Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Artikolu 2, il-punt 36 – Kunċett ta’ “irregolarità” – Artikolu 143(2) – Dannu kkawżat lill-baġit tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata – Determinazzjoni tar-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja applikabbli – Skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑175/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
Obshtina Svishtov
vs
Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova u J. Hradil, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Obshtina Svishtov (il-Komun ta’ Svishtov, il-Bulgarija) u r-Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh 2014-2020” (il-Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Reġjuni tal-Iżvilupp 2014–2020”) (iktar ’il quddiem l- “awtorità ta’ ġestjoni”) dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar impona korrezzjoni finanzjarja fuq dan il-komun, minħabba ksur tar-regoli ta’ nomina ta’ offerent waqt l-għoti ta’ kuntratt pubbliku.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1303/2013
3 Skont il-premessa 120 tar-Regolament Nru 1303/2013 “[b]iex tingħata ċertezza legali lill-Istati Membri, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-arranġamenti u l-proċeduri speċifiċi għall-korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni [Ewropea] fir-rigward tal-Fondi [...] li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità”.
4 Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-punti 36 u 37 tiegħu:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(36) | 'irregolarità' tfisser kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-Fondi ESI li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta' nefqa mill-baġit tal-Unjoni.
(37) | ‘operatur ekonomiku’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità li tieħu sehem fl-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Fondi ESI, bl-eċċezzjoni ta’ Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika;”
5 L-Artikolu 143 tal-imsemmi regolament, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, jipprevedi:
“1. L-Istati Membri għandhom qabel xejn jerfgħu r-responsabilità biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, u biex jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u jsegwu l-irkupri. F’każ ta’ irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-investigazzjoni tiegħu b'mod li jkopri l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu milquta.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’konnessjoni mal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew ta’ parti minnha f’operazzjoni jew fil-programm operazzjonali. L-Istat Membru għandu jqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u tat-telf finanzjarju għall-Fond u għandu japplika korrezzjoni proporzjonata. [...]”
6 L-Artikolu 144 tal-istess regolament, intitolat “Kriterji għall-korrezzjonijiet finanzjarji”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni billi tikkanċella l-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew parti minnha fi programm operazzjonali, [...] meta, wara li jkun twettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:
[...]
(b) l-Istat Membru ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 143 qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni skont dan il-paragrafu;
[...]
Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta’ irregolaritajiet identifikati u għandha tqis jekk l-irregolarità hijiex sistemika. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi kwantifikat b’mod preċiż l-ammont ta’ nefqa irregolari mħallas mill-Fondi jew mill-FEMS, il-Kummissjoni għandha tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata.
2. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar korrezzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tal-irregolarità u l-firxa u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jkunu nstabu fil-programm operazzjonali.”
Legalità tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2019
7 Konformement mal-punt 1.4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-linji gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom isiru fin-nefqa ffinanzjata mill-Unjoni għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Kummissjoni tal-2019”), intitolat “Kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża rata ta’ korrezzjoni proporzjonata”, “meta minħabba n-natura tal-irregolarità ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat preċiżament l-impatt finanzjarju tagħha, iżda li l-irregolarità jista’ jkollha, bħala tali, impatt fuq il-baġit, il-Kummissjoni tista’ tikkalkula l-ammont tal-korrezzjoni li għandu jiġi applikat billi tikkunsidra tliet kriterji, jiġifieri n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju li jirriżulta għall-Fondi. Dan jimplika li l-korrezzjonijiet finanzjarji bbażati fuq skala ta’ rati fissi fit-Taqsima 2 ta’ dawn il-Linji Gwida (5 %, 10 %, 25 % u 100 %) josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-kalkolu tal-ammont finali tal-korrezzjoni li għandha tiġi applikata għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tal-irregolarità kkonstatata fid-dawl tal-elementi kkunsidrati għall-istabbiliment ta’ din ir-rata fissa”.
