KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fl‑4 ta’ Lulju 2024 ( 1 )

Kawża C‑370/23

Mesto Rimavská Sobota

vs

Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka Slovenskej republiky

(Talba għal deċiżjoni preliminari min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema Amministrattiva tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Regolament (UE) Nru 995/2010 – Injam u prodotti tal-injam – Kunċett ta’ ‘operatur’ u ‘tqegħid fis-suq’”

I. Introduzzjoni

1.

Mesto Rimavská Sobota (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) huwa komun fil-wied tax-xmara tas-Slovenské rudohorie (il-Muntanji Metalliferi Slovakki) fin-Nofsinhar tas-Slovakkja. Huwa jamministra foresta komunali.

2.

F’Ġunju 2018, ir-rikorrent biegħ ċertu kwantità ta’ injam lil persuna ġuridika, u sussegwentement ġie mmultat mill-awtoritajiet kompetenti talli naqas milli jkollu fis-seħħ sistema ta’ diliġenza dovuta, kif mitlub mil-Liġi Slovakka dwar l-Injam ( 2 ), li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 995/2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Injam”) ( 3 ).

3.

Fil-kuntest tal-kontestazzjoni ta’ din il-multa quddiem il-qrati Slovakki, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li, għall-finijiet tat-tranżazzjoni inkwistjoni, huwa ma aġixxiex bħala “operatur”, fis-sens tar-Regolament dwar l-Injam, u ma għandux għalhekk ikun suġġett għall-obbligu ta’ diliġenza dovuta li jirriżulta minnu.

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑domanda preliminari

4.

Fil‑11 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent daħal f’kuntratt ta’ bejgħ ta’ injam ma’ MK&MK Holz, s.r.o. (iktar ’il quddiem ix-“xerrej”) għall-bejgħ tal-injam.

5.

Skont il-proċess nazzjonali tal-kawża, abbażi tat-termini ta’ dan il-kuntratt, ir-rikorrent biegħ volum determinat ta’ injam (espress f’metri kubi) lix-xerrej. Skont dan l-istess kuntratt, ix-xerrej kellu “jwettaq” il-ħsad tal-injam sal‑31 ta’ Diċembru 2018. Il-kuntratt ipprovda wkoll għall-biċċiet ta’ art (imsaġar) speċifiċi fil-foresta komuni ta’ Rimavská Sobota li fihom kellu jitwettaq il-ħsad. L-impjegati tar-rikorrent kellhom jissorveljaw il-qtugħ tas-siġar tax-xerrej u jkejlu l-volumi maħsuda sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt jiġu kompletament issodisfatti. B’korrispettiv għall-ammont ta’ injam miftiehem, ix-xerrej kellu jħallas lir-rikorrent prezz fiss għal kull metru kubu ta’ injam, inkluż il-VAT.

6.

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent b’mod simili biegħ ukoll injam lil persuni fiżiċi għall-użu bħala ħatab ( 4 ).

7.

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑25 ta’ Ġunju 2019, abbażi tad-deċiżjoni preċedenti tas-Slovenská lesnícko-drevárska inšpekcia (l-Ispettorat tal-Foresti u tal-Ispettorat tal-Injam), il-Ministerstvo pôdohospodárstva a rozvoja vidieka Slovenskej republiky (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja; iktar ’il quddiem il-“Ministeru”), ikkonstata li r-rikorrent kien wettaq ksur amministrattiv taħt il-Liġi Slovakka dwar l-Injam billi naqas, fil-kapaċità tiegħu bħala “operatur”, li jkollu sistema ta’ diliġenza dovuta sabiex tipprevjeni injam jew prodotti tal-injam maħsuda b’mod illegali milli jitqiegħdu fis-suq intern għall-ewwel darba. Huwa impona multa ta’ EUR 2000.

8.

Ir-rikorrent kkontesta din il-multa quddiem il-Krajský súd vs Banskej Bystrici (il-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrica, is-Slovakkja). Dik il-qorti ċaħdet tali rikors.

9.

Fl-appell quddiem in-Najvyšší Správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema Amministrattiva tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), ir-rikorrent isostni li ma huwiex “operatur”, fis-sens tar-Regolament dwar l-Injam.

10.

Id-definizzjoni ta’ “operatur” hija prevista fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar l-Injam, li skontu “operatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq injam jew prodotti tal-injam.

11.

