DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

10 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Appell – Intervent – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li teżamina operazzjoni ta’ konċentrazzjoni rreferita mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta li Stati Membri oħra jingħaqdu mat-talba inizjali għal referenza – Assoċjazzjoni ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat li għandha bħala għan id-difiża tal-interessi tal-membri tagħha – Ammissjoni”

Fil-Kawża C‑611/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑22 ta’ Settembru 2022,

Illumina Inc., stabbilita f’San Diego (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Beard, BL, P. Chappatte, avocat, F. González Díaz, abogado, J. Holmes, barrister, G. C. Rizza, M. Siragusa, avvocati, u L. Wright, advocate,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, N. Khan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Grail LLC, stabbilita f’Menlo Park (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Giraud, avocat, J. M. Jiménez‑Laiglesia Oñate, abogado, D. Little, solicitor, J. Ruiz Calzado, abogado, u S. Troch, advocaat,

Ir-Repubblika Ellenika,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin u N. Vincent, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman u P.P. Huurnink, bħala aġenti,

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u M.‑M. Joséphidès, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ N. Wahl, Imħallef Relatur,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, N. Emiliou,

jagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, il-kumpannija Illumina Inc. titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il-Kummissjoni (T‑227/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:447), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża sabiex teżamina l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni intiża għall-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail), it-tieni, tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final, tad‑19 ta’ April 2021, li jilqgħu t-talbiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni Griegi, Belġjani, Norveġiżi, Islandiżi u Olandiżi sabiex jingħaqdu ma’ din it-talba għal referenza, kif ukoll, it-tielet, tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2021 li biha għarrfet lil Illumina u lil Grail bl-imsemmija talba għal referenza.

2

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2022, Biocom California, li hija assoċjazzjoni professjonali li tiddefendi l-impriżi tas-settur ekonomiku tax-xjenzi tal-ħajja, li tinkludi numru kbir ta’ membri, talbet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 130 u 190 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi ammessa tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet ta’ Illumina.

3

Wara li, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tal-istess regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, it-talba għal intervent imressqa minn Biocom California ġiet innotifikata lill-partijiet mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, Illumina, Grail u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

4

Filwaqt li Illumina u Grail indikaw li kienu favur din it-talba għal intervent ta’ Biocom California, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, talbet li l-imsemmija talba ma tintlaqax.

Fuq it‑talba għal intervent

5

Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull persuna li tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief tilwima bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn dawn l-Istati, minn naħa, u l-imsemmija istituzzjonijiet, min-naħa l-oħra, għandha d-dritt tintervjeni f’din it-tilwima.

6

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi mfisser fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima u għandu jinftiehem bħala interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet innifishom, u mhux bħala interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mressqa. Fil-fatt, il-kliem “soluzzjoni tat-tilwima” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Frar 2019, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑499/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:107, punt 5, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

7

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat jekk min iressaq it-talba għal intervent huwiex affettwat direttament mill-att ikkontestat u jekk l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tilwima huwiex wieħed ċert. Issa, bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ biss jitqies li huwa suffiċjentement dirett sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni ġuridika ta’ min iressaq it-talba għal intervent (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2019, Uniwersytet Wrocławski u l-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:174, punt 8, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

8

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li assoċjazzjoni professjonali rappreżentattiva, li l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-interessi tal-membri tagħha, tista’ tiġi ammessa tintervjeni fejn it-tilwima tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ natura li jaffettwaw l-imsemmija interessi (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ville de Paris et, C‑179/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:836, punt 7, kif ukoll tal‑1 ta’ Settembru 2022, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni, C‑48/22 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:667, punt 7, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ir-rekwiżit li tali assoċjazzjoni għandu jkollha interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima għandu jitqies li huwa ssodisfatt fejn din l-assoċjazzjoni tistabbilixxi li hija tinsab f’tali sitwazzjoni, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-soluzzjoni tat-tilwima hijiex ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni ġuridika tal-assoċjazzjoni bħala tali.

