SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

24 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 4 – Drittijiet esklużivi – Protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġetti tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jkunx Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Berna – Artikolu 2(7) – Kriterju ta’ reċiproċità materjali – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha – Applikazzjoni mill-Istati Membri tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE”

Fil-Kawża C‑227/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2023, fil-proċedura

Kwantum Nederland BV,

Kwantum België BV

vs

Vitra Collections AG

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kwantum Nederland BV u Kwantum België BV, minn C. Garnitsch, M. Rijks u M. van Gerwen, advocaten,

għal Vitra Collections AG, minn S. A. Klos, A. Ringnalda, advocaten, u M. A. Ritscher, Rechtsanwalt,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink u K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u A. Van Baelen, bħala aġenti, assistiti minn A. Strowel, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u E. Timmermans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso, O. Glinicka, P.-J. Loewenthal u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u tal-Artikoli 17(2) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vitra Collections AG (iktar ’il quddiem “Vitra”), kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru, u Kwantum Nederland BV u Kwantum België BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Kwantum”), li joperaw, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju, katina ta’ ħwienet ta’ oġġetti ta’ tagħmir għad-djar, fosthom l-għamara, minħabba li dawn tal-aħħar ikkummerċjalizzaw siġġu li, skont Vitra, jikser id-drittijiet tal-awtur li tagħhom hija d-detentriċi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Konvenzjoni ta’ Berna

3

L-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jiddikjara:

“Huwa rriżervat għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [stabbilita minn din il-konvenzjoni] li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7.4 ta’ din il-konvenzjoni. Għal xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni [stabbilita mill-imsemmija konvenzjoni] tista’ tintalab biss il-protezzjoni speċjali mogħtija f’dan il-pajjiż lid-disinni; madankollu, jekk tali protezzjoni speċjali ma tingħatax f’dan il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet ikunu protetti bħala xogħlijiet artistiċi.”

4

L-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“L-awturi jgawdu, fir-rigward tax-xogħlijiet li għalihom huma protetti bis-saħħa ta’ din il-[k]onvenzjoni, fil-pajjiżi tal-Unjoni [stabbilita minn din il-konvenzjoni] barra mill-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, drittijiet li l-liġijiet rispettivi jagħtu attwalment jew li ser jagħtu sussegwentement liċ-ċittadini nazzjonali, kif ukoll drittijiet mogħtija speċifikament minn din il-[k]onvenzjoni.”

5

L-Artikolu 7(8) tal-imsemmija konvenzjoni jinqara kif ġej:

“Fil-każijiet kollha, it-tul ta’ żmien għandu jiġi rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni; madankollu, sakemm il-liġi ta’ dan il-pajjiż tal-aħħar ma tiddeċidix mod ieħor, hija ma għandhiex teċċedi t-tul ta’ żmien stabbilit fil-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol.”

6

L-Artikolu14ter(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi:

“Il-protezzjoni prevista fil-paragrafu iktar ’il fuq ma hijiex dovuta f’kull pajjiż tal-Unjoni [ikkostitwita mill-istess konvenzjoni] ħlief jekk il-liġi nazzjonali tal-awtur taċċetta din il-protezzjoni u sa fejn il-liġi tal-pajjiż fejn din il-protezzjoni hija mitluba tippermetti dan.”

7

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni ma jipprekludux li tiġi invokata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar wiesgħa li jkunu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż tal-Unjoni [stabbilita minn din il-konvenzjoni].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Ftehim TRIPs

8

L-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), intitolat “Trattament Nazzjonali”, jipprovdi:

“1.   Kull Membru għandu jittratta lill-ċittadini ta’ Membri oħra b’mod mhux inqas favorevoli miċ-ċittadini tiegħu stess dwar il-protezzjoni (3) ta’ Proprjetà Intellettwali, soġġetti għall-eċċezzjonijiet imsemmija fi, rispettivament, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi (1967), il-Konvenzjoni ta’ Berne (1971), Il-Konvenzjoni ta’ Ruma u t-Trattat dwar Proprjetà Intellettwali dwar ċirkwiti integrati. Dan l-obbligu japplika biss għad-drittijiet imsemmija taħt dan il-Ftehim, dwar performers, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir. Kwalunkwe Membru li juża l-possibbilitajiet imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) jew paragrafu 1(b) ta’ l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jagħmel notifika kif definit f’dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kunsill għal TRIPS.