L-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar l-Injam jispjega wkoll li “tqegħid fis-suq” tfisser il-provvista bi kwalunkwe mezz, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, ta’ injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas.

12.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, skont it-termini tal-kuntratt, huwa x-xerrej li “jqiegħed il-prodotti tal-injam fis-suq […] għall-ewwel darba”, peress li huwa x-xerrej li jaħsad l-injam inkwistjoni. Għalhekk, huwa x-xerrej u mhux ir-rikorrent li jaġixxi bħala l-“operatur” għal din it-tip partikolari ta’ tranżazzjoni, u li għalhekk huwa suġġett għall-obbligu ta’ diliġenza dovuta skont ir-Regolament dwar l-Injam. Għaldaqstant, ir-rikorrent isostni li ma kellux jiġi ssanzjonat għal nuqqas li tistabbilixxi sistema ta’ diliġenza dovuta.

13.

Il-Ministeru kkunsidra li peress li r-rikorrent kien biegħ l-injam direttament lil terz mingħajr, madankollu, ma ttrasferixxa d-drittijiet kollha marbuta mal-istatus ta’ amministratur tal-foresti taħt il-liġi Slovakka, kien biss hu li kien suġġett għall-obbligu li jżomm ir-reġistri speċifiċi mitluba minn Zákon č. 326/2005 Z. z. o lesoch (il-Liġi Nru 326/2005 dwar il-Forestrija), kif emendata, sabiex tiġi implimentata sistema ta’ diliġenza dovuta.

14.

F’dan l-isfond fattwali u legali, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema Amministrattiva tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2(b) tar-Regolament [Nru 995/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid fis-suq ta’ injam jinkludi wkoll il-bejgħ bi ħlas ta’ injam mhux irfinat jew ta’ ħatab fis-sens tal-anness tal-imsemmi regolament, jekk il-ħsad tal-injam li jsir permezz ta’ kuntratt isir mix-xerrej abbażi tal-istruzzjonijiet tal-bejjiegħ u taħt is-superviżjoni ta’ dan tal-aħħar?”

15.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ungeriż u dak Slovakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-aħħar żewġ partijiet instemgħu wkoll fis-seduta li saret fil‑15 ta’ Mejju 2024.

III. Analiżi

16.

Il-konklużjonijiet tiegħi huma strutturati kif ġej. L-ewwel ser nittratta t-tħassib tal-Gvern Slovakk dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors (A). Wara, ser nirrikorri għall-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju (B). F’dan l-eżerċizzju, ser nintroduċi fil-qosor is-sistema stabbilita mir-Regolament dwar l-Injam (B.1), qabel ma nispjega għaliex, fit-tip ta’ arranġament inkwistjoni f’din il-kawża, nikkunsidra li r-rikorrent għandu l-istatus ta’ “operatur” (B.2).

A.   Ammissibbiltà

17.

Il-Gvern Slovakk esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju. Huwa jqis li d-domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-Regolament dwar l-Injam għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, dan il-gvern ma jipproponix li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis dan ir-rinviju inammissibbli. Minflok, jissuġġerixxi li d-domanda tiġi rriformulata mill-ġdid sabiex issir domanda, b’mod iktar ġenerali, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam.

18.

Ma iniex konvint li d-domanda, kif magħmula, teħtieġ riformulazzjoni. Bil-mod kif tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-domanda diġà tirrispetta d-diviżjoni tax-xogħol, stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, bejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (li fl-aħħar mill-aħħar titħalla f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja) u l-applikazzjoni tal-istess korp ta’ dritt (li huwa kompitu tal-qrati nazzjonali).

19.

Id-domanda tista’ għalhekk tingħata risposta kif ifformulata, anki jekk, kif ser jintwera, risposta utli lill-qorti tar-rinviju teħtieġ interpretazzjoni addizzjonali ta’ partijiet oħra tar-Regolament dwar l-Injam, u mhux biss tal-Artikolu 2(b) tiegħu.

B.   Fuq il‑mertu

1. It‑tqegħid tar‑Regolament dwar l‑Injam fil‑kuntest tiegħu

20.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Foresti, il-Liġi, l-Infurzar, il-Governanza u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“FLEGT”) tal‑2003 ( 5 ) irrikonoxxa “l-problema dejjem tikber tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea ( 6 ).

21.