9

Fil-fatt, l-għan ta’ tali interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent ta’ assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi huwa li l-kuntest li fih jiġu ppreżentati l-kawżi mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun jista’ jiġi evalwat aħjar, filwaqt li tiġi evitata multipliċità ta’ interventi individwali li jdgħajfu l-effiċjenza u jfixklu l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Ġunju 1997, National Power u PowerGen vs Il-Kummissjoni, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), EU:C:1997:307, punt 66, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ville de Paris et, C‑179/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:836, punt 12). Madankollu, b’differenza minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaġixxu f’isimhom stess, l-assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi jistgħu jitolbu li jintervjenu f’tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-membri tagħhom u mhux sabiex jiddefendu l-interessi individwali. Fil-fatt, l-intervent ta’ tali assoċjazzjoni joffri perspettiva ġenerali ta’ dawn l-interessi kollettivi, affettwati minn kwistjoni ta’ prinċipju li minnha tiddependi s-soluzzjoni tat-tilwima, u huwa għalhekk ta’ natura li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa aħjar il-kuntest li fih kawża tkun tressqet quddiemha.

10

Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 8 ta’ dan id-digriet u, b’mod iktar preċiż, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (ara d-digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Illumina vs Il-Kummissjoni, T‑227/21, mhux ippubblikat, EU:T:2021:672, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), assoċjazzjoni tista’ tiġi ammessa tintervjeni f’kawża jekk, l-ewwel, hija tirrappreżenta numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk, it-tieni, l-għan tagħha jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk, it-tielet, il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u jekk, għalhekk, ir-raba’, l-interessi tal-membri tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mis-sentenza li għandha tingħata.

11

Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, li hemm lok li jiġi kkonfermat jekk għandhiex tkun eżaminata l-fondatezza tat-talba għal intervent imressqa minn Biocom California.

12

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur tal-apparati farmaċewtiċi u mediċi. Issa, il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tikkonċerna s-settur tat-testijiet tad-demm ta’ screening bikri tal-kanċer li jużaw il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ sekwenzjar ġenomiku (next-generation sequencing, imsejħa “NGS”) u, b’mod iktar wiesa’, is-settur farmaċewtiku u/jew is-settur tal-apparati mediċi.

13

F’dan ir-rigward, Biocom California indikat, fit-talba tagħha għal intervent, li hija għandha iktar minn 1365 membru attiv fis-settur tal-apparati farmaċewtiċi u mediċi, fosthom 155 impriża li jispeċjalizzaw fil-ġenomija u fid-dijanjostika, kif ukoll diversi impriżi involuti fit-testijiet ta’ screening tal-kanċer ibbażati fuq id-demm permezz tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ sekwenzjar ġenomiku. Biocom California tirrappreżenta għalhekk numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur ekonomiku affettwat mill-konċentrazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża u tista’, għaldaqstant, titqies bħala assoċjazzjoni professjonali rappreżentattiva fis-sens ta’ dak li ġie deċiż fil-punt 10 ta’ dan id-digriet.

14

Fit-tieni lok, mit-talba għal intervent ta’ Biocom California, kif ukoll mid-dokumenti annessi magħha, jirriżulta li din għandha personalità ġuridika u li l-istatuti tagħha jawtorizzawha “tagħmel kull att legali neċessarju jew mixtieq sabiex jintlaħaq l-għan speċifiku tagħha”, jiġifieri li tavvanza, tiffavorixxi u tinkoraġġixxi s-settur tax-xjenzi tal-ħajja. L-istatuti ta’ Biocom California, li jindikaw li l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-membri tagħha, jippermettulha għalhekk li tieħu azzjoni legali sabiex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha.

15

Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari, tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), il-Kummissjoni hijiex kompetenti li tilqa’ talba għal referenza ta’ kawża ta’ konċentrazzjoni li toriġina minn Stat Membru li għandu sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, fejn il-konċentrazzjoni kkonċernata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema nazzjonali.

16

Kif sostniet Biocom California, din il-kawża tqajjem għalhekk kwistjoni ta’ prinċipju li tista’ tkun essenzjali għas-settur tax-xjenzi tal-ħajja u, b’mod partikolari, għall-impriżi farmaċewtiċi, li fosthom hemm il-membri ta’ Biocom California li jaqgħu f’dan is-settur. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament [Nru 139/2004] għal ċerti kategoriji ta’ każijiet (ĠU 2021, C 113, p. 1), is-settur farmaċewtiku huwa wieħed mis-setturi speċifiċi tal-ekonomija li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tipprevedi li tinkoraġġixxi u taċċetta iktar riferimenti mingħand l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. L-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni fi ħdan is-settur farmaċewtiku, li jaqgħu taħt il-limiti ta’ kompetenza previsti mill-imsemmi regolament u mis-sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jistgħu għalhekk jiġu iktar u iktar issorveljati mill-qrib minn dawn l-awtoritajiet u jkunu s-suġġett ta’ referenza skont din id-dispożizzjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni adottata fis-sentenza appellata.

