SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ April 2025 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Punti 4 u 6 tal-Artikolu 4 – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv – Kundizzjoni li l-fatti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont il-liġi kriminali tiegħu stess – Kundanna mhux definittiva – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali”

Fil-Kawża C‑481/23 [Sangas] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura relatata mal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

JMTB,

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

Abogado del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan (Relatur), J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Ministerio Fiscal, minn R. de Miguel Morante, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, A. Gavela Llopis u P. Pérez Zapico, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, H. Leupold u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 4 u 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra JMTB.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

[…]”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi r-raġunijiet għall-obbligu li ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew.

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

4.      fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġi kriminali tiegħu stess;

[…]

6.      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

[…]”

6        L-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi ċirkustanzi oħra li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew filwaqt li l-Artikolu 5 tagħha jirrigwarda l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

 Id‑dritt Rumen

7        L-Artikolu 99(2)(c) u (g) u (3) tal-Legea nr. 302/2004 privind cooperarea judiciară internațională în materie penală (il-Liġi Nru 302/2004, dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), tat-28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 594 tal-1 ta’ Lulju 2004), kif ippubblikata mill-ġdid (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 411 tas-27 ta’ Mejju 2019), jipprovdi:

“2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Rumena tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

c)      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, meta l-persuna rikjesta tkun ċittadina Rumena jew tirrisjedi hemm, tkun ilha toqgħod legalment u kontinwament fir-Rumanija għal mill-inqas 5 snin u tiddikjara li hija kontra l-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura preventiva fl-Istat Membru emittenti;

[…]

g)      meta, skont id-dritt Rumen, ikun hemm preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għar-reat li jkun wassal għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew għall-eżekuzzjoni tal-piena imposta, kieku l-fatti kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet Rumeni;

[…]

3.      Jekk japplika biss il-każ imsemmi fil-paragrafu 2(c), l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Rumena għandha titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, qabel ma tagħti d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 109, kopja ċċertifikata tal-kundanna kif ukoll kull informazzjoni oħra neċessarja, billi tikkomunika lill-awtorità ġudizzjarja emittenti r-raġuni għalfejn dawn id-dokumenti huma mitluba. Ir-rikonoxximent tal-kundanna kriminali barranija jsir, b’mod inċidentali, mill-qorti li quddiemha tkun pendenti l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Rumena tirrikonoxxi l-kundanna kriminali barranija, il-mandat ta’ eżekuzzjoni tal-piena jinħareġ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 109.”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Frar 2022, ippreċiżata b’digriet tat-3 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-21 ta’ Frar 2022”), l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) ikkundannat lil JMTB (iktar ’il quddiem l-“akkużat”), ċittadin Spanjol residenti fir-Rumanija, bħala koawtur ta’ tliet reati fiskali u ta’ reat ta’ ħasil tal-flus. Minn naħa, fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet reati fiskali, l-akkużat ġie kkundannat għal sentejn priġunerija kif ukoll għal multa ta’ EUR 23 miljun għas-sena finanzjarja 2011, għal multa ta’ EUR 135 miljun għas-sena finanzjarja 2012 u għal multa ta’ EUR 140 miljun għas-sena finanzjarja 2013, minbarra sanzjonijiet anċillari. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dan ir-reat ta’ ħasil tal-flus, huwa ġie kkundannat għal sitt snin priġunerija u għal multa ta’ EUR 54 miljun.

9        Il-fatti li fuqhom hija bbażata l-kundanna tal-akkużat kienu jikkonsistu, essenzjalment, fil-ħolqien ta’ diversi kumpanniji fi Spanja, immexxija minn nominees li jaġixxu bħala diretturi fittizji, sabiex jiġi evitat il-ħlas fi Spanja, għas-snin 2011 sa 2013, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-bejgħ ta’ idrokarburi, għal ammont totali ta’ iktar minn EUR 100 miljun.

10      Wara t-tħabbir tal-preżentata ta’ appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2022 mill-akkużat, dan tal-aħħar ġie rrifjutat l-awtorizzazzjoni sabiex imur ir-Rumanija. Madankollu, wara l-lokalizzazzjoni tal-akkużat fil-fruntiera Kroata lejn ir-Rumanija, il-qorti tar-rinviju adottat, fis-6 ta’ April 2022, deċiżjoni dwar dan tal-aħħar, flimkien ma’ mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront tiegħu, li jordnaw it-tfittxija, l-arrest u d-detenzjoni provviżorja tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-6 ta’ April 2022”).