Id-dritt Bulgaru
8 Skont il-Punt 9 tal-Artikolu 70(1) taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite fondove pri spodeleno upravlenie (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt Ġestjoni Kondiviża, DV Nru 101, tat-22 ta’ Diċembru 2015, titolu emendat – DV Nru 51, tal-1 ta’ Lulju 2022), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (DV Nru 52, tad-9 ta’ Ġunju 2020) (minn hawn ’il quddiem iż-“ZUSEFSU”), “l-għajnuna finanzjarja li ġejja mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej tista’ tiġi annullata, totalment jew parzjalment, permezz ta’ korrezzjoni finanzjarja minħabba irregolarità li tikkostitwixxi ksur tar-regoli għall-għażla ta’ offerent rebbieħ imsemmija fil-Kapitolu Erbgħa, imwettaq minn att jew ommissjoni tal-benefiċjarju, li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika r-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej”. L-Artikolu 70(2) taż-ZUSEFSU jipprovdi “[i]l-każijiet ta’ irregolarità li jagħtu lok għal korrezzjonijiet finanzjarji skont il-punt 9 tal-paragrafu 1 huma indikati f’att normattiv tal-Kunsill tal-Ministri”.
9 L-Artikolu 1(1) tan-Naredba za posochvane na nerednosti, predstavlyavashti osnovania za izvarshvane na finansovi korektsii, i protsentnite pokazateli za opredelyane razmera na finansovite korektsii po reda na Zakona za upravlenie na sredstvata ot Evropeyskite strukturni i investitsionni fondove (id-Digriet li Jindika l-Irregolaritajiet li Jiġġustifikaw l-Applikazzjoni ta’ Korrezzjonijiet Finanzjarji u l-Perċentwali għall-Finijiet tad-Determinazzjoni tal-Ammont tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji taħt il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt Ġestjoni Kondiviża) (DV Nru 27, tal-31 ta’ Marzu 2017), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“digriet”), jipprevedi “il-każijiet ta’ irregolarità li jikkonsistu fi ksur tar-regoli ta’ nomina ta’ parti kontraenti skont ir-raba’ kapitolu [taż-ZUSEFSU], li jirriżultaw minn att jew ommissjoni mill-benefiċjarju, li għandhom, jew li jista’ jkollhom, l-effett li jippreġudikaw ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej [...] u li jikkostitwixxu raġunijiet għal korrezzjoni finanzjarja skont il-punt 9 tal-Artikolu 70(1) [taż-ZUSEFSU]”.
10 Skont l-Artikolu 2 (1) u (2) tad-digriet, l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 1 (1) u r-rati ta’ korrezzjonijiet finanzjarji applikabbli għalihom jinsabu fl-Anness Nru 1 ta’ dak id-digriet, inklużi dawk imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Skont ftehim konkluż mal-Awtorità ta’ Ġestjoni, il-muniċipalità ta’ Svishtov irċeviet sussidju għal proġett taħt il-programm operattiv “Reġjuni li qed jiżviluppaw 2014–2020”, iffinanzjat parzjalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
12 Fid-dawl tat-twettiq ta’ dan il-proġett, il-komun ta’ Svishtov, li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, skont il-liġi nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi, nieda proċedura miftuħa ta’ sejħa għal offerti għal żewġ lottijiet. Fi tmiem din il-proċedura, ġew iffirmati żewġ kuntratti maż-żewġ operaturi ekonomiċi ddikjarati, kull wieħed minnhom, li ngħataw waħda minn dawn il-lottijiet.
13 Waqt verifika mwettqa wara twissija, l-awtorità ta’ ġestjoni kkonstatat irregolarità li tivvizzja dik il-proċedura. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2022, din l-awtorità, konsegwentement, applikat għal din il-komun korrezzjoni finanzjarja li tammonta għal 10 % tal-ammont tas-sussidju mogħti.
