u dawn l-elementi jistgħu jiġu limitati għal meta l-ksur jiġi rrapportat l-ewwel darba?”

Fuq id-domanda preliminari

28

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha l-obbligu li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha u li tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-ħtieġa, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment fit-test tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, minkejja li llimitat id-domanda tagħha għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/29, tindika wkoll li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni jagħti lok għall-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali adottata mill-AGCM kif ukoll id-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida bbażata fuq l-istess fatti. B’dan premess, sa fejn l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva tirrigwarda d-determinazzjoni, mill-Istati Membri, tas-sistemi ta’ sanzjoni applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda b’applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula billi jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni dan l-Artikolu 13.

30

Sabiex tingħata risposta għalkollox utli, għalhekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva 2005/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, waqt proċedura intiża għall-konstatazzjoni ta’ prattika kummerċjali żleali mwettqa minn awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, minn naħa, timponi lil din l-awtorità tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja ta’ din il-proċedura billi tikkomunika d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata f’terminu ta’ 90 jum mill-mument li fih issir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat, fejn jista’ jkun li dawn tal-aħħar jillimitaw ruħhom għall-ewwel komunikazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu permezz tal-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtorità fi tmiem il-proċedura ta’ ksur kif ukoll permezz tad-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika.

31

Bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2005/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiki kummerċjali żleali sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fl-interess tal-konsumaturi. Il-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu 11 jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet amministrattivi setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li dawn il-miżuri huma neċessarji wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kollha involuti, u b’mod partikolari l-interess pubbliku, jawtorizzawhom jordnaw il-waqfien ta’ prattiki kummerċjali żleali jew jistitwixxu l-proċedimenti legali xierqa bil-għan li jiġi ordnat il-waqfien tal-imsemmija prattiki.

32

Barra minn hekk, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sistema tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħhom, u għalhekk is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

33

Kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 1 u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2005/29, din għandha bħala għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, għal dan il-għan, li tiggarantixxi li l-prattiki kummerċjali żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi fl-interess tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 54, kif ukoll tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa),C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 81).

34

Madankollu, din id-direttiva sempliċement tipprevedi, fl-Artikolu 5(1) tagħha, li l-prattiki kummerċjali żleali “għandhom ikunu projbiti” filwaqt li tħalli, għalhekk, lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jiġġieldu, konformement mal-Artikoli 11 u 13 tal-imsemmija direttiva, dawn il-prattiki, bil-kundizzjoni li dawn ikunu adegwati u effikaċi u li s-sanzjonijiet hekk previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bankia, C‑109/17, EU:C:2018:735, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa),C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 79).

35

Għalhekk, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni li tirregola t-termini proċedurali intiżi li jiżguraw l-eżistenza ta’ mezzi adegwati u effikaċi bil-għan li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali u li jissanzjonawhom b’mod effetti, proporzjonat u dissważiv, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 43 sa 45; tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény‑Toll, C‑615/21, EU:C:2023:573, punt 34, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 303).

36

Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, ma jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 46, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény-Toll, C‑615/21, EU:C:2023:573, punti 35 u 47).

37

Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-iffissar ta’ termini proċedurali raġonevoli għall-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali termini raġonevoli huma stabbiliti fl-interess kemm tal-impriżi kkonċernati kif ukoll ta’ dawn l-awtoritajiet, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 28, u tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 48).

38

B’hekk, ir-regoli nazzjonali li jiffissaw it-termini proċedurali fil-qasam tal-istabbiliment tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali għandhom, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ikollhom it-tendenza li l-każijiet jiġu pproċessati f’terminu raġonevoli filwaqt li ma jkollhomx bħala effett li jikkompromettu l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2005/29 fl-ordinament ġuridiku intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 49).

39

Sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni tosservax tali ekwilibriju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul tat-terminu kkonċernat kif ukoll il-modalitajiet kollha ta’ applikazzjoni tagħha, bħad-data li fiha tibda tiddekorri, il-modalitajiet li għandhom iseħħu sabiex dan it-terminu jingħata bidu kif ukoll dawk li jippermettu s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 50, u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30).

