Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżola ta’ standstill – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘restrizzjoni ġdida’ –Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi kundizzjonijiet iktar restrittivi għall-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti”

Fil-Kawża C‑375/23 [Meislev] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

EN

vs

Udlændingenævnet

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal EN, minn C. Friis Bach Ryhl u T. Ryhl, advokater,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u C. Maertens, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, advokat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Glinicka, MM. B.‑R. Killmann u R.‑Lyal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EN ċittadin Tork, u l-Udlændingenævnet (il-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni) dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tal-applikazzjoni tiegħu għal ksib ta’ permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlFtehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Mill-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat għan-nom ta’ din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), jirriżulta li dan għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

4        Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinvolvi fażi preparatorja, li tippermetti lir-Repubblika tat-Turkija ssaħħaħ l-ekonomija tagħha bl-għajnuna tal-Komunità (Artikolu 3), fażi tranżitorja, li matulha il-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw l-istabbiliment progressiv ta’ unjoni doganali u l-approssimazzjoni tal-politika ekonomika (Artikolu 4), kif ukoll fażi definittiva, li hija bbażata fuq l-unjoni doganali u tinvolvi t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-partijiet kontraenti (Artikolu 5).

5        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi:

“Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiltaqgħu fi ħdan kunsill ta’ assoċjazzjoni li għandu jaġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mill-ftehim [ta’ assoċjazzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]” 

6        Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, bit-titolu “Implimentazzjoni tal-fażi tranżitorja”:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi, qabel ma tibda l-fażi tranżitorja, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll [Addizzjonali], il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u r-ritmu tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma koperti mit-[Trattat KE] li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan it-titolu, kif ukoll kull klawżola ta’ salvagwardja li tirriżulta utli”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni], u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull diskriminazzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jinsab fil-Kapitolu 3, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”, tat-Titolu II tiegħu jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati mill-Artikoli [45], [46] u [47 TFUE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] 

 IlProtokoll Addizzjonali

9        Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad‑19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, “l-kondizzjonijiet, l-arranġamenti u t-tabelli taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ l-istadju transitorju fl-Artikolu 4 tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija”.

10      Il-Protokoll Addizzjonali jinkludi Titolu II, imsejjaħ “Moviment ta’ Persuni u Servizzi” li l-Kapitolu I tiegħu jkopri lill-“Ħaddiema” filwaqt li l-Kapitolu II huwa intitolat “Id-Dritt ta’ l-Istabbeliment, tas-Servizzi u tat-Trasport”.

11      L-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, li jinsab f’dan il-Kapitolu II, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta' servizzi.

2.      Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim ta’ l-Assoċjazzjoni, jiddetermina t-tabella taż-żmien u r-regoli għall-abbolizzjoni progressiva mill-Partijiet Kontraenti, bejniethom, tar-restrizzjonijiet rigward il-libertà ta' l-istabbeliment u l-libertà li jkunu pprovvduti servizzi.

[...]” 

 IdDeċiżjoni Nru 1/80

12      Hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha tad-Deċiżjoni Nru 1/80, din id-deċiżjoni għandha l-għan li ttejjeb, fil-qasam soċjali, is-sistema li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema Torok u l-membri tal-familji tagħhom meta mqabbla mas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tal‑20 ta’ Settembru 1976.

13      Il-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jinkludi t-Taqsima 1, li min-naħa tagħha hija intitolata “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fiha jinsabu l-Artikoli 6 sa 16 ta’ din id-deċiżjoni.

14      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistipula:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg regolari, għat-tiġdid tal-liċenzja tal-impjieg tiegħu mal-istess persuna li timpjega, jekk din ikollha impjieg x’toffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg regolari u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg regolari, minn aċċess liberu għal kull attività mħallsa tal-għażla tiegħu.

[...]

3.      Il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti taħt regoli nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] 

15      L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. 

16      Konformement mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tagħha huma applikabbli sa mill‑1 ta’ Diċembru 1980.