14 Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ April 2022, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), adita b’rikors ippreżentat mill-Komun ta’ Svishtov, annullat din id-deċiżjoni minħabba li ebda dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi ma kienet ġiet miksura u li l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ma kinitx, minħabba f’hekk, ivvizzjata b’irregolarità.
15 L-awtorità ta’ ġestjoni appellat fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li, mingħajr ma invalidat l-imsemmija sentenza, qieset li l-fatti kontenzjużi kienu jikkostitwixxu irregolarità ta’ natura oħra, li tirriżulta minn ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Anness Nru 1 tad-deċiżjoni, li għaliha kienet prevista rata oħra ta’ korrezzjoni finanzjarja.
16 Wara rapport ġdid, l-awtorità ta’ ġestjoni wettqet kontroll ġdid tal-ġestjoni tal-proġett, li wassalha sabiex tikkonstata irregolarità li tirriżulta mill-ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2022, hija applikat korrezzjoni finanzjarja għall-komun ta’ Svishtov li tirrappreżenta 5 % tal-ispejjeż eliġibbli taż-żewġ kuntratti konklużi mal-operaturi ekonomiċi.
17 Dan il-komun ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo), li hija l-qorti tar-rinviju.
18 Din il-qorti tirrileva li l-awtorità ta’ ġestjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ irregolarità, fis-sens tal-Anness Nru 1 tad-digriet, mingħajr ma eżaminat jekk il-baġit tal-Unjoni kienx ġarrab jew setax isofri telf u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur inkwistjoni, billi applikat ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja korrispondenti prevista minn dan l-anness.
19 Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-punt 9 tal-Artikolu 70(1) taz-ZUSEFSU huwa konformi mal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ irregolarità, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 70(2) taz-ZUSEFSU u l-Artikolu 2 tad-digriet “jistabbilixxu fil-prattika preżunzjoni inkonfutabbli, li l-ksur tal-liġi nazzjonali (inklużi r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi) elenkati f’ [din id-deċiżjoni] huma a priori kkunsidrati bħala irregolaritajiet [fis-sens tal-Artikolu 2, punt 36 ta’ dan ir-regolament], li jinkludi wkoll il-preżunzjoni ta’ dannu reali jew probabbli marbut mat-twettiq ta’ dan il-ksur, kif ukoll il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu jew ir-riskju ta’ dannu”.
20 Peress li, skont din il-qorti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli timponi fuq l-awtorità ta’ ġestjoni l-obbligu li tiffissa l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja dovuta abbażi biss tar-rata fissa prevista fl-anness imsemmi iktar ’il fuq, din il-qorti tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni tiggarantixxix b’mod sħiħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif jirriżulta mill-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 1303/2013.
21 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fid-dawl ta’ interpretazzjoni loġika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tal-[punt 36] tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 [...], hija kompatibbli [mad-dritt tal-Unjoni] leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(2) taż-[ZUSEFSU] u tal-Artikolu 2(1) u (2) [tad-Digriet], liema leġiżlazzjoni tippreżumi dejjem l-eżistenza ta’ irregolarità fil-każ ta’ ksur tar-regoli, elenkati f’lista adottata permezz ta’ liġi, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi?
2) Leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-forma tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(2) taż-ZUSEFSU kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Digriet [...], hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif espress [fit-tielet] sentenza tal-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 1303/2013, fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi individwalizzat kull ksur konkret u speċifiku ta’ regola applikabbli fil-qasam tal-kuntratt pubbliċi?”
Fuq id-domandi preliminari
22 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 1303/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha kull ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jwassal awtomatikament għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja li l-ammont tagħha huwa ddeterminat abbażi ta’ skala ta’ rata ta’ korrezzjoni fissa stabbilita minn qabel.