Bil-ħsieb li jitnaqqas il-qtugħ illegali tas-siġar u l-produzzjoni tal-injam u d-degradazzjoni u d-deforestazzjoni tal-foresti relattivi, il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT wassal għal żewġ strumenti ġuridiċi ewlenin: ir-Regolament FLEGT ( 7 ) u r-Regolament dwar l-Injam.

22.

Ir-Regolament FLEGT jirregola l-importazzjoni ta’ injam u prodotti tal-injam fl-Unjoni Ewropea minn pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropea tikkonkludi tipi speċifiċi ta’ ftehimiet ta’ sħubija ( 8 ). Għal dan il-għan, jintroduċi sistema ta’ “liċenzji FLEGT”. Dawn huma essenzjalment ċertifikati amministrattivi maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż sieħeb, li magħhom importatur tal-Unjoni ta’ injam u prodotti tal-injam jista’ jiċċertifika li l-prodotti li jfittex li jqiegħed fis-suq intern ikunu nħasdu skont id-dritt nazzjonali applikabbli tal-pajjiż sieħeb. Fi kliem ieħor, il-liċenzji FLEGT jiċċertifikaw li l-prodotti importati ġew “maħsuda b’mod legali” ( 9 ).

23.

Ir-Regolament dwar l-Injam huwa strument ħafna usa’. Dan daħal fis-seħħ fit‑2 ta’ Diċembru 2010 u beda japplika mit‑3 ta’ Marzu 2013 ( 10 ).

24.

Huwa jirregola t-tqegħid fis-suq intern tal-injam u l-prodotti tal-injam kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 11 ), kemm jekk prodotti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk le, u irrispettivament minn jekk l-injam u l-prodotti tal-injam inkwistjoni kinux importati minn pajjiż sieħeb FLEGT.

25.

Ir-Regolament dwar l-Injam ma jindirizzax il-qtugħ illegali bħala tali, iżda jfittex li jiskoraġġixxi tali prattiki billi jirregola s-suq għall-kummerċ tal-injam u l-prodotti tal-injam li jirriżultaw fl-Unjoni Ewropea ( 12 ).

26.

Għal dan il-għan, dan ir-regolament jimponi żewġ obbligi orizzontali fuq l-“operaturi” ( 13 ).

27.

L-ewwel obbligu ta’ dan il-grupp huwa l-projbizzjoni li jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba injam maħsud b’mod illegali jew prodotti derivati minn tali injam ( 14 ).It-tieni obbligu huwa l-użu ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta qabel mal-injam jew il-prodotti tal-injam jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba ( 15 ).

28.

Tali sistema ta’ diliġenza dovuta, li tista’ titfassal jew mill-operaturi nnifishom jew minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ( 16 ), għandu jkun fiha tliet elementi: l-ewwel, miżuri u proċeduri mfassla sabiex iżommu kont tal-oriġini u l-legalità tal-injam u l-prodotti tal-injam ( 17 ); it-tieni, proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-riskju li jippermettu analiżi u evalwazzjoni tar-riskji li jitqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam maħsuda b’mod illegali ( 18 ); u, it-tielet, f’każijiet fejn ir-riskji identifikati ma humiex negliġibbli, miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li huma adegwati u proporzjonati sabiex jimminimizzaw b’mod effettiv tali riskji ( 19 ).

2. Min hu l‑“operatur” f’dan il‑każ?

29.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur” sabiex tiddeċiedi jekk il-multa kinitx imposta b’mod korrett fuq ir-rikorrent talli naqas milli jkollha sistema ta’ diliġenza dovuta.

30.

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam, l-“operaturi” biss huma suġġetti għall-obbligu ta’ diliġenza dovuta impost minnu ( 20 ).

31.

Dan l-obbligu huwa impost sabiex jippermetti t-traċċabbiltà raġonevoli tal-injam u tal-prodotti tal-injam li jitqiegħdu fis-suq intern ( 21 ), u b’hekk jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kummerċ tal-injam maħsud b’mod illegali.

32.

Dan l-obbligu jirrifletti wkoll l-għan tar-Regolament dwar l-Injam, li, skont il-premessa 31 tiegħu, jikkostitwixxi l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u kontra l-kummerċ relatat miegħu. Huwa għal dan il-għan li r-Regolament dwar l-Injam jimponi obbligi speċifiċi fuq “operaturi” u fuq “kummerċjanti” ( 22 ).

