Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Novembru 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Data miftuħa u użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku – Direttiva (UE) 2019/1024 – Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘użu mill-ġdid’ ta’ dokumenti – Dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma minn organu tas-settur pubbliku”

Fil-Kawża C‑336/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

HP – Hrvatska pošta d.d.

vs

Povjerenik za informiranje,

fil-preżenza ta’:

STAS d.o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, u Z. Csehi, Imħallef,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Povjerenik za informiranje, minn Z. Pičuljan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Małecka, M. Mataija u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU 2019, L 172, p. 56).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HP – Hrvatska pošta d.d. (iktar ’il quddiem “HP”) u l-Povjerenik za informirje (il-Kummissarju għall-Informazzjoni, il-Kroazja) dwar talba għal informazzjoni mressqa quddiem HP, intiża b’mod partikolari sabiex tinkiseb il-komunikazzjoni ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni, ta’ rendikonti dwar l-istatus tax-xogħlijiet u ta’ minuti tal-immissjoni fil-pussess tal-bini.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 9, 13, 23 u 70 tad-Direttiva 2019/1024 jiddikjaraw:

“(9)      L-informazzjoni tas-settur pubbliku tirrappreżenta sors straordinarja ta’ data li tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tas-suq intern u għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda għall-konsumaturi u l-entitajiet ġuridiċi. L-użu tad-data intelliġenti, inkluż l-ipproċessar tagħha permezz ta’ applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, jista’ jkollu effett trasformattiv fuq is-setturi kollha tal-ekonomija.

[...]

(13)      Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istabbiliment ta’ suq intern hu l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ servizzi u prodotti fl-Unjoni kollha u fl-Istati Membri. L-informazzjoni tas-settur pubbliku jew informazzjoni miġbura, ġġenerata, riġenerata, u mxerda fi ħdan l-eżerċizzju ta’ kompitu pubbliku jew servizz ta’ interess ġenerali, hi materjal primarju importanti għall-prodotti u s-servizzi b’kontenut diġitali u ser issir riżors ta’ kontenut ferm aktar importanti bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji tar-reġistru distribwit u l-Internet tal-oġġetti. [...]

[...]

(23)      [...] Din id-Direttiva tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex joffru d-dokumenti eżistenti kollha għall-użu mill-ġdid, sakemm l-aċċess ma jkunx ristrett jew eskluż skont ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti jew soġġett għall-eċċezzjonijiet l-oħra stipulati f’din id-Direttiva. Din id-Direttiva tibni fuq ir-reġimi eżistenti ta’ aċċess fl-Istati Membri u ma tibdilx ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti. Din ma tapplikax għal każijiet meta ċ-ċittadini jew l-entitajiet ġuridiċi, bir-reġim rilevanti tal-aċċess, ikunu jistgħu jiksbu dokumenti biss diment li jagħtu prova ta’ interess partikolari. [...] Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jippromwovu u jħeġġu l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, inkluż testi uffiċjali ta’ natura leġislattiva u amministrattiva li l-korp tas-settur pubbliku jkollu dritt jawtorizza l-użu mill-ġdid tagħhom. [...]

[...]

(70)      Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ prodotti u servizzi tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha bbażati fuq dokumenti tas-settur pubbliku, li jkun żgurat l-użu transkonfini effiċjenti tad-dokumenti tas-settur pubbliku min-naħa tan-negozji privati, partikolarment mill-[impriżi żgħar u medji (SMEs)], għal prodotti u servizzi tal-informazzjoni b’valur miżjud, u min-naħa taċ-ċittadini biex teħfief iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ma jistgħux jintlaħqu kif adatt mill-Istati Membri iżda minħabba l-ambitu pan‑Unjoni tal-azzjoni proposta, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 [TUE]. [...]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi promoss l-użu ta’ data miftuħa u tiġi stimulata l-innovazzjoni fil-prodotti u s-servizzi, din id-Direttiva tistabbilixxi sett ta’ regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta’:

(a)      id-dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri;

(b)      id-dokumenti eżistenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi li:

(i)      huma attivi fl-oqsma definiti fid-Direttiva 2014/25/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064)];

[...]

(c)      id-data tar-riċerka, skont il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 10.

2.      Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

[...]