11      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2023, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) bagħtet kopja tas-sentenza li permezz tagħha hija kienet irrifjutat l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

12      Minn din is-sentenza jirriżulta li, ċertament, ebda waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kienet tapplika għall-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-akkużat. Madankollu, fir-rigward tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) ikkonstatat, minn naħa, li l-akkużat kien ipprovda dokumenti ta’ sostenn li jiċċertifikaw residenza kontinwa u legali fit-territorju Rumen għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin u, min-naħa l-oħra, li huwa kien iddikjara li ma jixtieqx jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli, li huwa ekwivalenti għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru emittenti, b’tali mod li teżisti raġuni li tiġġustifika r-rifjut tal-konsenja tal-persuna kkonċernata.

13      Barra minn hekk, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) qieset li r-reati li għalihom l-akkużat kien ġie kkundannat fl-ewwel istanza, mill-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kienu ddefiniti mil-leġiżlazzjoni Spanjola bħala reati ta’ frodi fiskali u ta’ ħasil tal-flus, punibbli b’pieni ta’ priġunerija minn tlieta sa għaxar snin, b’tali mod li, kieku l-fatti kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni, it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għal reati analogi kien ikun ta’ għaxar snin mid-data tal-aħħar att jew tal-aħħar ommissjoni.

14      Fil-fatt, peress li rrilevat li t-tliet reati ta’ frodi fiskali li għalihom l-akkużat kien ġie kkundannat kienu twettqu matul is-snin finanzjarji 2011 sa 2013, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) iddeduċiet minn dan li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. Barra minn hekk, peress li qieset li, sa mit-twettiq ta’ dawn it-tliet reati, ma kienx hemm raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) ikkonkludiet minn dan li dan it-terminu kien skada.

15      Fid-dawl tal-imsemmija sentenza, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex tirrifjuta l-konsenja tal-akkużat, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) ikkonstatat l-eżistenza ta’ żewġ raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali relatati, minn naħa, mal-preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali skont id-dritt Rumen u, min-naħa l-oħra, mar-residenza tal-akkużat fir-Rumanija.

16      Issa, fir-rigward tal-preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali skont id-dritt Rumen, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-akkużat ġiet adottata b’applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni tar-reati tad-dritt Rumen, filwaqt li l-fatti kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu twettqu fi Spanja u kienu jikkostitwixxu reati ta’ frodi fiskali li jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi tar-Renju ta’ Spanja, li jimplika li l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni fl-ebda każ ma jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn ir-reati u ma jistgħux, għaldaqstant, jinvokaw il-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

17      Fir-rigward tar-residenza tal-akkużat fir-Rumanija, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermetti li tiġi rrifjutata l-konsenja tal-persuna rikjesta biss jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, it-tieni nett, il-persuna kkonċernata għandha tibqa’ jew tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew tkun ċittadina tagħha u, it-tielet nett, l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu jintrabat li jeżegwixxi din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu. Issa, f’dan il-każ, l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, peress li l-akkużat ġie kkundannat biss fl-ewwel istanza u appell fil-kassazzjoni huwa pendenti kontra din il-kundanna. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżuppost li l-akkużat jitqies li jirrisjedi fir-Rumanija, ir-rifjut ta’ konsenja tiegħu ma kien akkumpanjat minn ebda impenn mill-awtoritajiet Rumeni li jeżegwixxu fir-Rumanija l-piena li tista’ tiġi imposta definittivament fuq il-persuna kkonċernata.

18      Skont il-qorti tar-rinviju, tali rifjut ma huwiex iġġustifikat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57). Fil-fatt, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, il-fatt li jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jżid mar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 raġunijiet oħra, ibbażati fuq id-dritt nazzjonali, li jippermettu li dan il-mandat ta’ arrest ma jiġix eżegwit, jostakola l-funzjonament tajjeb tas-sistema ssemplifikata ta’ konsenja tal-persuni stabbilita f’din id-deċiżjoni qafas.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Sa fejn il-punt (6) tal-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] jipprevedi, fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà kontra persuna mfittxija li hija ċittadina jew residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew tgħix hemmhekk, u dan l-Istat Membru jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu:

a)      Huwa ammissibbli li tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni fakultattiva ta’ rifjut ta’ konsenja fil-każijiet li fihom tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali fil-konfront tal-persuna mfittxija?

b)      Jekk tiġi aċċettata din il-possibbiltà, huwa possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja għar-raġuni li l-persuna mfittxija hija meqjusa bħala residenti fl-Istat Membru mitlub, mingħajr dan tal-aħħar ma jimpenja ruħu li jeżegwixxi huwa stess din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu?