 Iddritt Daniż

17      L-Artikolu 11 tal-udlændingeloven (il-Liġi dwar il-Barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali u li tirriżulta mid-Digriet ta’ Kodifikazzjoni Nru 412, tad‑9 ta’ Mejju 2016, u mill-emendi ulterjuri tiegħu (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-permess ta’ residenza skont l-Artikoli 7‑9 f, 9 i‑9 n jew 9 p jingħata bil-possibbiltà ta’ residenza għal żmien indeterminat jew għal residenza temporanja fid-Danimarka. Il-permess ta’ residenza jista’ jkun limitat ratione temporis.

[...]

3.      Sakemm ma jkunx hemm lok li jiġi rtirat il-permess ta’ residenza skont l-Artikolu 19, barrani ta’ 18 sena jew iktar jista’ jitlob u jikseb permess ta’ residenza permanenti taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      Bla ħsara għall-paragrafu 7, il-barrani għandu jirrisjedi legalment fid-Danimarka għal mill-inqas sitt snin, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafi 5 u 6, u għandu jkun ibbenefika, matul dan il-perijodu kollu, minn permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikoli 7‑9 f, 9 i‑9 n jew 9 p [...].

[...]

8)      Il-barrani għandu jkun okkupa impjieg full-time jew eżerċita xogħol għal rasu (ara l-paragrafu 8) għal mill-inqas sentejn u sitt xhur matul it-tliet snin ta’ qabel il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza permanenti.

[...]

5.      Ħlief jekk ikun hemm lok li jiġi rtirat il-permess ta’ residenza skont l-Artikolu 19, permess ta’ residenza permanenti jista’ jinħareġ fuq talba lill-barrani li għandu 18-il sena jew iktar li rrisjeda legalment fid-Danimarka għal mill-inqas erba’ snin u jkun ibbenefika, matul dan il-perijodu kollu, minn permess ta’ residenza skont l-Artikoli 7‑9 f, 9 i‑9 n jew 9 p, jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 2 sa 9 tal-paragrafu 3 u fil-paragrafu 4. [...]

[...]

16.      Anki jekk ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4 sa 9 tal-paragrafu 3, jew fil-punti 1 sa 4 tal-paragrafu 4, permess ta’ residenza permanenti jista’ jinħareġ lil barrani li għandu iktar minn 18-il sena jew iktar jekk ma jistax ikun meħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti skont l-obbligi internazzjonali tad-Danimarka, inkluża l- [Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35)].” 

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18      Fl‑24 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin Tork, inħariġlu permess ta’ residenza temporanja fid-Danimarka abbażi taż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadina Daniża residenti fit-territorju Daniż, li, permezz ta’ deċiżjoni tal-Udlændingestyrelsen (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, id-Danimarka) tal‑15 ta’ Ottubru 2020, ġie estiż sal‑15 ta’ Ottubru 2026.

19      Fis‑27 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kien jibbenefika mill-istatus ta’ ħaddiem fid-Danimarka u li kien jaqa’, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ressaq, quddiem l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, applikazzjoni għal permess ta’ residenza permanenti fid-Danimarka.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2017, l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni ċaħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza legali fid-Danimarka għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sitt snin, stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 11(3) tal-Liġi dwar il-Barranin, u lanqas il-kundizzjonijiet speċifiċi previsti f’dan l-Artikolu 11(5), li jippermettu li jinkiseb permess ta’ residenza permanenti wara erba’ snin ta’ residenza legali fid-Danimarka.

21      Fl‑14 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2018, dan il-bord ikkonferma id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Migrazzjoni minħabba li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-Liġi dwar il-Barranin.

22      Fil‑15 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Københavns Byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) intiż għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

23      Permezz ta’ digriet tal‑31 ta’ Marzu 2020, din il-qorti bagħtet il-kawża quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2022, laqgħet it-talbiet tal-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni intiżi għaċ-ċaħda ta’ dan l-appell.