40

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi partikolari marbuta mal-kawżi li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, u, b’mod iktar partikolari, il-fatt li dawn il-kawżi jistgħu jeħtieġu t-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 51).

41

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-iffissar tal-limiti ratione temporis madwar il-proċeduri mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali u li jissanzjonawhom, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ termini suffiċjentement preċiża, ċara u prevedibbli sabiex l-atturi kollha involuti jkunu jistgħu jsiru jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li r-regoli inkwistjoni jimponulhom u sabiex b’konsegwenza ta’ dan jieħdu l-miżuri tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 49; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 48, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2024, Die Länderbahn et, C‑582/22, EU:C:2024:213, punt 66).

42

F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar proċeduri ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mressqa mill-Kummissjoni jirriżulta li l-osservanza tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli hija meħtieġa, bħala prinċipju, f’kull stadju involut f’dawn il-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 199 u 230, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punti 37 sa 39).

43

Għal raġunijiet analogi, waqt l-iffissar tat-termini proċedurali fil-qasam tal-istabbiliment tal-ksur u tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, l-Istati Membri jistgħu mhux biss jipprevedu regoli ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-proċedura ta’ ksur fl-intier tagħha, iżda jistgħu jipprevedu wkoll, jekk ikun il-każ, termini madwar l-iżvolġiment ta’ ċerti stadji ta’ din il-proċedura, bħal dik tal-fażi li tippreċedi l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata, sa fejn it-termini inkwistjoni jkunu konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ din il-fażi għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 82). B’mod iktar partikolari, it-tul ta’ terminu proċedurali madwar l-imsemmija fażi għandu jkun materjalment suffiċjenti sabiex jiżgura l-iżvolġiment it-tajjeb tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 29, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba ulterjuri – Terminu għall-preżentata ta’ rikors), C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 57).

45

Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mressqa mill-Kummissjoni, il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li testendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma hijiex intiża biss sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew li ma jikkonfermawx l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda wkoll sabiex tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar l-orjentazzjoni tal-proċedura kif ukoll dwar is-segwitu ulterjuri li għandu jingħata lil din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 182, kif ukoll tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 113).

46

Għalkemm il-kumplessità ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni tista’ tiġġustifika li l-fażi preliminari tagħha tinfirex fuq perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 62, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Irish Wind Farmers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, C‑578/21 P, EU:C:2022:898, punt 88), b’danakollu l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata toqgħod fi stat ta’ inazzjoni matul din il-fażi tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, C‑282/95 P, EU:C:1997:159, punt 36, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 81).

47

Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat bis-sħiħ fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkostitwixxi l-garanzija essenzjali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il‑Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, EU:C:2017:819, punti 139 u 140; tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 60, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 56).

48

Għalhekk il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza huma rilevanti wkoll fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mressqa, fuq livell nazzjonali, minn awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jitwaqqaf ksur ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

49

B’dan premess, sabiex iwettqu b’mod effikaċi l-obbligu tagħhom li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, l-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam għandhom ikunu f’qagħda li jallokaw livelli ta’ prijorità differenti għall-ilmenti li jitressqu quddiemhom billi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, f’dan ir-rigward, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 46, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il‑Kummissjoni, C‑56/12 P, EU:C:2013:575, punti 72 u 83).

50

It-tieni nett, ir-Regolament Nru 2006/2004, applikabbli fil-mument tal-ftuħ tal-fażi kontradittorja tal-proċedura fil-kawża prinċipali, u, sussegwentement, ir-Regolament 2017/2394, ġabu fis-seħħ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni li fil-kuntest tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi jistgħu jaslu jikkooperaw u jikkoordinaw bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra ċerti kategoriji ta’ ksur tal-atti msemmija fl-anness ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti, fosthom id-Direttiva 2005/29.