2.   Il-Membri jistgħu jużaw l-eċċezzjoni li hemm taħt il-paragrafu 1 fir-rigward il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi, inklużi n-nomina għas-servizz jew nomina ta’ aġent fil-ġurisdizzjoni ta’ Membru, fejn dawn l-eċċezzjonijiet huma meħtieġa biex jassiguraw il-kompliċità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u fejn dawn il-prattiċi mhumiex applikati b’mod li li jistgħu jkunu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ.”

9

L-Artikolu 9 tal-Ftehim TRIPs, intitolat “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) u l-Appendiċi tagħha. Madankollu, il-Membri ma għandhomx ikollhom id-drittijiet jew l-obbligi taħt dan il-Ftehim dwar id-drittijiet mogħtija taħt l-Artiklu 6bis ta’ dik il-Konvenzjoni jew id-drittijiet li joħorġu minnu.”

It‑TDA

10

It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”), adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996, ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas‑16 ta’ Marzu 2000.

11

L‑Artikolu 1 tat-TDA, intitolat “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne” jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta’ Berne.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2001/29

12

Il-premessi 6, 9 u 15 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(6)

Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tassuq intern u inkonsistenza leġislattiva. […]

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[…]

(15)

Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-[TDA] u t-[Trattat WIPO], [, adottata f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996, u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2000/278] li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. […] Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.”

13

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.”

14

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

16

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.”

17

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jelenka l-każijiet li fihom l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprevedu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva.

18

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni maż-żmien”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw rigward ix-xogħolijiet kollha u suġġetti oħra msemmija f’din id-Direttiva li huma, fit‑22 ta’ Diċembru 2002, protetti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).”

Id‑Direttiva 2001/84/KE

19

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240), intitolat “Ċittadini ta’ pajjiżi terzi intitolati li jirċievu r-royalties”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awturi li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, soġġetti għall-Artikolu 8(2), is-suċċessuri tagħhom fit-titolu għandhom igawdu mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid skond din id-Direttiva u l-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat biss jekk il-leġislazzjoni fil-pajjiż li tiegħu l-awtur innifsu jew is-suċċessur tiegħu/tagħha fit-titolu jkun ċittadin tippermetti l-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid f’dak il-pajjiż għall-awturi mill-Istati Membri u s-suċċessuri tagħhom fit-titolu.”

Id‑Direttiva 2006/116/KE

20

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU 2006, L 372, p. 12) intitolat: “Protezzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-pajjiż ta’ oriġini ta’ xogħol, fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna, ikun pajjiż terz, u l-awtur tax-xogħol ma jkunx ċittadin tal-Komunità, il-perjodu ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi fid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, iżda ma jistax jaqbeż il-perjodu stipulat fl-Artikolu 1.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

Vitra timmanifattura għamara “design”, fosthom siġġijiet iddisinjati mill-konjuġi, fil-frattemp mejta, Charles u Ray Eames, ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika, u hija detentriċi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq dawn is-siġġijiet.

22

Wieħed mis-siġġijiet immanifatturati minn Vitra huwa d-Dining Sidechair Wood (iktar ’il quddiem is-“siġġu DSW”), iddisinjat minn dawn il-konjuġi fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ta’ disinn ta’ għamara mnedija mill-Museum of Modern Art ta’ New York (l-Istati Uniti) matul is-sena 1948 u espost f’dan il-mużew mis-sena 1950.

23

Kwantum topera, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju, katina ta’ ħwienet ta’ oġġetti ta’ tagħmir għad-djar, b’mod partikolari tal-għamara għal użu intern.