33.

Madankollu, l-obbligi imposti fuq l-“operaturi” huma differenti minn dawk imposti fuq il-“kummerċjanti”. Filwaqt li “kummerċjanti” għandhom l-obbligu li jidentifikaw il-persuni li pprovdewhom bl-injam jew prodotti tal-injam u, fejn applikabbli, il-persuni li lilhom ikunu pprovdew dawn il-prodotti ( 23 ), l-“operaturi” għandhom l-obbligu tad-diliġenza dovuta ( 24 ).

34.

Qari kkombinat tal-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar l-Injam jgħidilna li “operatur” huwa l-persuna li tqiegħed injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas.

35.

Konsegwentement, dak li jiddistingwi “operatur” minn “kummerċjant” għall-finijiet tar-Regolament dwar l-Injam ma huwiex il-fatt li huma jqiegħdu injam jew prodotti tal-injam fis-suq intern, peress li huma t-tnejn jagħmlu dan. Il-karatteristika distintiva hija li l-“operatur” huwa l-persuna li tkun l-ewwel fil-katina tat-tqegħid tal-injam u l-prodotti tal-injam fis-suq intern, filwaqt li l-kummerċjanti jbigħu jew jixtru injam jew prodotti tal-injam li diġà jkunu tqiegħdu fis-suq intern.

36.

Minn dan isegwi li l-element determinanti sabiex jiġi ddefinit min jikkostitwixxi “operatur” fis-sens tar-Regolament dwar l-Injam huwa l-punt fil-katina kummerċjali tal-kummerċ tal-injam u tal-prodotti tal-injam li fih dawn il-prodotti jitqiegħdu għall-ewwel darba fuq is-suq intern.

37.

F’dan ir-rigward, nistgħu niddistingwu bejn żewġ sitwazzjonijiet: waħda, fejn l-injam u l-prodotti tal-injam joriġinaw minn siġar weqfin li jinsabu f’pajjiż terz, li mbagħad jiġu importati fl-Unjoni Ewropea u mqiegħda fis-suq intern (bħala injam mhux irfinat jew prodotti derivati), u, oħra, li fiha l-injam u l-prodotti tal-injam huma derivati minn siġar weqfin li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u mqiegħda fis-suq intern.

38.

Peress li l-ewwel tqegħid fis-suq tal-ewwel kategorija jseħħ fil-punt tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, f’dan il-kuntest, huwa l-importatur tal-injam u tal-prodotti tal-injam minn pajjiżi terzi li jaġixxi bħala “operatur” għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam.

39.

Huwa għalhekk l-importatur li jeħtieġ li jissodisfa l-obbligu ta’ diliġenza dovuta impost fuq l-“operaturi”. L-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimponi l-obbligu ta’ diliġenza dovuta fuq l-importatur hija loġika, peress li l-importatur huwa l-ewwel persuna li fuqha d-dritt tal-Unjoni jista’ jimponi direttament obbligi infurzabbli meta l-injam jew il-prodotti tal-injam inkwistjoni joriġinaw minn pajjiż barra l-Unjoni Ewropea ( 25 ).

40.

Jekk, madankollu, bħal fil-każ inkwistjoni, is-siġar li jinbidlu f’injam u prodotti tal-injam, u l-ħsad illegali li r-Regolament dwar l-Injam fl-aħħar mill-aħħar jimmira li jipprevjeni, jinsabu fl-Unjoni Ewropea, il-katina kummerċjali tal-kummerċ fl-injam (jew prodotti derivati minnu) jibda bil-qtugħ ta’ dawn is-siġar fi Stat Membru.

41.

F’dan ix-xenarju, l-“operatur” huwa l-persuna li tiddisponi minn dawn is-siġar taħt is-setgħa mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali.

42.

Għaldaqstant, hija wkoll biss dik il-persuna li tista’ tistabbilixxi, fi ħdan is-sistema ta’ diliġenza dovuta tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam, li l-prodotti li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni b’dan il-mod ikunu ġew “maħsuda b’mod legali” (jiġifieri, maħsuda skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, kif stipulat fl-Artikolu 2(f) ta’ dan ir-regolament).

43.