51

Konformement mal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 2006/2004, l-awtoritajiet kompetenti kellhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi billi jirsistu li jwettqu investigazzjonijiet u jadottaw miżuri ta’ eżekuzzjoni b’mod simultanju. Kif jirriżulta mill-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw liberament fuq bażi reċiproka fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-konstatazzjoni tal-ksur kopert mill-imsemmi regolament, l-investigazzjoni ta’ dan il-ksur u t-teħid ta’ miżuri sabiex iwaqqfu jew jipprojbixxu tali ksur hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

52

Kemm mill-għan innifsu tal-fażi li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ proċedura ta’ ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mill-marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu jkollha awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni f’din il-materja fit-tfassil tal-prijoritajiet għall-proċeduri tagħha f’dan il-qasam jirriżulta li, waqt din il-fażi tal-proċedura, tali awtorità għandha tkun f’qagħda mhux biss li tipproċedi għall-miżuri kollha ta’ investigazzjoni minn qabel kif ukoll għall-evalwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi ta’ spiss kumplessi li huma neċessarji għaliha sabiex tevalwa jekk il-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja huwiex iġġustifikat, iżda wkoll li tagħżel, skont il-livell ta’ prijorità li hija tixtieq talloka, fl-eżerċizzju tal-indipendenza operattiva tagħha, lil proċedura ta’ ksur fis-seħħ, l-iktar mument opportun sabiex tagħti bidu, jekk ikun il-każ, għall-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tagħha.

53

B’hekk, awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandu jkollha l-possibbiltà li tipposponi temporanjament il-ftuħ tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja fi proċedura speċifika fil-mument li tkun diġà stabbilixxiet l-eżistenza tal-elementi essenzjali tal-ksur allegat. Tali possibbiltà hija konformi mal-għan li l-awtorità kkonċernata tkun f’qagħda li tipproċessa b’mod adegwat il-proċeduri kollha ta’ ksur li jkunu tressqu quddiemha. Din tista’ tikkontribwixxi wkoll għal użu effikaċi tar-riżorsi disponibbli u tiffavorixxi l-kooperazzjoni xierqa fi ħdan in-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit mir-Regolament Nru 2006/2004, u sussegwentement mir-Regolament 2017/2394. Madankollu, tali posponiment temporanju ma jistax ikollu bħala konsegwenza qbiż tat-terminu raġonevoli li fih il-fażi li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ proċedura ta’ ksur għandha tiġi konkluża.

54

It-tielet nett, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tiegħu, Stat Membru għandu jiggarantixxi mhux biss l-effettività sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll tal-aġir kontra l-ksur ta’ dan id-dritt u l-waqfien ta’ tali ksur, iżda wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari, dak tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati minn proċeduri ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 63, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 98).

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tul eċċessiv tal-fażi li tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jkollu effett fuq il-possibbiltajiet futuri ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari billi jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura ta’ ksur li għaliha huma suġġetti. Fil-fatt, iktar ma jgħaddi żmien bejn miżura ta’ investigazzjoni preliminari u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iktar isir probabbli li eventwali provi ġustifikattivi rigward il-ksur inkwistjoni f’din il-komunikazzjoni ma jkunux jistgħu jinġabru iżjed jew ikunu jistgħu jinġabru biss b’diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 49).

56

Għalkemm it-termini proċedurali raġonevoli għalhekk huma intiżi, b’mod partikolari, li jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi termini proċedurali fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi bil-għan li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali u li jissanzjonawhom għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni relatati ma’ dan il-qasam u għall-għanijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati sabiex ma tiġix ippreġudikata l-effettività sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 52).

57

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-AGCM għandha obbligu li tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’terminu fiss ta’ 90 jum mill-mument li fih jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali tal-ksur allegat. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni għandu bħala konsegwenza, minn naħa, l-annullament sħiħ, b’mod awtomatiku, tad-deċiżjoni finali adottata mill-AGCM fi tmiem il-proċedura ta’ ksur, dejjem sa fejn din tkun tirrigwarda l-waqfien tal-prattika kummerċjali żleali kif ukoll is-sanzjonijiet imposti fuq l-impriża kkonċernata. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità hija, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, definittivament prekluża milli tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika kummerċjali żleali. Kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi matul il-proċedura ta’ ksur li għalihom huma suġġetti billi jinformawhom fi żmien xieraq dwar l-ilmenti kontrihom.