24

Matul is-sena 2014, Vitra kkonstatat li Kwantum kienet tikkummerċjalizza siġġu, imsejjaħ “siġġu Paris”, bi ksur, skont Vitra, tad-drittijiet tal-awtur miżmuma minn din tal-aħħar fuq is-siġġu DSW.

25

Adita minn Vitra, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li Kwantum ma kisritx id-drittijiet tal-awtur ta’ Vitra fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju u ma aġixxietx b’mod illegali meta kkummerċjalizzat is-siġġu Paris. Għaldaqstant, din il-qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Vitra u, fil-parti l-kbira, laqgħet it-talbiet ta’ Kwantum.

26

Din is-sentenza ġiet annullata mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li qieset li, billi kkummerċjalizzat is-siġġu Paris, Kwantum kisret fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju d-drittijiet tal-awtur ta’ Vitra fuq is-siġġu DSW.

27

Adita b’appell, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li t-tilwima tirrigwarda l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li, għax-xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini, tipprevedi b’mod partikolari li ma tistax tiġi invokata f’pajjiż ieħor tal-Unjoni stabbilita minn din il-konvenzjoni ħlief il-protezzjoni speċjali li tingħata f’dan il-pajjiż lid-disinni li tista’ tintalab f’pajjiż ieħor tal-Unjoni stabbilita minn din il-konvenzjoni, billi b’hekk jiġi stabbilit kriterju ta’ reċiproċità materjali.

28

F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva, l-ewwel nett, li, għalkemm l-Unjoni Ewropea ma tagħmilx parti mill-Konvenzjoni ta’ Berna, hija ntrabtet, permezz tat-trattati internazzjonali, li tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tagħha. Minbarra dan, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kriterju ta’ reċiproċità materjali msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) ta’ din il-konvenzjoni, b’mod li l-kwistjoni tqum dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jistabbilixxu huma stess jekk iħallux jew le mhux applikat dan il-kriterju għal xogħol li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ pajjiż terz.

29

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tindika li d-drittijiet tal-awtur fuq xogħol tal-arti applikata jagħmlu parti integrali mid-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta. Hija tqis li s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dispożizzjoni tat-Trattat tal-WIPO dwar wirjiet u fonogrammi, li l-Unjoni hija parti minnu, tqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jeżiġix, għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol tal-arti applikata permezz tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li din il-limitazzjoni tkun prevista mil-liġi, jiġifieri permezz ta’ regola ċara u preċiża. F’dan ir-rigward, minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott li huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni, u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali, li għandu jiddetermina jekk, fl-Unjoni, id-drittijiet tal-awtur fuq xogħol tal-arti applikata jistgħux ikunu limitati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li joriġina minn pajjiż terz u li l-awtur tiegħu ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni u, fl-affermattiv, li jiddefinixxi din il-limitazzjoni b’mod ċar u preċiż. Issa, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex tali limitazzjoni.

30

It-tielet nett, quddiem il-qorti tar-rinviju, Kwantum sostniet li l-kriterju ta’ reċiproċità materjali msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. Issa, għandu jiġi stabbilit sa fejn din id-dispożizzjoni jista’ jkollha effett fuq l-applikazzjoni, fir-rigward tat-talbiet relatati mar-Renju tal-Belġju, tat-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 2(7).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti:

“1)

Is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-proċedura taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni?

Sa fejn id-domanda msemmija hawn fuq għandha tingħata risposta fl-affermattiv, qed isiru d-domandi li ġejjin.

2)

Il-fatt li d-drittijiet tal-awtur fuq xogħol ta’ arti applikata jagħmlu parti integrali mid-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali stabbilit fl-Artikolu 17(2) tal-[Karta] jimplika li, għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur (fis-sens tad-Direttiva [2001/29] fuq xogħol tal-arti applikata b’applikazzjoni tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali tal-Artikolu 2(7) tal-[Konvenzjoni ta’ Berna], id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jeżiġi li din il-limitazzjoni tkun prevista mil-liġi?