(b)      dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi:

(i)      maħluqa barra mill-ambitu tal-forniment tas-servizzi ta’ interess ġenerali kif definit bil-liġi jew b’xi regoli vinkolanti oħra tal-Istati Membri;

(ii)      relatati ma’ attivitajiet direttament esposti għall-kompetizzjoni u għalhekk, skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhux soġġetti għar-regoli tal-akkwist;

[...]

(d)      dokumenti, bħal data sensittiva, li huma esklużi mill-aċċess minħabba r-reġimi tal-aċċess tal-Istat Membru, fosthom minħabba:

(i)      il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża jew is-sigurtà pubblika;

(ii)      il-kunfidenzjalità tal-istatistika;

(iii)      il-kunfidenzjalità kummerċjali (inkluż is-sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpanniji);

[...]

(f)      dokumenti li l-aċċess għalihom hu ristrett minħabba r-reġimi tal-aċċess tal-Istati Membri, inkluż meta ċ-ċittadini jew l-entitajiet ġuridiċi jridu jippruvaw interess partikolari biex jiksbu aċċess għad-dokumenti;

[...]

3.      Din id-Direttiva tibni fuq, u hija mingħajr preġudizzju għal, reġimi ta’ aċċess tal-Unjoni u dik nazzjonali.

[...]

7.      Din id-Direttiva tirregola l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi tal-Istati Membri [...]”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1024, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorità waħda jew aktar awtoritajiet bħal dawn jew minn korp jew aktar korpi bħal dawn irregolati mil-liġi pubblika;

(2)      ‘korpi rregolati mil-liġi pubblika’ tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)      huma stabbiliti għall-fini speċifiku biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali;

(b)      għandhom personalità ġuridika; u

(c)      huma ffinanzjat, fil-parti l-kbira tiegħu mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għas-superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew tas-sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu maħtura mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali jew korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika;

(3)      ‘impriża pubblika’ tfisser kwalunkwe impriża attiva fl-oqsma stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti minħabba s-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha. Għandha tkun preżunta influwenza dominanti fuq il-parti tal-korpi tas-settur pubbliku fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)      għandhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)      jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża;

(c)      jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali, superviżorju tal-impriża;

[...]

(6)      ‘dokument’ tfisser:

(a)      kwalunkwe kontenut bi kwalunkwe mezz (karta jew format elettroniku jew irrekordjat b’mod awdjo, viżiv jew awdjoviżiv); jew

(b)      kwalunkwe parti ta’ tali kontenut;

[...]

(11)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta’ dokumenti miżmuma:

(a)      mill-korpi tas-settur pubbliku, għall-finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih id-dokumenti kienu prodotti, ħlief għall-iskambju ta’ dokumenti bejn il-korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom; jew

(b)      mill-impriżi pubbliċi, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, ħlief il-fini inizjali li jipprovdu servizzi fl-interess ġenerali li għalih id-dokumenti kienu prodotti, ħlief għall-iskambju ta’ dokumenti bejn l-impriżi pubbliċi u l-korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tal-korpi tas-settur pubbliku;

[...]”

 Iddritt Kroat

6        L-Artikolu 5 taż-zakon o pravu na pristup informacijama (il-Liġi dwar id-Dritt ta’ Aċċess għall-Informazzjoni) (Narodne novine, Nri 25/13, 85/15 u 69/22, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni”) jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(2)      ‘awtoritajiet pubbliċi’ jfissru organi pubbliċi, korpi oħra tal-Istat, l-awtoritajiet lokali (reġjonali), il-persuni ġuridiċi u organi oħra b’setgħat ta’ natura pubblika, il-persuni ġuridiċi stabbiliti mir-Repubblika tal-Kroazja jew minn awtorità lokali (reġjonali), il-persuni ġuridiċi li jwettqu kompitu ta’ servizz pubbliku, il-persuni ġuridiċi li, abbażi ta’ leġiżlazzjoni speċjali, huma ffinanzjati, fil-parti l-kbira jew kompletament, mill-baġit tal-Istat jew minn awtoritajiet lokali (reġjonali), jiġifieri minn fondi pubbliċi (imposti, kontribuzzjonijiet, eċċ.), kif ukoll il-kumpanniji kummerċjali li fihom ir-Repubblika tal-Kroazja u l-awtoritajiet lokali (reġjonali) għandhom, flimkien jew separatament, sehem ta’ maġġoranza;

[...]