58

Kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 107 sa 109 u 114 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni tista’ tobbliga lill-AGCM titratta mingħajr distinzjoni l-proċeduri kollha ta’ ksur li jitressqu quddiemha billi ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull proċedura iżda billi ssegwi biss ordni kronoloġika b’tali mod li ma tkunx tista’ tistabbilixxi u timplimenta prijoritajiet għall-proċeduri tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. B’hekk din l-awtorità tista’ tkun obbligata tressaq proċeduri ta’ investigazzjoni fuq bażijiet fattwali u legali inċerti jew tiffavorixxi t-trattament ta’ ċerti kategoriji ta’ każijiet li r-riżorsi disponibbli tagħha jippermettulha titratta lil hinn mill-istadju tal-investigazzjoni preliminari, jekk ikun il-każ, għad-detriment ta’ każijiet partikolarment kumplessi u li jistgħu joħolqu preġudizzju għall-interessi tal-konsumaturi. Tali preġudizzju għall-indipendenza operattiva tal-AGCM huwa wisq iżjed possibbli f’sitwazzjoni li fiha l-punt inizjali tat-terminu, li l-modalitajiet ta’ bidu tiegħu jidhru, barra minn hekk, ftit preċiżi, ftit ċari u ftit prevedibbli kemm għal din l-awtorità kif ukoll għall-impriża kkonċernata, jikkoinċidi mal-ewwel senjalazzjoni tal-ksur allegat ma’ din l-awtorità, fejn din tkun għalhekk obbligata tipproċedi immedjatament bil-każ.

59

Barra minn hekk, il-konsegwenzi marbuta mal-qbiż tat-terminu inkwistjoni jistgħu jipprekludu lill-AGCM tikkoopera bis-sħiħ fi ħdan in-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni li ġie fis-seħħ bir-Regolament Nru 2006/2004 u sussegwentement bir-Regolament 2017/2394. Fil-fatt, kif sostnew ġustament l-AGCM u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, din l-awtorità tista’ tiġi msejħa taġixxi f’sitwazzjonijiet transkonfinali, fuq il-bażi ta’ senjalazzjoni minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Kummissjoni. B’dan premess, jista’ jirriżulta li t-terminu inkwistjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti lill-AGCM tikkoopera utilment mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni, a fortiori meta l-prattika kummerċjali kkonċernata diġà kienet suġġetta għal senjalazzjoni fl-Italja, b’tali mod li jingħata bidu għat-terminu inkwistjoni.

60

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li huma suġġetti għal proċedura ta’ ksur ma humiex, fi kwalunkwe każ, tali li jistgħu jinkisru minħabba sempliċi nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni.

61

Fil-fatt, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm huwa minnu li jeħtieġ li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża ta’ impriża jiġu irrimedjabbilment kompromessi matul il-fażi preliminari ta’ proċedura ta’ ksur fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali, tali impriża tibqa’, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha, sa kemm jiġi ggarantit li ebda deċiżjoni ma tkun tista’ tittieħed fir-rigward tagħha mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni mingħajr ma din tal-aħħar tkun ipproċediet għal fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja li matulha l-imsemmija kumpannija tkun setgħet issostni bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha.

62

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tal-attività tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni intiża li twaqqaf ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni li, għal raġunijiet inerenti għaliha, tipprekludi, b’mod sistemiku, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għal ksur ta’ dan id-dritt, hija ta’ natura li tirrendi l-applikazzjoni tar-regoli tal-imsemmi dritt prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Konsegwentement, hija kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni li l-applikazzjoni tiegħu, fid-dawl tal-kumplessità għolja tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, seta’ joħloq riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ta’ dan id-dritt, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 53 u 56).