3)

L-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva [2001/29] kif ukoll l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa esklużivament il-leġiżlatur tal-Unjoni (u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali) li għandu jiddetermina jekk l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur (fis-sens tad-Direttiva [2001/29]) jistax jiġi limitat fl-Unjoni fir-rigward ta’ xogħol ta’ arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fis-sens ta’ din il-konvenzjoni jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni bl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, u, jekk dan huwa l-każ, jiddefinixxi din il-limitazzjoni b’mod ċar u preċiż […]?

4)

L-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva [2001/29], moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx ippreveda limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur (fis-sens tad-Direttiva [2001/29]) fuq xogħol tal-arti applikata b’applikazzjoni tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, l-Istati Membri tal-Unjoni ma jistgħux japplikaw dan il-kriterju fir-rigward ta’ xogħol ta’ arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fis-sens ta’ din il-konvenzjoni jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni?

5)

Fiċ-ċirkustanzi kif huma inkwistjoni f’din il-proċedura, u fid-dawl tal-mument li fih id-dispożizzjoni (preċedenti għal dik) tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ġiet stabbilita, fir-rigward tal-Belġju, huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE b’tali mod li, għal din ir-raġuni, il-Belġju jista’ japplika l-kriterju ta’ reċiproċità materjali tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, il-pajjiż ta’ oriġini aderixxa mal-imsemmija konvenzjoni fl‑1 ta’ Mejju 1989?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

32

Fl-ewwel lok, Kwantum issostni li l-qorti tar-rinviju ma esponietx kif is-“sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-proċedura”, espressjoni li hija tuża fl-ewwel domanda tagħha mingħajr ma tiddefinixxiha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali, b’tali mod li d-domandi magħmula minnha huma ipotetiċi.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwima li huma mitluba jiddeċiedu (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, kemm-il darba d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li d-domandi magħmula minnha jagħmlu parti minnu jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom dawn id-domandi jkunu bbażati. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu lill-qorti nazzjonali li titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod ċar il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, billi l-ewwel domanda preliminari hija intiża speċifikament sabiex jiġi stabbilit jekk din taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-istess punti jirriżulta li din il-qorti esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li hija tqis neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, b’tali mod li ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni ta’ rilevanza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata.

37

Fit-tieni lok, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Kwantum kif ukoll il-Gvern Olandiż isostnu li d-domandi li għandhom jiġu deċiżi mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali jirrigwardaw biss l-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, b’tali mod li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teħtieġ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38

Tali argument, li essenzjalment jirrigwarda n-neċessità tad-domandi preliminari sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2001/29, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 351 TFUE, jipprekludix l-applikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

39

Issa, din il-kwistjoni taqa’ taħt il-mertu tad-domandi magħmula.

40

Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju, anki jekk l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna, hija obbligata tosserva l-Artikoli 1 sa 21 ta’ din il-konvenzjoni, skont, minn naħa, l-Artikolu 1(4) tat-TDA, li għalih hija parti (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo,C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 38, kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 tal-Ftehim TRIPs, b’tali mod li din il-konvenzjoni tipproduċi effetti indiretti fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF,C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 50, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Atresmedia Corporación de Medios de Comunicación,C‑147/19, EU:C:2020:935, punt 36) u li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha għalfejn tinterpreta d-dispożizzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International,C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 34; tas‑16 ta’ Marzu 2017, AKM,C‑138/16, EU:C:2017:218, punti 2144, kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 42).

41

Isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

Fuq l‑ewwel domanda

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

43

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kawża prinċipali tikkonċerna azzjoni mibdija minn Vitra quddiem il-qrati Olandiżi, li permezz tagħha din il-kumpannija tinvoka, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju, protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tas-siġġu DSW, iddisinjat minn ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika u li joriġina minn dan il-pajjiż terz, li Kwantum kienet ikkummerċjalizzat imitazzjonijiet.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29, li din id-direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fil-kuntest tas-suq intern.