Dan iwassalni għall-kawża inkwistjoni. Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent, li l-Gvern Slovakk ikkonferma waqt is-seduta għandu d-dritt li jaġixxi bħala l-amministratur tal-foresti skont il-liġi Slovakka, biegħ ċertu kwantità ta’ injam lix-xerrej. Dan l-injam kellu jinħasad, peress li s-siġar inkwistjoni kienu għadhom ma nqatgħux. Għaldaqstant, il-kuntratt għall-kwantitajiet ta’ injam inkwistjoni għandu l-effett li jirriżulta fl-ewwel tqegħid fis-suq intern ta’ prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam, peress li huwa f’dan il-punt li tibda l-katina kummerċjali għall-injam inkwistjoni. Għalhekk huwa r-rikorrent li aġixxa bħala l-“operatur” għal din it-tranżazzjoni partikolari, u li għandu l-obbligu li jkollu fis-seħħ u li juża s-sistema ta’ diliġenza dovuta tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam. Wara kollox, ir-rikorrent huwa l-unika persuna li tista’ legalment tistabbilixxi li l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti inkwistjoni seħħ skont il-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli.

44.

Sabiex jiġi ddeterminat l-“operatur”, huwa irrilevanti min fiżikament qata’ s-siġar inkwistjoni. Peress li l-“operatur” biss jista’ jissodisfa l-obbligu ta’ diliġenza dovuta li jikkonferma l-legalità tal-ħsad li jirriżulta, id-delega tal-att tal-qtugħ tas-siġar lil terz ma tistax teżenta lir-rikorrent mill-obbligu ta’ diliġenza dovuta, impost fuqu mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam.

45.

Il-kuntrarju jkun ifisser li t-tqegħid fis-suq tal-injam jew tal-prodotti tal-injam jista’ jiġi ddissoċjat mill-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam li tiġi żgurata l-legalità tal-ħsad inkwistjoni. Dan, min-naħa tiegħu, jirriskja r-riżultat li l-injam u l-prodotti tal-injam jitqiegħdu fis-suq intern mingħajr ma l-persuna li tagħmel dan, jew il-persuna nkarigata minnha, tkun tista’ turi l-legalità tal-ħsad tagħhom, skont l-obbligi ta’ dik il-persuna ( 26 ).

46.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ix-xerrej jista’ jsir “operatur” biss jekk ir-rikorrent biegħ jew ittrasferixxa d-drittijiet ta’ amministrazzjoni tas-siġar qabel il-ħsad tagħhom. Huwa biss f’dan ix-xenarju li d-deċiżjoni li jinqatgħu s-siġar u li l-injam jew il-prodotti tal-injam li jirriżultaw jitqiegħdu fis-suq tittieħed mix-xerrej ( 27 ). Suġġett għall-konferma mill-qorti tar-rinviju, dan, madankollu, ma jidhirx li kien hemm ftehim f’dan il-każ.

47.

Bħala konklużjoni, fiċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża inkwistjoni, huwa r-rikorrent li aġixxa bħala l-“operatur”. Għalhekk hija dik il-persuna li kellu jkollha fis-seħħ sistema ta’ diliġenza dovuta biex tiżgura, inter alia, il-konformità mal-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli.

IV. Konklużjoni

48.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domandi preliminari tan-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema Amministrattiva tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja) kif ġej:

Il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam,

għandu jkun interpretat bħala li jkopri bejgħ bi ħlas ta’ injam mhux irfinat jew ħatab skont it-tifsira tal-Anness 1 ta’ dan ir-regolament, jekk, taħt ftehim ta’ konċessjoni tal-ħsad, ix-xerrej jaħsad l-injam inkwistjoni taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tal-bejjiegħ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Zákon č. 113/2018 Z. z. o uvádzaní dreva a výrobkov z dreva na vnútorný trh a o zmene a doplnení zákona č. 280/2017 Z. z. o poskytovaní podpory a dotácie v pôdohospodárstve a rozvoji vidieka a o zmene zákona č. 292/2014 Z. z. o príspevku poskytovanom z európskych štrukturálnych a investičných fondov a o zmene a doplnení niektorých zákonov v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 113/2018 dwar it-Tqegħid ta’ Injam u Prodotti tal-Injam fis-Suq Intern u li Temenda u Tissupplimenta l-Liġi Nru 280/2017 dwar l-Għoti ta’ Appoġġ u Susssidji għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u li Temenda l-Liġi Nru 292/2014 dwar is-Sussidji Pprovduti minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u li Temenda u Tissupplimenta Ċerti Liġijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi Slovakka dwar l-Injam”).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU 2010, L 295, p. 23) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Injam”).