63

Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2005/29 intiż li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li jiġi ggarantit li l-prattika kummerċjali żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi fl-interess tagħhom, imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma rilevanti wkoll fil-kuntest tal-attività tal-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

64

B’dan premess, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 137 sa 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konsegwenzi li tattribwixxi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni jidhru li jistgħu joħolqu riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur kuntrarju għall-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali introdotta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ għalhekk tinvolvi numru kunsiderevoli ta’ ksur fil-konfront ta’ din id-dispożizzjoni li ma humiex suġġetti għal sanzjonijiet effettivi u dissważivi. Barra minn hekk, l-impossibbiltà għall-AGCM li tressaq proċedura ġdida ta’ ksur sabiex tadotta tali sanzjonijiet tista’, fil-fatt, tinċentiva lil impriżi jżommu fis-seħħ prattiki kummerċjali żleali b’tali mod li jikkompromettu serjament l-implimentazzjoni effettiva, mill-awtoritajiet nazzjonali fdati bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, tar-regoli tal-Unjoni f’din il-materja.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 58, 59 u 64 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni għall-attività tal-AGCM jista’ jkollha bħala konsegwenza preġudizzju għall-indipendenza operattiva ta’ din l-awtorità kif ukoll li toħloq riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur kuntrarju għall-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali introdotta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29.

66

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu inkwistjoni mill-AGCM huma limitati għad-dekadenza tas-setgħa ta’ sanzjoni ta’ din l-awtorità, fejn b’hekk din tibqa’ f’pożizzjoni li tordna lil impriża tieqaf minn prattika kummerċjali żleali, ma hijiex madankollu tali li teskludi l-eżistenza ta’ tali riskju ta’ impunità u li tiggarantixxi applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, tali limiti għall-azzjoni ta’ awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi huma inkompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw u li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi impost mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

67

Sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn ċerta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali minn qorti superjuri, jeħtieġ ulterjorment li jingħad li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qrati nazzjonali jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Ottubru 2023, Z. (Dritt li wieħed jikseb kopja tal-kuntratt ta’ kreditu),C‑326/22, EU:C:2023:775, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati huma għalhekk obbligati jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat),C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

B’hekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn possibbli, id-dritt nazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 27(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 dwar il-Kodiċi tal-Konsum, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, u l-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 689/81, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħha. L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi timponi lil din il-qorti tbiddel, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita meta din tistrieħ fuq interpretazzjoni tad-dritt intern inkompatibbli mal-għanijiet ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u, f’dan is-sens, ma tapplikax, b’awtorità tagħha stess, kull interpretazzjoni mogħtija minn qorti superjuri, jew saħansitra suprema, li biha tkun marbuta, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħha, jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17,EU:C:2019:530, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 58, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, DG de la Función Pública, Generalitat de Catalunya u Departamento de Justicia de la Generalitat de Catalunya, C‑331/22 u C‑332/22, EU:C:2024:496, punti 108 u 110).

70

Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva 2005/29, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, waqt proċedura mmexxija minn awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi intiża għall-konstatazzjoni ta’ prattika kummerċjali żleali, minn naħa, timponi lil din l-awtorità tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura billi tikkomunika d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata f’terminu ta’ 90 jum mill-mument li fih issir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat, fejn jista’ jkun li dawn jillimitaw ruħhom għall-ewwel identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu permezz tal-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtorità fi tmiem il-proċedura ta’ ksur kif ukoll permezz tad-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, waqt proċedura mmexxija minn awtorità nazzjonali fdata bil-ħarsien tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi intiża għall-konstatazzjoni ta’ prattika kummerċjali żleali, minn naħa, timponi lil din l-awtorità tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni kontradittorja tal-proċedura billi tikkomunika d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriża kkonċernata f’terminu ta’ 90 jum mill-mument li fih issir taf bl-elementi essenzjali tal-ksur allegat, fejn jista’ jkun li dawn jillimitaw ruħhom għall-ewwel identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu permezz tal-annullament fl-intier tagħha tad-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtorità fi tmiem il-proċedura ta’ ksur kif ukoll permezz tad-dekadenza tas-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiftaħ proċedura ġdida ta’ ksur fir-rigward tal-istess prattika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.