23 Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “irregolarità”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(36) tar-Regolament Nru 1303/2013 bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata lil dan il-baġit. L-eżistenza ta’ tali irregolarità tippreżumi għalhekk li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri ksur tad-dritt applikabbli, att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku fl-oriġini ta’ dan il-ksur u dannu, attwali jew potenzjali, ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni. (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punti 50 u 51, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2023, ANAS, C‑545/21, EU:C:2023:451, punti 27 u 29).
24 L-ewwel kundizzjoni, tkopri l-ksur mhux biss tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħala tali, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma applikabbli għall-operazzjonijiet sostnuti mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni u li jikkontribwixxu, b’dan il-mod, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-proġetti ffinanzjati minn dawn il-Fondi (sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 52, u tat-8 ta’ Ġunju 2023, ANAS, C‑545/21, EU:C:2023:451, punt 30).
25 Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jiġifieri li l-irregolarità inkwistjoni toriġina minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, il-punt 37 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 jiddefinixxi l-“operatur ekonomiku” bħala kull persuna fiżika jew ġuridika kif ukoll kull entità oħra involuta fl-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Fondi, bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħhom.
26 It-tielet kundizzjoni teħtieġ li l-ksur tad-dritt applikabbli minn operatur ekonomiku “għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni. Mill-kliem stess tal-punt 36 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari mill-espressjoni “jista’ jkollu l-effett”, jirriżulta li, għalkemm l-“irregolarità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma teħtieġx li jintwera effett finanzjarju preċiż fuq il-baġit tal-Unjoni, ksur tar-regoli applikabbli jikkostitwixxi “irregolarità” sakemm il-possibbiltà li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kellu effett fuq il-baġit tal-fond ikkonċernat ma tkunx tista’ titwarrab (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2017, Compania Nação ională de Administrare a Infrastructurii Rutiere, C‑408/16, EU:C:2017:940, punti 60 u 61, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2023, ANAS, C‑545/21, EU:C:2023:451, punt 38).
27 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa biss ksur li “għandu jew jista’ jkollu l-effett li” jippreġudika l-baġit tal-Unjoni li jista’ jiġi kklassifikat bħala “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2 (36) tar-Regolament Nru 1303/2013. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li kull ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-operazzjonijiet sostnuti mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni jitqies li jippreġudika awtomatikament il-baġit tal-Unjoni jew bħala li għadu jista’ jippreġudika dan il-baġit, indipendentement mill-effetti ta’ tali ksur fuq dan tal-aħħar.
28 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, mill-Artikolu 143 (1) u (2) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li huma primarjament l-Istati Membri li għandhom ifittxu irregolaritajiet, individwali u sistematiċi, kif ukoll iwettqu korrezzjonijiet finanzjarji proporzjonati fir-rigward tal-irregolaritajiet misjuba fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Dawn il-korrezzjonijiet jinkludu l-kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha għall-programm operattiv, b’applikazzjoni ta’ kriterji relatati man-natura tal-irregolaritajiet, mal-gravità tagħhom kif ukoll mat-telf finanzjarju li jirriżulta għall-fond ikkonċernat.
29 Barra minn hekk, mill-Artikolu 144 (1) u (2) tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru ma kkonformax ruħu mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 143 ta’ dan ir-regolament, hija għandha twettaq korrezzjonijiet finanzjarji u tannulla l-kontribuzzjoni tal-Unjoni kollha jew parti minnha fil-programm operattiv inkwistjoni, billi tibbaża ruħha fuq każijiet individwali ta’ irregolaritajiet identifikati u billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura sistemika jew le tagħha. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż l-ammont ta’ nefqa irregolari li trid titħallas mill-Fondi, il-Kummissjoni għandha tapplika korrezzjoni finanzjarja fissa jew estrapolata, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt li tqis b’mod partikolari n-natura u l-gravità tal-irregolarità. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa applikabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali li għandu jiġi kklassifikat bħala “irregolaritajiet”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.
30 L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu tali skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa abbażi tal-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 1303/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 120 tiegħu, sabiex joffru ċertezza legali, fl-osservanza tal-“prinċipju ta’ proporzjonalità”.