( 4 ) Għalkemm, irrid inżid, ma għandna ebda informazzjoni dwar dawn it-tranżazzjonijiet lil hinn mill-ispjegazzjoni limitata tal-eżistenza tagħhom fid-digriet tal-qorti tar-rinviju.

( 5 ) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT), Proposta għal Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni (COM (2003) 251 final) (iktar ’il quddiem il-“Pjan ta’ Azzjoni FLEGT”).

( 6 ) Ara l-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT, p. 3.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal‑20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU 2008, L 352M, p. 416) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament FLEGT”). Miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament FLEGT ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1024/2008 tas‑17 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar il-ħolqien ta’ skema ta’ liċenzji FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU 2008, L 277, p. 23).

( 8 ) Fiż-żmien tal-kitba, l-uniku ftehim ta’ sħubija volontarja li kien daħal fis-seħħ kien mar-Repubblika tal-Indoneżja; ara l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 150, p. 252). Għadd ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi oħra, filwaqt li diġà ġew konklużi, għadhom ma daħlux fis-seħħ; ara, pereżempju, il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ tal-Injam u tal-Prodotti Derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (ĠU 2011, L 92, p. 4) u l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kongo dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Forestrija, il-Governanza u l-Kummerċ tal-Injam u tal-Prodotti Derivati lejn l-Unjoni Ewropea (FLEGT) (ĠU 2011, L 92, p. 127). Madankollu, il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja Bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Gana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresta, il-governanza u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam fil-Komunità (ĠU 2010, L 70, p. 3), filwaqt li huwa wkoll pendenti d-dħul fis-seħħ, jidher li jinsab fi stadji avvanzati ta’ negozjati dwar l-implimentazzjoni tiegħu; ara VPA Afrika-Amerika Latina, “Ghana and the EU advance toward FLEGT licensing in their joint effort to combat trade in illegal timber”, disponibbli fl-indirizz internet: https://flegtvpafacility.org/ghana-eu-advance-toward-flegt-licensing-joint-effort-combat-trade-illegal-timber/.

( 9 ) Ara l-Artikolu 1(1) u (2), il-punt 10 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament FLEGT u l-premessi 3, 6 u 7 tiegħu.

( 10 ) Mit‑30 ta’ Diċembru 2024, ir-Regolament dwar l-Injam se jiġi mħassar u progressivament sostitwit bir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU 2023, L 150, p. 206) (iktar ’il quddiemir-“Regolament dwar id-Deforestazzjoni”). Dan ir-regolament ġie adottat wara li “test tal-idoneità” tal‑2021 żvela li, fost oħrajn, ir-Regolament dwar l-Injam ma kienx issodisfa l-objettivi tiegħu li jipprevjeni li injam maqtugħ illegalment jitqiegħed fis-suq intern (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Test ta’ idoneità fuq ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament dwar l-Injam) u fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal‑20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ir-Regolament FLEGT) (SWD/2021/328 final)). Ir-Regolament dwar id-Deforestazzjoni jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq it-tqegħid fis-suq, inkluż l-esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea, ta’ prodotti li fihom, ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ ċerti prodotti, inkluż laħam tal-baqar (ċanga), il-ġilda, il-kawkaw, il-butir, iċ-ċikkulata, derivati magħżula ta’ żejt tal-palm, għamara, il-karta stampata u l-plywood, sakemm dawn il-prodotti ma jkunux ippruvati li huma ħielsa mid-deforestazzjoni u li jissodisfaw rekwiżiti sostantivi u formali oħra (ara l-Artikoli 1(1), il-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tar-Regolament tad-Deforestazzjoni). Inizjattiva simili qiegħda titmexxa ’l quddiem ukoll fl-Istati Uniti (ara l-abbozz ta’ liġi, introdott fl‑1 ta’ Diċembru 2023, intitolat Fostering Overseas Rule of law and Environmentally Sound Trade Act of 2023 [l-Att tal-2023 tal-Promozzjoni tal-Istat tad-Dritt Esteru u l-Kummerċ li Jirrispetta l-Ambjent]; disponibbli fuq: https://www.congress.gov/bill/118th-congress/senate-bill/3371/text) u seħħet fir-Renju Unit (ara l-introduzzjoni tal-Iskeda 17 tal-Environment Act 2021 [l-Att dwar l-Ambjent tal‑2021] fit‑12 ta’ Diċembru 2023; disponibbli fuq: https://www.legislation.gov.uk/ukpga/2021/30/schedule/17/enacted).