24      Fl‑1 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali mar quddiem il-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), li hija l-qorti tar-rinviju, b’appell minn din id-deċiżjoni.

25      Din il-qorti tirrileva li, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala “restizzjoni pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema minn ċittadin Tork fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw għalih mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Udlændingenævnet (Eżami tal-lingwa impost fuq il-barranin), C‑279/21, EU:C:2022:1019, punt 30).

26      L-imsemmija qorti tfakkar li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-Artikoli 45 sa 47 TFUE għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu trasposti għaċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw minn drittijiet irrikonoxxuti mill-Assoċjazzjoni KEE-Turkija (sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C‑434/93, EU:C:1995:168, punti 19 u 20, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 66). Madankollu, l-għan usa’ li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni, li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), huwa nieqes fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 68).

27      Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li bidliet fil-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sa fejn dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema Torok (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Toprak u Oguz, C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756, punt 44), hija għadha ma ddeċidietx dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kundizzjonijiet iktar stretti għall-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti fi Stat Membru meta mqabbla ma’ dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni f’dan l-Istat Membru tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

28      Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru kkonċernat, invokat mill-awtoritajiet Daniżi, jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza tat‑12 ta’ April 2016, Genc, C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 56). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk kundizzjonijiet dwar it-tul minn qabel tar-residenza u dwar l-eżerċizzju ta’ impjieg minn ħaddiem Tork fl-Istat Membru kkonċernat, li għalihom huwa suġġett il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza permanenti, jistgħux jitqiesu li huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ permess ta’ residenza permanenti fi Stat Membru jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] ?

2.      Fil-każ affermattiv, il-fatt li l-kundizzjonijiet temporali għall-ksib ta’ permess ta’ residenza permanenti fi Stat Membru jkunu iktar onerużi (jiġifieri, li r-rekwiżiti minimi meħtieġa fir-rigward tat-tul ta’ żmien ta’ residenza preċedenti u ta’ impjieg preċedenti tal-barrani fl-Istat Membru jsiru iktar onerużi), jista’ jitqies bħala xieraq sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni b’suċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi?” 

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti, minn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni, għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fl-imsemmi Stat Membru tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-istess deċiżjoni.

31      Mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 13 jirriżulta li dan l-artikolu jistabbilixxi klawżola ta’ standstill li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar l-aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema Torok u tal-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju tagħhom f’sitwazzjoni regolari f’dak li jirrigwarda r-residenza u l-impjieg.

32      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll din il-klawżola ta’ standstill tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju, minn ċittadin Tork, tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid et ((Irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork), C‑402/21, EU:C:2023:77, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Tali interpretazzjoni wiesgħa tal-portata tal-klawżola ta’ standstill ikkonċernata hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li huwa li jiġi stabbilit il-moviment liberu tal-ħaddiema. Fil-fatt, kemm restrizzjoni ġdida li twebbes il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-ewwel attività professjonali ta’ ħaddiem Tork jew tal-membri tal-familja tiegħu kif ukoll dik li, ladarba dan il-ħaddiem jew il-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw minn drittijiet fil-qasam tal-impjieg skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, tirrestrinġi l-aċċess tiegħu għal impjieg iggarantit minn dawn id-drittijiet imur kontra l-għan tal-imsemmija deċiżjoni li jitwettaq il-moviment liberu ta’ dawn il-ħaddiema (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid et (Irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork), C‑402/21, EU:C:2023:77, punt 53).

34      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri ta’ Stat Membru intiżi sabiex jiddefinixxu l-kriterji ta’ regolarità tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok, billi jadottaw jew jemendaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet ġodda fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irtirar tad-drittijiet ta’ residenza li l-persuni kkonċernati jkollhom skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, tillimita d-dritt tagħhom għal moviment liberu meta mqabbla mad-dritt għall-moviment liberu li huma jgawdu minnu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid et (Irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork), C‑402/21, EU:C:2023:77, punt 58 u 59).