(5)      ‘dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni’ jfisser id-dritt tal-utenti li jitolbu u jiksbu informazzjoni, kif ukoll l-obbligu tal-awtorità pubblika li tawtorizza l-aċċess għall-informazzjoni mitluba, jiġifieri li tippubblika l-informazzjoni indipendentement mit-talba mressqa, meta din il-pubblikazzjoni tkun tirriżulta minn obbligu legali jew regolamentari;

(6)      ‘użu mill-ġdid’ ifisser l-użu, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta’ informazzjoni miżmuma minn awtorità pubblika għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali li ma jkunux l-iskop inizjali li għalih din l-informazzjoni tkun ġiet iġġenerata, li jseħħ fil-qafas ta’ kompetenzi legali jew regolamentari speċifiċi, jew ta’ kompiti li ġeneralment jitqiesu bħala kompiti ta’ servizz pubbliku. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi għall-iskop tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom ma jikkostitwixxix użu mill-ġdid;

[...]”

7        L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni”, jipprevedi:

“[...]

(2)      L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni:

[...]

2.      jekk l-informazzjoni tkun tikkostitwixxi, bis-saħħa tal-liġi, sigriet kummerċjali jew sigriet professjonali;

[...]

(4)      L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni jekk:

1.      l-informazzjoni tkun qiegħda fil-proċess li titfassal fi ħdan awtorità pubblika waħda jew iktar, u jekk il-pubblikazzjoni qabel il-finalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-informazzjoni sħiħa u definittiva tkunx aktarx tali li tfixkel serjament il-proċess ta’ tfassil tagħha;

[...]

(8)      L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jista’ jkun ristrett ukoll fejn l-informazzjoni tkun iffinalizzata, b’mod partikolari fejn dan l-iżvelar ikun ta’ ħsara serja għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u għall-espressjoni ta’ opinjonijiet jew ikun iwassal għal interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut tal-informazzjoni, u dan sakemm il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni ma tkunx iġġustifikata minn xi interess pubbliku superjuri.

[...]”

8        Skont l-Artikolu 27 tal-imsemmija liġi, li jagħmel parti mill-Kapitolu VI ta’ din tal-aħħar, intitolat “Użu mill-ġdid ta’ informazzjoni”:

“[...]

(2)      L-awtorità pubblika għandha tagħmilha possibbli għall-utenti li jkollhom aċċess għad-data miftuħa u li jużaw l-informazzjoni mill-ġdid permezz tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tintuża mill-ġdid jew abbażi ta’ talbiet għal użu mill-ġdid.

[...]

(5)      Għall-finijiet tal-użu mill-ġdid, l-awtoritajiet pubbliċi ma humiex obbligati jipproduċu u jadattaw informazzjoni jew jieħdu partijiet minnha jekk dan ikun jieħu ammont sproporzjonat ta’ ħin jew riżorsi, u lanqas ma huwa meħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jkomplu jaġġornaw, jikkompletaw u jaħżnu informazzjoni għall-finijiet ta’ użu mill-ġdid.

[...]”

9        L-Artikolu 29 tal-Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, intitolat “Talba għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti”, jipprovdi:

“(1)      Fit-talba għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni, l-applikant għandu jsemmi, minbarra d-data msemmija fl-Artikolu 18(3) ta’ din il-liġi, l-informazzjoni li huwa jixtieq juża mill-ġdid, il-format tagħha u l-mod kif jixtieq jirċievi l-kontenut tal-informazzjoni mitluba, kif ukoll l-iskop tal-użu tal-informazzjoni (skop kummerċjali jew mhux kummerċjali).

(2)      L-entitajiet li ġejjin ma humiex obbligati jilqgħu talba għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni:

[...]

2.      il-kumpanniji kummerċjali li fihom ir-Repubblika tal-Kroazja jew awtorità lokali (reġjonali) tkun teżerċita jew tkun tista’ teżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti minħabba li tkun proprjetarja ta’ tali kumpannija jew ikollha sehem finanzjarju fiha, jew minħabba r-regoli li jirregolawha, u:

–        li jwettqu attivitajiet fis-setturi tal-gass u tal-enerġija termali, tal-enerġija elettrika, tal-ilma, tas-servizzi ta’ trasport, tal-ajruporti, tal-portijiet marittimi u tax-xmajjar, tas-servizzi postali, tal-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass, kif ukoll tal-esplorazzjoni jew tal-estrazzjoni ta’ faħam jew ta’ kombustibbli solidi oħra, skont il-liġi li tirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,

[...]