45

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 31 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma huwiex iddefinit skont il-kriterju tal-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol jew tan-nazzjonalità tal-awtur tiegħu, iżda b’riferiment għas-suq intern, li huwa ekwivalenti għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, stabbilit fl-Artikolu 52 TUE. Bla ħsara għall-Artikolu 355 TFUE, dan il-kamp ta’ applikazzjoni jikkonsisti fit-territorji tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers,C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2001/29, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li tarmonizza ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, japplikaw għax-xogħlijiet kollha u għas-suġġetti protetti l-oħra kollha koperti minnha li, fid-data prevista għat-traspożizzjoni tagħha, jissodisfaw il-kriterji ta’ protezzjoni skont id-dispożizzjonijiet tagħha. Minn dan isegwi li l-imsemmija direttiva tista’ tkun applikabbli għall-kawża prinċipali.

47

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jiddefinixxu, b’mod inekwivoku, id-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni jgawdu minnhom, peress li dawn id-dispożizzjonijiet joffru kuntest ġuridiku armonizzat li jiżgura protezzjoni għolja u omoġenja tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u jikkostitwixxu miżuri ta’ armonizzazzjoni kompleta tal-kontenut materjali tad-drittijiet imsemmija fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW,C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 35 sa 38). Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, ukoll b’mod inekwivoku, id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku msemmi fiha, peress li din il-miżura tikkostitwixxi, bħad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, miżura ta’ armonizzazzjoni kompleta tal-kontenut sostantiv tad-dritt imsemmi fih.

48

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet japplikawx għal suġġett tal-arti applikata, bħas-siġġu DSW inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali suġġett jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29, meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, is-suġġett ikkonċernat għandu jkun oriġinali, fis-sens li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni bħala “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, hija rreżervata għall-elementi li jkunu l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni intellettwali (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo,C‑310/17, EU:C:2018:899, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Meta suġġett tal-arti applikata jkollu l-karatteristiċi mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, u jikkostitwixxi għalhekk xogħol, huwa għandu, f’din il-kwalità, jibbenefika minn protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur, konformement ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, sa fejn il-kundizzjonijiet materjali previsti mid-Direttiva 2001/29 ikunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, li suġġett tal-arti applikata bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu applikabbli.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li sitwazzjoni li fiha kumpannija tinvoka protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġett tal-arti applikata kkummerċjalizzat fi Stat Membru, sa fejn dan jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-informazzjoni kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat),C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-aġir kontenzjuż jikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni minn Kwantum ta’ oġġetti, jiġifieri kopji ta’ siġġu, bi ksur tad-drittijiet tal-awtur li tagħhom Vitra hija d-detentriċi, b’tali mod li huma rilevanti l-Artikolu 2(a) kif ukoll l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, li jagħtu lill-awtur ta’ xogħol, rispettivament, id-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ dan ix-xogħol. Min-naħa l-oħra, xejn minn dan il-proċess ma jirriżulta li dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-Istati Membri japplikaw il-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ pajjiż terz.

55

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, l-ewwel nett, jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq japplikawx għal xogħol tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz jew li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ pajjiż terz u, fit-tieni lok, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux l-applikazzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

56

Qabelxejn, għandu jitfakkar li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest li tagħmel parti minnu u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers,C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jipprevedu, għall-awturi, id-drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu, minn naħa, ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta, provviżorja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma li tkun, kollha jew parti, tax-xogħlijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, permezz tal-bejgħ jew b’mod ieħor, tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji tagħhom.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx espressament jekk il-kunċett ta’ “xogħol”, imsemmi fihom, ikoprix xogħol tal-arti applikata li l-oriġini tiegħu jkun pajjiż terz, u lanqas jekk il-kunċett ta’ “awtur”, fis-sens tagħhom, ikoprix l-awtur ta’ tali xogħol li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz.

59

Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, li, meta suġġett jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29, huwa għandu, f’din il-kwalità, igawdi minn protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur, konformement ma’ din id-direttiva, meta din barra minn hekk ma tipprevedi ebda kundizzjoni relatata mal-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol inkwistjoni jew man-nazzjonalità tal-awtur tiegħu.