17

Il-fatt li din il-kawża ser tagħti lok għal sentenza li għandha influwenza partikolari fuq il-mod kif ċerti konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt is-settur tax-xjenzi tal-ħajja jistgħu fil-futur jiġu ttrattati skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa biżżejjed sabiex jitqies li l-imsemmija kawża tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur speċifiku, li fih huma attivi ċerti membri ta’ Biocom California.

18

Bl-istess mod, għandu jiġi osservat, fir-raba’ lok, li r-risposta li tista’ tingħata għall-kwistjonijiet ta’ prinċipju mqajma f’dan il-każ hija ta’ interess għall-membri ta’ Biocom California. B’mod partikolari, kif invokat din tal-aħħar, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 sostnuta mill-Kummissjoni iktar tista’ tkopri l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi mhux Ewropej u, b’mod partikolari, dawk ta’ impriżi attivi f’setturi bħal dak tax-xjenzi tal-ħajja, li huma kkaratterizzati mill-preżenza fis-suq ta’ numru kbir ta’ impriżi li jkunu għadhom kif twaqqfu (start-ups). Barra minn hekk, il-kumpanniji involuti f’dawn l-operazzjonijiet ġeneralment iktar jistgħu, kemm fid-dawl tal-post ta’ stabbiliment tagħhom, kif ukoll minħabba l-fatt li huma jagħmlu dħul limitat mill-bejgħ fl-Unjoni, jaqgħu taħt il-limiti tad-dħul mill-bejgħ fir-rigward tan-notifika ta’ tali operazzjonijiet, kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll fuq livell nazzjonali.

19

F’dan ir-rigward, Biocom California sostniet li hija tirrappreżenta prinċipalment impriżi tax-xjenzi tal-ħajja stabbiliti fl-Istati Uniti u, b’mod iktar partikolari, f’California, inkluż impriżi li jkunu għadhom kif twaqqfu (start-ups) fir-riċerka ta’ finanzjament u impriżi kbar fir-riċerka ta’ opportunitajiet kummerċjali sabiex jinvestu f’tali impriżi li jkunu għadhom kif twaqqfu.

20

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, fid-dawl tal-interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent tal-assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw impriżi tas-settur affettwat minn kawża, Biocom California għandha titqies li stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti f’għajnejn il-liġi, li, f’dan il-każ, hija għandha interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet ta’ Illumina intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata u, għaldaqstant, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

21

Għaldaqstant, hemm lok li, skont din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn l-istess regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, Biocom California tiġi ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Illumina.

Fuq id‑drittijiet proċedurali tal‑intervenjenti

22

Peress li qiegħda tintlaqa’ t-talba għal intervent, Biocom California ser tirċievi komunikazzjoni, skont l-Artikolu 131(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn l-istess regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, tal-atti tal-proċedura kollha nnotifikati lill-partijiet, fl-assenza ta’ talba minn dawn tal-aħħar sabiex ċerti atti jew dokumenti jiġu esklużi minn din il-komunikazzjoni.

23

Billi din it-talba tressqet fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, Biocom California tista’, konformement mal-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn l-istess regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, tippreżenta nota ta’ intervent f’terminu ta’ xahar mill-komunikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti.

24

Fl-aħħar nett, Biocom California tista’ tippreżenta osservazzjonijiet orali jekk tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Fuq l‑ispejjeż

25

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

26

F’dan il-każ, peress li ntlaqgħet it-talba għal intervent ta’ Biocom California, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti jordna:

 

1)

Biocom California tiġi ammessa tintervjeni fil-Kawża C‑611/22 P insostenn tat-talbiet ta’ Illumina Inc.

 

2)

Kopja tal-atti proċedurali kollha tiġi nnotifikata lil Biocom California mir-Reġistratur.

 

3)

Biocom California għandha terminu ta’ xahar, li jibda jiddekorri min-notifika msemmija fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, sabiex tippreżenta nota ta’ intervent.

 

4)

L-ispejjeż marbuta mal-intervent ta’ Biocom California huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.