(7)      Id-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Kummissarju [għall-Informazzjoni] fi żmien 15‑il jum min-notifika tad-deċiżjoni. Id-digrieti mogħtija mill-Kummissarju [għall-Informazzjoni] ma jistgħux jiġu appellati, iżda jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż amministrattiv quddiem il-Visoki upravni sud [(il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja)].

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

10      HP, li hija kumpannija li r-Repubblika tal-Kroazja għandha 100 % tal-ishma tagħha, hija l-fornitur tas-servizz postali universali f’dan l-Istat Membru. Hija twettaq ukoll attivitajiet kummerċjali.

11      HP ġiet adita b’talba għal informazzjoni li għandha bħala suġġett, b’mod partikolari, kuntratti ta’ kostruzzjoni, rendikonti dwar l-istatus tax-xogħlijiet u minuti tal-immissjoni fil-pussess tal-bini.

12      Billi din it-talba ġiet miċħuda minn HP, ġie ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Kummissarju għall-Informazzjoni, li ordna lil HP tilqa’ l-imsemmija talba.

13      Adita b’rikors ippreżentat minn HP kontra dan id-digriet tal-Kummissarju għall-Informazzjoni, il-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell) bagħtet lura l-kawża quddiem din tal-aħħar sabiex jeżaminaha mill-ġdid minħabba li, fid-data li fiha dan il-kummissarju kien ta l-imsemmi digriet, it-terminu previst għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1024 kien skada u li l-obbligu ta’ komunikazzjoni li l-imsemmi kummissarju impona fuq HP kellu jiġi eżaminat fid-dawl tad-definizzjonijiet u l-eċċezzjonijiet il-ġodda previsti f’din id-direttiva.

14      Wara li eżamina l-kawża mill-ġdid, il-Kummissjarju għall-Informazzjoni reġa’ ordna lil HP tikkomunika l-informazzjoni mitluba.

15      HP ippreżentat rikors kontra dan id-digriet quddiem il-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell), li hija l-qorti tar-rinviju.

16      Insostenn tar-rikors tagħha, HP issostni, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2019/1024 ġiet trasposta b’mod inkorrett fid-dritt Kroat, sa fejn, fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “awtorità pubblika”, fis-sens tal-Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, ma għandux l-istess portata bħall-kunċett ta’ “impriża pubblika”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, HP tmantni li din id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett tal-aħħar li tinsab fl-imsemmija direttiva tapplika kemm għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni kif ukoll għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni. HP issostni, fl-aħħar nett, li l-informazzjoni li hija ġiet ordnata tipproduċi għandha x’taqsam mal-attività settorjali tagħha u li din l-informazzjoni tikkostitwixxi sigriet kummerċjali.

17      Il-Kummissarju għall-Informazzjoni jsostni, min-naħa tiegħu, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-eżerċizzju tad-dritt għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni, iżda dak tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni. Issa, id-Direttiva 2019/1024 tirregola, fil-fehma tiegħu, id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, u mhux ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex issolvi t-tilwima pendenti quddiemha, hija għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk HP kinitx obbligata tikkomunika, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, informazzjoni li ma hijiex relatata direttament mal-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, u li dan jimplika, fost oħrajn, id-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “użu mill-ġdid” ta’ informazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2019/1024.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-kunċett ta’ ‘użu mill-ġdid ta’ informazzjoni’, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2019/1024] ikopri l-aċċess għal kull informazzjoni prodotta jew miżmuma minn organu tas-settur pubbliku/impriża pubblika, li utent (persuna fiżika jew ġuridika) titlob għall-ewwel darba mingħand organu tas-settur pubbliku?

2.      Talba għal informazzjoni prodotta jew miżmuma minn organu tas-settur pubbliku/impriża pubblika, li tkun ġiet iġġenerata fil-kuntest tal-kompetenzi jew inkonnessjoni mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament ta’ dan l-organu, tista’ titqies li hija talba għal informazzjoni suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva japplikaw għat-talbiet kollha għal aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-organi tas-settur pubbliku?