( 11 ) Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament dwar l-Injam huwa previst fl-Artikolu 2(a) tiegħu u fl-Anness tiegħu. Ma huwiex ikkontestat, għall-finijiet ta’ din il-kawża, li l-prodotti inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness.

( 12 ) Tabilħaqq, li jiġi rregolat dak li jammonta għal “ħsad b’mod illegali” titħalla f’idejn l-Istati Membri u Stati terzi (inklużi pajjiżi sħab) li minnhom joriġinaw l-injam u l-prodotti tal-injam li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam. Ara l-Artikolu 2(f) u (g) tar-Regolament dwar l-Injam.

( 13 ) Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandi nenfasizza li hemm ukoll obbligi fuq “kummerċjanti”, li l-Artikolu 2(d) tar-Regolament dwar l-Injam jiddefinixxi bħala “kull persuna naturali u ġuridika li, waqt attività kummerċjali, tbigħ jew tixtri, fis-suq intern, injam jew prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern”. Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, il-kummerċjanti għandhom l-obbligu li jittraċċaw l-injam u l-prodotti tal-injam inkwistjoni, jiġifieri għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw il-persuni li pprovdewhom bl-injam jew il-prodotti tal-injam rilevanti kif ukoll dawk il-persuni. li lilhom ikunu pprovdew prodotti bħal dawn.

( 14 ) Ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar l-Injam, moqri flimkien mal-premessa 12 tiegħu. Ara, b’mod ġenerali, dwar din il-projbizzjoni, Geraets, D. u Natens, B., “Governing through trade in compliance with WTO law: a case study of the European Union Timber Regulation” f’Wouters, J., Marx, A., Geraets, D. u Natens, B. (edituri), Global Governance through Trade, Edward Elgar, Cheltenham, 2015.

( 15 ) Ara l-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam, moqri flimkien mal-premessa 16 tiegħu.

( 16 ) Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-Injam. Sa fejn naf jien, total ta’ 12-il organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ġew irrikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Injam sabiex joperaw bħala “organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ”. Ara l-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU 2015, C 384, p. 4).

( 17 ) Ara l-Artikolu 6(1)(a) u l-premessa 17 tar-Regolament dwar l-Injam.

( 18 ) Ara l-Artikolu 6(1)(b) u l-premessi 16 u 17 tar-Regolament dwar l-Injam.

( 19 ) Ara l-Artikolu 6(1)(c) u l-premessi 16 u 17 tar-Regolament dwar l-Injam.

( 20 ) L-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam jispjega li “l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta meta jqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam. Għal dak il-għan, huma għandhom jużaw qafas ta’ proċeduri u miżuri, minn issa ’l quddiem imsejħa ‘sistema ta’ diliġenza dovuta’ kif dispost fl-Artikolu 6”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6 tal-istess regolament fil-parti rilevanti jistabbilixxi li “[i]s-sistema ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin […] (b) proċeduri ta’ stima tar-riskju li jippermettu lill-operatur janalizza, u jagħmel stima tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam. Dawk il-proċeduri għandhom jieħdu kont tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) kif ukoll ta’ kriterji rilevanti ta’ stima tar-riskju, li jinkludu: — garanzija ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, li tista’ tinkludi ċertifikazzjoni jew skemi oħra verifikati minn parti terza li jkopru l-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, — prevalenza ta’ ħsad illegali ta’ speċi ta’ siġar speċifiċi, — prevalenza ta’ ħsad jew prattika illegali fil-pajjiż tal-ħsad u/jew fir-reġjun sub-nazzjonali fejn ġie maħsud l-injam, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-prevalenza ta’ kunflitt armat […]”.

( 21 ) Għandi nenfasizza l-kelma “raġonevoli” f’dan il-kuntest peress li, kif tistabbilixxi l-premessa 15 tar-Regolament dwar l-Injam, it-traċċabbiltà intiża għall-injam u għall-prodotti tal-injam tfittex, fl-istess ħin, li tevita li jiġi implimentat piż amministrattiv bla bżonn fuq il-parteċipanti fis-suq.