31 Sabiex jikkonkretizzaw il-kriterji applikabbli għall-korrezzjonijiet finanzjarji mwettqa abbażi ta’ skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni dokument bħal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2019, anki jekk dawn ma jorbtuhomx. Fil-punt 1.1 ta’ dawn il-linji gwida, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri “japplikaw il-kriterji u r-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja stabbiliti f’dawn il-linji gwida meta jikkoreġu irregolaritajiet misjuba mid-dipartimenti tagħhom stess” (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, ANAS, C‑545/21, EU:C:2023:451, punt 45).
32 Issa, mill-punt 1.4 tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li, meta ma jkunx possibbli li jiġu kkwantifikati b’mod preċiż l-effetti finanzjarji għall-kuntratt ikkonċernat, l-applikazzjoni, prevista fl-Artikolu 144(1) tar-Regolament Nru 1303/2013, ta’ rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa ta’ 5 %, ta’ 10 %, ta’ 25 % jew ta’ 100 % għandha xorta waħda tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolarità kkonstatata kif ukoll it-telf finanzjarju li jirriżulta minnha għall-Fond, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ tali rata tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2023, ANAS, C‑545/21, EU:C:2023:451, punt 46).
33 Barra minn hekk, għalkemm huwa possibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li jibbażaw ruħhom fuq skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa, xorta jibqa’ l-fatt li d-determinazzjoni tal-ammont finali tal-korrezzjoni li għandha tiġi applikata timplika neċessarjament it-twettiq ta’ eżami individwalizzat u ddettaljat, li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari kollha li jikkaratterizzaw l-irregolarità kkonstatata meta mqabbla mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din l-iskala u huma, li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ikbar jew, għall-kuntrarju, imnaqqsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Wrocław–Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punti 48 u 49).
34 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħala prinċipju, l-ammont ta’ korrezzjoni finanzjarja ma għandux jiġi ddeterminat, b’mod awtomatiku, abbażi biss ta’ skala ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa stabbilita minn qabel.
35 Fit-tielet lok, sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal, fil-prattika, sabiex jitqies li kull ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, li għandu jiġi ssanzjonat bl-applikazzjoni awtomatika ta’ korrezzjoni b’rata fissa stabbilita minn qabel fi skala, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jimponi b’mod partikolari fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27, u tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 34).
36 Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata b’mod kostanti, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt jew li hija applikata b’tali mod mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 34, u tal-4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 61).
37 Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huwa madankollu limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluż il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39, u tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 62).
38 Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju, minn naħa, li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata fis-sens li huwa biss il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali li jikkawża jew li jista’ jippreġudika l-baġit tal-Unjoni li jista’ jiġi kklassifikat bħala “irregolaritajiet”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013. Min-naħa l-oħra, hija għandha tiddetermina jekk din il-leġiżlazzjoni tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tal-irregolarità u li tapplika “korrezzjoni proporzjonata”, fis-sens tal-Artikolu 143(2) ta’ dan ir-regolament.
39 Fil-każ li tali interpretazzjoni konformi tirriżulta impossibbli, għandu jitfakkar ukoll li kull qorti nazzjonali adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha għandha l-obbligu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li ma tapplikax kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli, bħad-dispożizzjonijiet ta’ regolament, u li tipproteġi b’hekk id-drittijiet li dan jagħti lill-individwi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 55, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 31 u 63).
40 Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 1303/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha kull ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jwassal awtomatikament għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja li l-ammont tagħha huwa ddeterminat abbażi ta’ skala ta’ rata ta’ korrezzjoni fissa stabbilita minn qabel.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha kull ksur tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jwassal awtomatikament għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja li l-ammont tagħha huwa ddeterminat abbażi ta’ skala ta’ rata ta’ korrezzjoni fissa stabbilita minn qabel.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.