2.      Sa fejn il-punt (4) tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi, fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-fatt li l-azzjoni kriminali jew il-piena hija preskritta skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li l-fatti jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru skont il-liġi kriminali rispettiva tiegħu, huwa possibbli li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi estiża għall-każijiet li fihom l-azzjoni kriminali jew il-piena hija meqjusa bħala preskritta skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, anki jekk il-qrati ta’ dan l-Istat ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-fatti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest abbażi ta’ din id-dispożizzjoni meta l-imsemmi mandat ta’ arrest ma jkunx inħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, peress li l-akkużat ikun għadu ma ġiex ikkundannat b’mod definittiv, u meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx intrabat li jeżegwixxi, konformement mad-dritt intern tiegħu, il-piena jew il-miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà li tista’ tingħata b’mod definittiv kontra din il-persuna.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jipprevedi, kif previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, żewġ sitwazzjonijiet. B’hekk, dan il-mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ, minn naħa, għall-prosekuzzjoni kriminali jew, min-naħa l-oħra, għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 49).

22      Għalkemm il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa l-bażi tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dan ir-rikonoxximent ma jimplikax, madankollu, obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ, peress li din id-deċiżjoni qafas tistabbilixxi espliċitament ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju (Artikolu 3) u fakultattiv (Artikoli 4 u 4a) ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 50, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      B’mod partikolari, is-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif tirriżulta b’mod partikolari minn dawn l-artikoli, tħalli l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jiddeċiedu li piena imposta għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, B., C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 51, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 30).

24      F’dan ir-rigward, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, meta l-persuna rikjesta tkun toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tkun ċittadina tiegħu jew tkun tirrisjedi fih, u meta dan l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu.

25      Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna rikjesta għandha tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ “għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà”, jiġifieri t-tieni waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, huwa biss f’din is-sitwazzjoni li tista’ tiġi ssodisfatta l-aħħar kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

26      F’dan il-każ, madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, anki jekk, permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2022, l-akkużat ġie kkundannat fl-ewwel istanza għal diversi pieni bħala awtur ta’ tliet reati fiskali u ta’ reat ta’ ħasil tal-flus, huwa ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza, b’tali mod li l-proċedura kriminali dwar din il-kundanna għadha pendenti quddiem il-qrati Spanjoli. Issa, mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dritt Spanjol, l-imsemmija sentenza ma hijiex eżekuttiva minħabba l-preżentata ta’ dan l-appell.

27      Barra minn hekk, minn dawn l-elementi jirriżulta li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2022, iżda d-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2022, li permezz tagħha ġew ordnati t-tfittxija, l-arrest u t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-akkużat. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tal-aħħar ġiet adottata minn din il-qorti, peress li l-akkużat ma kkonformax ruħu mal-miżuri preventivi li kien suġġett għalihom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontrih. B’mod partikolari, filwaqt li l-akkużat kien taħt libertà kundizzjonata, bi projbizzjoni espressa li joħroġ mit-territorju Spanjol u obbligu li jidher għas-seduti, huwa ġie llokalizzat fil-fruntiera Kroata, fid-direzzjoni tar-Rumanija. Id-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2022 u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ abbażi ta’ din tal-aħħar ġew, għaldaqstant, adottati sabiex tiġi żgurata l-preżenza tal-akkużat waqt it-tkomplija ta’ din il-proċedura.

28      Konsegwentement, kif isostnu l-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u kif tosserva, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġiex adottat “għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda għall-finijiet tas-sitwazzjoni l-oħra prevista mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali.

29      Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni tal-akkużat ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’tali mod li rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih ma jistax ikun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni.

30      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest abbażi ta’ din id-dispożizzjoni meta l-imsemmi mandat ta’ arrest ma jkunx inħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li l-fatti ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont il-liġi kriminali tiegħu stess, minħabba li l-azzjoni kriminali jew il-piena kienet tkun preskritta li kieku l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet applikabbli.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew meta jkun hemm preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jeżegwixxi u meta l-fatti jkunu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru skont il-liġi kriminali tiegħu stess.

33      Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet li huwa jipprovdi japplikaw b’mod kumulattiv. Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tinvoka r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni meta l-fatti li jkunu s-suġġett tal-azzjoni kriminali jew tal-piena ma jkunux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru skont il-liġi kriminali tiegħu stess, anki jekk din l-azzjoni jew din il-piena kienet tkun preskritta li kieku din il-liġi kienet applikabbli.

34      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest abbażi ta’ din id-dispożizzjoni meta l-fatti ma jkunux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont il-liġi kriminali tiegħu stess, u dan minkejja li l-azzjoni kriminali jew il-piena kienet tkun preskritta li kieku l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet applikabbli.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest abbażi ta’ din id-dispożizzjoni meta l-imsemmi mandat ta’ arrest ma jkunx inħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà.

2)      Il-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest abbażi ta’ din id-dispożizzjoni meta l-fatti ma jkunux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont il-liġi kriminali tiegħu stess, u dan minkejja li l-azzjoni kriminali jew il-piena kienet tkun preskritta li kieku l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet applikabbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.