21.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/27


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2022 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-48/22)

(2022/C 128/40)

Lingwa tal-kawża: Iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil, J. Očková u O. Serdula, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 sa fejn teskludi spejjeż sostnuti mir-Repubblika Ċeka għal ammont totali ta’ EUR 43 470 836,30, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 tas-17 ta’ Novembru 2021 li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2021) 8168), sa fejn teskludi spejjeż sostnuti mir-Repubblika Ċeka għal ammont totali ta’ EUR 43 470 836,30.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi.

Fl-ewwel lok, għandha tiġi annullata l-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-konstatazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-istatus ta’ bidwi attiv. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament 1306/2013 (1), sa fejn imponiet korrezzjoni minkejja li r-Repubblika Ċeka ma kisritx id-dritt tal-Unjoni waqt verifiki tal-istatus ta’ bidwi attiv. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, fil-każ taż-żewġ kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1306/2013, jiġi applikat il-kriterju tal-parti mid-dħul ibbażat fuq attivitajiet agrikoli. Minbarra dan, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li, fil-kuntest tal-verifiki tal-istatus ta’ bidwi attiv, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kumpanniji msejħa marbuta. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament 1306/2013 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li imponiet korrezzjoni finanzjarja li l-ammont tagħha ma jiħux inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

Fit-tieni lok, għandha tiġi annullata l-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-konstatazzjonijiet relatati mal-bwar imsejħa permanenti. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament 1306/2013, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn imponiet korrezzjoni filwaqt li kienet hija stess irrikonoxxiet qabel li s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-bwar permanenti fir-Repubblika Ċeka kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha.

Fit-tielet lok, għandha tiġi annullata l-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-konstatazzjonijiet dwar ir-rati minimi ta’ verifiki. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament 1306/2013 sa fejn imponiet korrezzjoni minkejja li r-Repubblika Ċeka osservat ir-rata minima ta’ verifiki meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet wieħed min-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati diġà fil-komunikazzjoni inizjali fil-kuntest tal-awditjar, u b’hekk kisret l-Artikolu 34(2) tar-Regolament 908/2014 (2). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament 1306/2013 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn imponiet korrezzjoni finanzjarja li l-ammont tagħha ma jiħux inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

Fir-raba’ lok, għandha tiġi annullata l-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-konstatazzjonijiet relatati mal-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament 1306/2013 sa fejn imponiet korrezzjoni filwaqt li d-dispożizzjonijiet invokati tad-dritt tal-Unjoni ma jeħtiġux verifika sistematika tal-ammissibbiltà ta' żona għall-benefiċċju tal-għajnuna matul l-aħħar snin. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament 1306/2013 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn imponiet korrezzjoni finanzjarja li l-ammont tagħha ma jiħux inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

Fil-ħames lok, għandha tiġi annullata l-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-konstatazzjonijiet dwar il-preżentazzjoni tard tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament 1306/2013 sa fejn imponiet korrezzjoni filwaqt li l-possibbiltà li tiġi inkluża l-firma tal-applikazzjoni f’terminu ta’ ħames ijiem ma hijiex ekwivalenti għal preżentazzjoni tard tal-applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament 640/2014 (3).

Fis-sitt lok, għandha tiġi annullata l-korrezzjoni finanzjarja imposta b’rabta mal-konstatazzjonijiet kollha fir-rigward tal-awditjar dwar il-partita tal-baġit li jikkonċerna d-dixxiplina baġitarja. Il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament 1306/2013 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn ikkalkolat b’mod żbaljat din il-korrezzjoni, u dan mhux biss fid-dawl tal-effetti tal-motivi l-oħra tar-rikors.


(1)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2016, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25).

(3)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).