30.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Cartagena (Spanja) fit-8 ta’ Frar 2022 – RTG vs Tuk Tuk Travel S.L.

(Kawża C-83/22)

(2022/C 213/33)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia de Cartagena

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: RTG

Konvenut: Tuk Tuk Travel S.L.

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 169(1) u 2(a) TFUE u 114(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (1), peress li dan l-artikolu ma jinkludix, fost l-informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi, id-dritt irrikoxxut lill-vjaġġaturi mill-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li jiġi tterminat il-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u li jinkiseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar, fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett?

2)

L-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302, jipprekludu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ dispożittiv u ta’ kongruwenza previsti fl-Artikoli 216 u 218(1) tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili), meta dawn il-prinċipji proċedurali jistgħu jostakolaw il-protezzjoni sħiħa tal-konsumatur rikorrent?


(1)  ĠU 2015, L 326, p. 1.