60

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqgħu dawn id-dispożizzjonijiet, l-ewwel nett, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, billi ddefinixxa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 permezz ta’ kriterju territorjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni x-xogħlijiet kollha li l-protezzjoni tagħhom hija mitluba fit-territorju tal-Unjoni, indipendentement mill-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn ix-xogħlijiet jew min-nazzjonalità tal-awtur tagħhom.

61

It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li ċerti strumenti tal-leġiżlazzjoni armonizzata dwar id-drittijiet tal-awtur jipprevedu sistema speċifika għax-xogħlijiet li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berna, ikun pajjiż terz u li l-awtur tagħhom ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru. Għalhekk, id-Direttiva 2006/116, b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tagħha, tipprevedi li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li, fl-Istati Membri, tingħata lil tali xogħlijiet tintemm fid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija fil-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, mingħajr ma jista’ jinqabeż it-tul previst minn din id-direttiva. Issa, hekk kif issostni Vitra, tali sistema, li tikkonċerna speċifikament il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tax-xogħlijiet li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikun pajjiż terz, ma tkunx utli jekk il-protezzjoni tax-xogħlijiet inkwistjoni ma kinitx żgurata taħt id-Direttiva 2001/29.

62

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni esposta fil-punt 60 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2001/29.

63

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hekk kif tiddikjara l-premessa 6 ta’ din id-direttiva, din hija intiża b’mod partikolari sabiex jiġu evitati differenzi sinjifikattivi fil-qasam tal-protezzjoni u, għaldaqstant, tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-merkanzija li jinkludu elementi li jaqgħu taħt il-proprjetà intellettwali jew li huma bbażati fuq tali elementi, li jipprovoka frammentazzjoni ġdida tas-suq intern kif ukoll inkonsistenzi ta’ natura leġiżlattiva, fejn kull armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandha, skont il-premessa 9 tal-istess direttiva, tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni. Issa, tali għan jinkiser jekk id-Direttiva 2001/29 tirregola biss, fl-Unjoni, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet li joriġinaw minn Stat Membru jew li l-awtur tagħhom ikun ċittadin ta’ Stat Membru.

64

It-tieni nett, il-premessa 15 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara li din hija intiża wkoll sabiex timplimenta wħud mill-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mit-TDA. F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 9(1) tal-Ftehim TRIPs u mal-Artikolu 1(4) tat-TDA, l-Unjoni għandha tikkonforma ruħha, minn naħa, mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, hekk kif dan ġie indikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, fl-anness ta’ din il-konvenzjoni. Issa, mill-Artikolu 5(1) tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta li l-awturi jgawdu, fir-rigward tax-xogħlijiet li għalihom huma protetti skont din l-istess konvenzjoni, fil-pajjiżi tal-Unjoni stabbilita minnha minbarra l-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, drittijiet li l-liġijiet rispettivi jagħtu attwalment jew li ser jagħtu sussegwentement lill-persuni li jkollhom nazzjonalità.

65

Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun kuntrarju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni implimentati mid-Direttiva 2001/29 fil-qasam tal-proprjetà intellettwali li din tal-aħħar tarmonizza d-drittijiet tal-awtur fir-rigward tax-xogħlijiet li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikun Stat Membru jew li l-awtur tagħhom ikun ċittadin ta’ Stat Membru, filwaqt li jitħalla lid-dritt intern tal-Istati Membri d-determinazzjoni tas-sistema legali applikabbli għax-xogħlijiet li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikun pajjiż terz jew li l-awtur tagħhom ikun ċittadin ta’ pajjiż terz.

66

Għalhekk, hekk lok li jitqies li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 japplikaw għax-xogħlijiet tal-arti applikata li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew li l-awturi tagħhom ikunu ċittadini ta’ tali pajjiżi.

67

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux li l-Istati Membri japplikaw, fid-dritt nazzjonali, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz jew li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza tfakkar li, skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jipprevedu, għall-awturi, id-drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni kif ukoll id-distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għax-xogħlijiet tal-arti applikata li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew li l-awturi tagħhom ikunu ċittadini ta’ tali pajjiżi.