35      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn Mejju 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu permess ta’ residenza temporanja fid-Danimarka, estiż sal‑15 ta’ Ottubru 2026, li jagħtih id-dritt li jaħdem u jistudja f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jibbenefika mill-istatus ta’ ħaddiem li jirrisjedi legalment fl-imsemmi Stat Membru u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

36      Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tagħti lill-ħaddiem Tork id-dritt, wara ċertu perijodu ta’ impjieg legali, li jkompli jeżerċita l-attività bi ħlas tiegħu mal-istess persuna li timpjega jew fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega tal-għażla tiegħu, jew ukoll li jidħol liberament għal kull attività bħala persuna impjegata tal-għażla tiegħu. Dan jimplika neċessarjament, taħt piena li jitneħħa kull effett mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u li jiġi eżerċitat impjieg, l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza korrelattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 28, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C‑136/03, EU:C:2005:340, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa, ir-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jagħtu, skont il-Liġi dwar il-Barranin, dritt ta’ residenza permanenti lill-ħaddiema Torok li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u għandhom permess ta’ residenza temporanja fid-Danimarka, ma għandux l-effett li jwaqqaf lil dawn tal-aħħar milli jkomplu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom u milli jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, tali rifjut ma jippreġudikax l-eżerċizzju, mill-ħaddiema Torok li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li jirrisjedu legalment fl-imsemmi Stat Membru, tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

38      Minn dan isegwi li, għalkemm il-Liġi dwar il-Barranin, li tipprevedi b’mod partikolari li l-barranin li għandhom iktar minn 18-il sena jistgħu jiksbu permess ta’ residenza permanenti bil-kundizzjoni li jkunu rrisjedew legalment fid-Danimarka għal mill-inqas sitt snin u li jkunu okkupaw impjieg full-time jew ikunu eżerċitaw attività għal rashom għal mill-inqas sentejn u sitt xhur matul it-tliet snin ta’ qabel l-għoti ta’ dan il-permess, tikkostitwixxi twessiegħ tal-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti meta mqabbla ma’ dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 f’dan l-Istat Membru, din il-liġi ma tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-imsemmija liġi ma tippreġudikax l-eżerċizzju, miċ-ċittadini Torok li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni li jirrisjedu legalment fl-imsemmi Stat Membru, tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

39      Kull interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex jiġi injorat il-fatt li l-ħaddiema Torok ma jistgħux jisiltu dritt ta’ residenza permanenti fi Stat Membru mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, moqri flimkien mal-Artikolu 45(3)(d) TFUE. Fil-fatt, is-sistema applikabbli skont l-Artikolu 45 TFUE ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-ħaddiema Torok (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 41) u l-klawżola ta’ standstill imsemmija fl-Artikolu 13 ma hijiex, fiha nnifisha, tali li, fuq is-sempliċi bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tagħti liċ-ċittadini Torok dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u lanqas dritt ta’ residenza li tikkostitwixxi l-korollarju tiegħu (ara b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 52, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2013, Demirkan, C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 54).

40      Konsegwentement, għadha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti, minn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni, għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fl-imsemmi Stat Membru ma tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-istess deċiżjoni, peress li hija ma tippreġudikax l-eżerċizzju, miċ-ċittadini Torok li jirrisjedu legalment fl-istess Stat Membru, tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq ittieni domanda

41      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, peress li din saret mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda.

 Fuq lispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad19 ta’ Settembru 1980 dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti, minn ħaddiem Tork li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni, għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni fl-imsemmi Stat Membru ma tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-istess deċiżjoni, peress li hija ma tippreġudikax l-eżerċizzju, miċ-ċittadini Torok li jirrisjedu legalment fl-istess Stat Membru, tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.