( 22 ) Il-kunċett ta’ “kummerċjant” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament dwar l-Injam bħala “kull persuna naturali u ġuridika li, waqt attività kummerċjali, tbigħ jew tixtri, fis-suq intern, injam jew prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern”.

( 23 ) Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Injam.

( 24 ) L-obbligu ta’ diliġenza dovuta ma huwiex impost fuq “kummerċjanti”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament dwar l-Injam bħala “kull persuna naturali u ġuridika li, waqt attività kummerċjali, tbigħ jew tixtri, fis-suq intern, injam jew prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq intern”.

( 25 ) Ovvjament, jista’ jkun li l-injam jew il-prodotti tal-injam importati jkunu diġà ilhom fiċ-ċirkolazzjoni ’il barra mis-suq intern għal xi żmien, wara li possibbilment għaddew minn bosta ċikli ta’ pproċessar, u b’dan il-mod il-punt tal-importazzjoni jista’ jkun ’il bogħod mill-punt li fih is-siġar inkwistjoni jkunu nqatgħu għall-ewwel darba. Madankollu, qabel ma l-injam jew il-prodotti tal-injam jiġu importati fl-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex kompetenti biex jinfluwenza l-kummerċ ta’ tali injam u prodotti tal-injam permezz ta’ regolamentazzjoni interna.

( 26 ) Fis-seduta, kien hemm diskussjoni dwar min ikun l-“operatur” f’xenarju ipotetiku li fih persuna taqta’ siġra mingħajr permess sabiex tbigħ l-injam jew il-prodotti tal-injam li jirriżultaw fis-suq intern. F’dak it-tip ta’ xenarju, huwa l-amministratur tal-foresti jew il-“ħalliel tal-injam” li jaġixxi bħala “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament dwar l-Injam? Dak x’aktarx ma huwiex xenarju li l-leġiżlatur ikkontempla meta ppromulga r-Regolament dwar l-Injam. Madankollu, peress li tali sitwazzjoni tista’, ovvjament, tqum fil-prattika, fil-fehma tiegħi, u skont il-pożizzjoni tal-Gvern Slovakk, xorta jkun l-amministratur tal-foresti, u mhux il-“ħalliel tal-injam”, li jkollu t-titlu ta’ “operatur” għall-finijiet tar-Regolament dwar l-Injam. Dan għaliex tal-ewwel biss huwa kapaċi li jiżgura l-legalità ta’ operazzjoni ta’ ħsad, u b’hekk jissodisfa l-obbligu ta’ diliġenza dovuta taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar l-Injam. Il-“ħalliel tal-injam”, min-naħa l-oħra, qatt ma jista’ jissodisfa dan l-obbligu u għalhekk ma jkunx jista’ jibda l-katina kummerċjali fis-suq intern li r-Regolament dwar l-Injam jipprova jirregola. L-obbligu tad-diliġenza dovuta jkun issodisfatt f’xenarju bħal dan bid-dħul tal-amministratur tal-foresti, fis-sistema tiegħu ta’ diliġenza dovuta, b’mod partikolari, ta’ deskrizzjoni tas-siġar li tnaqqsu illegalment, flimkien ma’ evalwazzjoni li l-injam misruq li jirriżulta huwa f’riskju li jitqiegħed fis-suq b’mod illegali.

( 27 ) Din tidher ukoll li hija s-sitwazzjoni li l-Kummissjoni kellha f’moħħha fix-Xenarju 10a tal-Avviż tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Frar 2016, Dokument ta’ Gwida għar-Regolament dwar l-Injam tal-Unjoni (C(2016) 755 final) (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni”), pp. 18 u 19. Fil-parti rilevanti, dan id-dokument jgħid hekk: “[Ix-xenarji 10 u 10a jenfasizzaw il-fatt li s-siġar wieqfa ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Skont il-ftehimiet kuntrattwali dettaljati, l-‘operatur’ jista’ jkun jew is-sid tal-foresta jew il-kumpannija li għandha d-dritt li taħsad l-injam għad-distribuzzjoni jew għall-użu permezz tan-negozju tagħha stess] […] Sid il-foresta Z ibigħ lill-kumpannija A d-dritt li taħsad siġar wieqfa fuq l-art ta’ Z, għad-distribuzzjoni jew l-użu permezz tan-negozju ta’ A stess. Il-kumpannija A ssir operatur meta taħsad l-injam għad-distribuzzjoni jew l-użu fin-negozju tagħha stess. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”