68

Issa, minn naħa, l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ dan il-kriterju ta’ reċiproċità materjali hija mhux biss kuntrarja għall-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, iżda tqiegħed inkwistjoni wkoll l-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fl-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fis-suq intern. Fil-fatt, skont l-imsemmi kriterju, xogħlijiet tal-arti applikata li joriġinaw minn pajjiż terz jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti fi Stati Membri differenti, skont dispożizzjonijiet tad-dritt konvenzjonali applikabbli b’mod bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz.

69

Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, peress li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza huma protetti taħt l-Artikolu 17(2) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għandha, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tiġi prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet.

70

F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna tista’ tikkostitwixxi tali limitazzjoni, sa fejn din l-applikazzjoni tista’ ċċaħħad lid-detentur eventwali ta’ dawn id-drittijiet mit-tgawdija u mill-eżerċizzju tagħhom fuq parti mis-suq intern, jiġifieri fit-territorju tal-Istat Membru li japplika din il-klawżola.

71

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi.

72

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta regola tad-dritt tal-Unjoni tarmonizza l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni, u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali, li għandu jiddetermina jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, ta’ dan id-dritt fir-rigward tax-xogħlijiet li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikun pajjiż terz jew li l-awtur tagħhom ikun ċittadin ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers,C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 88).

73

Fil-fatt, billi adotta d-Direttiva 2001/29, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kkunsidrat li eżerċita l-kompetenzi preċedentement mogħtija lill-Istati Membri fil-qasam ikkonċernat. Għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-Unjoni għandha titqies bħala li ssostitwixxiet ruħha għall-Istati Membri li ma humiex iktar kompetenti sabiex jimplimentaw l-istipulazzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Berna (sentenza tas‑26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-Artikolu 2(a), la l-Artikolu 4(1) u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2001/29 ma jinkludu, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

75

Barra minn hekk, huwa minnu li d-Direttiva 2001/29 għandha effettivament bħala skop li tarmonizza biss ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, u li diversi dispożizzjonijiet tagħha juru, barra minn hekk, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW,C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 34, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online,C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għad-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, taħt piena ta’ dannu għall-effettività tal-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati mwettqa mill-imsemmija direttiva kif ukoll l-għan ta’ ċertezza legali mfittex, kif ukoll għar-rekwiżit ta’ konsistenza fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW,C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 56, 6263 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan l-Artikolu 5 ma jinkludix, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni analoga għal dik tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

77

Id-Direttiva 2001/29 hija għalhekk differenti, f’dan ir-rigward, minn strumenti oħra ta’ armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li kienu ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

78

B’mod partikolari, l-imsemmija konvenzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, eċċezzjonijiet limitati, relatati max-xogħlijiet tal-arti applikata, mat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni u mad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li skonthom il-partijiet f’din il-konvenzjoni għandhom il-possibbiltà li japplikaw kriterju ta’ reċiproċità materjali u, bħala tali, ma humiex obbligati japplikaw trattament nazzjonali, konformement mal-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni.

79

Issa, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li japplika kriterju ta’ reċiproċità materjali, minn naħa, għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/116 sa fejn jikkonċerna t-tul ta’ protezzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/84 sa fejn jikkonċerna d-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, konformement mal-Artikolu 7(8) u mal-Artikolu 14ter(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, il-leġiżlatur tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma inkludiex, fid-Direttiva 2001/29 u lanqas f’dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tad-drittijiet esklużivi mogħtija lill-awturi permezz tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva fil-forma ta’ kriterju ta’ reċiproċità materjali bħal dak previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. F’dan ir-rigward, hekk kif ġie espost fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni, u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li għandu jipprevedi, permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, tad-drittijiet previsti f’dan l-Artikolu 2(a) u f’dan l-Artikolu 4(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers,C‑265/19, EU:C:2020:677, punti 8891).