3.      L-entitajiet suġġetti għall-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1024 huma biss l-organi tas-settur pubbliku li fir-rigward tagħhom jintalab l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni, jew id-definizzjonijiet il-ġodda jirreferu għall-organi kollha tas-settur pubbliku u għall-informazzjoni kollha miżmuma minnhom, b’tali mod li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 [ta’ din id-direttiva] huma obbligati jikkomunikaw l-informazzjoni prodotta jew miżmuma minnhom, jew għandu jitqies li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 [tal-imsemmija direttiva] huma obbligati jipprovdu informazzjoni fil-każ biss ta’ użu mill-ġdid ta’ informazzjoni?

4.      L-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2019/1024 jippermettu lill-organi tas-settur pubbliku jirrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni prodotta jew miżmuma minnhom, jew dawn huma eċċezzjonijiet li japplikaw biss meta l-organi tas-settur pubbliku issirilhom talba għal użu mill-ġdid?”

 Ilproċeduri quddiem ilQorti talĠustizzja

20      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Lulju 2023, HP – Hrvatska pošta (C‑336/23, EU:C:2023:617), it-talba tal-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell), intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet miċħuda.

 Fuq iddomandi preliminari

21      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba li wasslet għat-tilwima fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, kienet tirrigwarda biss l-aċċess għal dokumenti miżmuma minn organu tas-settur pubbliku, mingħajr ma kienet intiża wkoll sabiex dawn id-dokumenti jintużaw mill-ġdid.

22      Min-naħa l-oħra, minn din id-deċiżjoni jirriżulta, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, li d-data rilevanti sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali hija dik li fiha l-Kummissarju għall-Informazzjoni adotta d-digriet li ordna lil HP tilqa’ din it-talba, f’liema data t-terminu previst għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1024 kien laħaq skada.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom isiru mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifikaha (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D.(Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      B’hekk, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2019/1024 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma minn organu tas-settur pubbliku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2019/1024, moqri fid-dawl tal-premessi 9, 13 u 70 tagħha, din tal-aħħar tfittex li tiffavorixxi l-użu tad-data miftuħa u li toħloq il-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp, fil-livell tal-Unjoni u fl-Istati Membri, ta’ prodotti u ta’ servizzi b’kontenut diġitali bbażati fuq dokumenti li joriġinaw mis-settur pubbliku bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

26      Għal dan il-għan, din id-direttiva tistabbilixxi sett ta’ regoli minimi dwar l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi intiżi sabiex jiffavorixxu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn organi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri u minn ċerti impriżi pubbliċi, kif ukoll dwar l-użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka.

27      Skont il-punt 11 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, “użu mill-ġdid” għandu jinftiehem bħala l-użu ta’ tali dokumenti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali li ma jkunux l-iskop inizjali tal-kompiti ta’ servizz pubbliku li għalih ikunu ġew prodotti d-dokumenti.

28      Għalkemm l-“użu mill-ġdid”, fis-sens tad-Direttiva 2019/1024, jippreżupponi li wieħed ikollu aċċess għad-dokumenti kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma żewġ ħwejjeġ manifestament distinti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑362/10, EU:C:2011:703, punt 54).

29      Issa, din id-direttiva tirregola, kif proprju jistabbilixxi l-Artikolu 1(7) tagħha, l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti miżmuma mill-organi tas-settur pubbliku u mill-impriżi pubbliċi tal-Istati Membri, mingħajr madankollu ma tipprevedi ebda obbligu fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti.

30      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2019/1024, moqri fid-dawl tal-premessa 23 tagħha, din id-direttiva tibni fuq, u hija bla ħsara ta’, ir-regoli ta’ aċċess tal-Unjoni u r-regoli ta’ aċċess nazzjonali fis-seħħ. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2)(d) u (f) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din tal-aħħar ma tapplikax għad-dokumenti li l-aċċess għalihom ikun eskluż mir-regoli ta’ aċċess fis-seħħ fl-Istati Membri.

31      B’hekk, id-Direttiva 2019/1024 ma tistabbilixxix dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku, iżda tippreżupponi l-eżistenza ta’ tali dritt fil-liġi tal-Istati Membri jew fil-liġi tal-Unjoni, b’tali mod li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal dawn id-dokumenti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, NKBM, C‑215/17, EU:C:2018:901, punt 32).

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2019/1024 għandha tiġi interpretata fis-sens li talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma minn organu tas-settur pubbliku ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

 Fuq lispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma minn organu tas-settur pubbliku ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.