80

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti kollha, hemm lok li t-tieni sar-raba’ domanda jiġu risposti li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu li l-Istati Membri japplikaw, fid-dritt nazzjonali, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ pajjiż terz. Huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li għandu jipprevedi, permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, tad-drittijiet previsti f’dan l-Artikolu 2(a) u f’dan l-Artikolu 4(1).

Fuq il‑ħames domanda

81

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru japplika, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali li jinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward ta’ xogħol li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun l-Istati Uniti tal-Amerika.

82

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, bejn Stat Membru jew Stati Membri, minn naħa, u Stat terz jew diversi Stati terzi, min-naħa l-oħra, ma humiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

83

Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Konvenzjoni ta’ Berna għandha l-karatteristiċi ta’ ftehim internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 351 TFUE (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan,C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 58).

84

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandu l-għan li jippreċiża, konformement mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn ftehim preċedenti għall-adeżjoni tiegħu u li josserva l-obbligi korrispondenti tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan,C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 61).

85

F’dan ir-rigward, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni sar-raba’ domanda, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri ma jistgħux iktar jinvokaw il-possibbiltà li japplikaw il-kriterju ta’ reċiproċità materjali msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, minkejja li din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 1958.

86

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta ftehim internazzjonali li kien ġie konkluż minn Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni jippermetti, bħalma huwa l-każ hawnhekk, li tittieħed miżura li tidher li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jobbligah jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jastjeni ruħu milli jadotta tali miżura (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith, C‑324/93, EU:C:1995:84, punt 32, kif ukoll tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan,C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 62).

87

Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn, minħabba żvilupp fid-dritt tal-Unjoni, miżura leġiżlattiva meħuda minn Stat Membru konformement mal-possibbiltà offruta minn ftehim internazzjonali preċedenti tidher li tmur kontra dan id-dritt, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jibbaża ruħu fuq dan il-ftehim sabiex jeżenta ruħu mill-obbligi tad-dritt tal-Unjoni li jkunu ġew stabbiliti sussegwentement (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Luksan,C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 63).

88

Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna tagħti marġni ta’ evalwazzjoni lill-partijiet f’din il-konvenzjoni, billi tipprevedi, b’mod partikolari, li huma l-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni stabbilita mill-imsemmija konvenzjoni li għandhom jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jirrigwardaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni.

89

Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li din tipprojbixxi lil Stat li huwa parti mill-Konvenzjoni ta’ Berna milli jipproteġi permezz tad-drittijiet tal-awtur xogħol tal-arti applikata li, fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan ix-xogħol, huwa protett biss bis-saħħa ta’ sistema speċjali bħala disinn. It-tieni nett, tali projbizzjoni tmur kontra l-għan ta’ din il-konvenzjoni, rifless fil-prinċipju tat-“trattament nazzjonali” u tal-livell minimu ta’ protezzjoni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha, li huwa li tiġi żgurata lill-awturi protezzjoni barra mill-pajjiż ta’ oriġini ta’ xogħol. Fl-aħħar u fit-tielet nett, jirriżulta f’kull każ speċifikament mill-Artikolu 19 tal-imsemmija konvenzjoni li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jipprekludux li tiġi invokata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet usa’ li jiġu stipulati mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat li huwa parti fl-imsemmija konvenzjoni.

90

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax jinvoka l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna sabiex jeżenta ruħu mill-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/29.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ħames domanda tiġi risposta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru milli japplika, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali li jinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna fir-rigward ta’ xogħol li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun l-Istati Uniti tal-Amerika.

Fuq l-ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Sitwazzjoni li fiha kumpannija tinvoka protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġett tal-arti applikata kkummerċjalizzat fi Stat Membru, sa fejn dan jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.

 

2)

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu li l-Istati Membri japplikaw, fid-dritt nazzjonali, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979, fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ pajjiż terz. Huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandu jipprevedi, permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, tad-drittijiet previsti f’dan l-Artikolu 2(a) u f’dan l-Artikolu 4(1).

 

3)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru milli japplika, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali li jinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979, fir-rigward ta’ xogħol li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun l-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.