SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ Jannar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 4(1)(c) u (e) – Minimizzazzjoni tad-data – Limitazzjoni tal-ħżin – Artikolu 5 – Termini xierqa għat-tħassir jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa tal-ħżin – Artikolu 10 – Ipproċessar ta’ data bijometrika u ta’ data ġenetika – Neċessità assoluta – Artikolu 16(2) u (3) – Dritt għat-tħassir – Limitazzjoni tal-ipproċessar – Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Persuna fiżika li tkun ġiet ikkundannata b’sentenza definittiva u sussegwentement irriabilitata – Terminu ta’ ħżin tad-data sal-mewt – Assenza ta’ dritt għat-tħassir jew għal-limitazzjoni tal-ipproċessar – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑118/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

NG

vs

Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti – Sofia

fil-preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NG, minn P. Kuyumdzhiev, advokat

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva, T. Mitova u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn A. Hanje, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Łukowiak u J. Sawicka, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Georgieva, H. Kranenborg u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), moqri flimkien mal-Artikolu 13(2)(b) u (3) ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn NG u d-Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti – Sofija (direttur tad-Direttorat Ġenerali “Pulizija nazzjonali” fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“DĠPN”) fir-rigward taċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba ta’ NG biex jitneħħa mir-reġistru nazzjonali li fih l-awtoritajiet tal-pulizija Bulgari jdaħħlu lill-persuni li kontrihom hemm proċeduri għal reat kriminali intenzjonali li jaqa’ taħt l-azzjoni pubblika (iktar ’il quddiem ir-“reġistru tal-pulizija”), liema talba hija bbażata fuq ir-riabilitazzjoni li minnha din il-persuna bbenefikat wara li kienet suġġetta għal kundanna kriminali definittiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 11, 14, 26, 27, 37, 47 u 104 tad-Direttiva 2016/680 jiddikjaraw:

“(11)

Għalhekk hu xieraq […] li [l-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni mill-puljizija] jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. […]

[…]

(14)

Peress li din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali matul attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali […] ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

(26)

[…] Għandu […] jiżgura li d-data personali miġbura ma tkunx eċċessiva u ma tinżammx għal aktar żmien minn dak meħtieġ għall-iskop li għalih tkun ġiet ipproċessata. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. Sabiex jiġi żgurat li d-data ma tinżammx għal aktar żmien minn kemm hu meħtieġ, il-kontrollur għandu jistabbilixxi limiti ta’ żmien għat-tħassir jew għal rieżami perjodiku. […]

(27)

Għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipproċessaw data personali, li tkun miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi lil hinn minn dak il-kuntest sabiex jiġi żviluppat fehim tal-attivitajiet kriminali, u tar-rabtiet li jsiru bejn ir-reati kriminali differenti individwati.

[…]

(37)

Data personali li, min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. […]

[…]

(47)

[…] Persuna fiżika għandu jkollha d-dritt ukoll għar-restrizzjoni tal-ipproċessar […] meta d-data personali jkollha tinżamm għal skop ta’ evidenza. B’mod partikolari, minflok ma titħassar id-data personali, l-ipproċessar għandu jiġi ristrett jekk f’każ speċifiku jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li t-tħassir jista’ jaffettwa l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data. F’dan il-każ, id-data ristretta għandha tiġi pproċessata biss għall-fini li impedixxa t-tħassir tagħha. […]

[…]

(104)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)] kif imħaddna fit-[Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Il-limitazzjonijiet imposti fuq dawn id-drittijiet huma skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta billi huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħra.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:

(a)

matul attività li taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali […] bħalma huma […] il-ħażna […];

[…]”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680 intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

[…]

(c) adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[…]

(e) miżmuma b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li tiġi pproċessata;

[…]”

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-ħażna u għar-rieżami”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għat-tħassir ta’ data personali jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa li tinħażen id-data personali. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawk il-limiti ta’ żmien jiġu osservati.”

9

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, huwa redatt kif ġej:

“L-ipproċessar ta’ data […] ġenetika [u] ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika […] għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data […]”

10

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, bil-liġi, li l-kontrollur jagħti lis-suġġett tad-data, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri elenkata f’dan il-paragrafu 2 sabiex dan is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Fost din l-informazzjoni ulterjuri hemm, b’mod partikolari, fil-punt (b) tal-imsemmi paragrafu 2, it-tul ta’ ħżin tad-data personali, jew, fejn ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dan it-tul. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2016/680 jindika r-raġunijiet għalfejn l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi li jittardjaw jew li jillimitaw il-provvista tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jew li ma jipprovdulux din l-informazzjoni.

11

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jipprovdi:

“Soġġett għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata, u, fejn dak hu l-każ, aċċess għal tali data personali u għall-informazzjoni li ġejja:

[…]

(d)

fejn possibbli, il-perijodu previst li għalih tkun ser tinħażen id-data personali, jew jekk dan ma jkunx possibbli, il-kriterji li jintużaw biex jiġi determinat dak il-perijodu;

[…]”

12

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-kontrollur li jħassar data personali mingħajr dewmien bla bżonn u jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien bla bżonn meta l-ipproċessar jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 4, 8 jew 10, jew meta d-data personali jkollha titħassar f’konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett.

3.   Minflok it-tħassir, il-kontrollur għandu jillimita l-ippproċessar meta:

(a)

l-eżattezza tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-eżattezza jew l-ineżattezza ma tistax tkun aċċertata; jew

(b)

id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta’ evidenza.

[…]”

13

Bis-saħħa tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni tad-data b’mod intenzjonat u b’mod awtomatiku”, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiġu żgurati l-ħtiġijiet tal-istess direttiva u jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss id-data personali li tkun meħtieġa fir-rigward ta’ kull fini speċifiku.

14

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur u l-proċessur, b’kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta’ probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sabiex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 10.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Kodiċi Kriminali

15

L-Artikolu 82(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, DV no 26, tat-2 ta’ April 1968), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Il-piena imposta ma tiġix eżegwita jekk ikunu ddekorrew:

1. għoxrin sena, jekk il-piena hija għomor priġunerija mingħajr il-possibbiltà ta’ kommutazzjoni jew għomor priġunerija;

2. ħmistaxil‑il sena, jekk il-piena inkorsa hija priġunerija ta’ iktar minn għaxar snin;

3. għaxar snin, jekk il-piena hija priġunerija minn tlieta għal għaxar snin;

4. ħames snin jekk il-piena hija inferjuri għal tliet snin priġunerija, u

5. sentejn, għall-każijiet l-oħra kollha.”

16

L-Artikolu 85(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Ir-riabilitazzjoni tħassar il-kundanna u tabroga għall-futur l-effetti li l-liġijiet jorbtu mal-kundanna nnifisha, sakemm ma jiġix dispost mod ieħor minn liġi jew digriet.”

17

L-Artikolu 88a tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Meta terminu ugwali għal dak imsemmi fl-Artikolu 82(1) ikun iddekorra minn meta l-piena tkun ġiet skontata u l-persuna kkundannata ma tkunx wettqet reat kriminali intenzjonali ġdid li jaqa’ taħt l-azzjoni pubblika punibbli b’piena ta’ priġunerija, il-kundanna u l-konsegwenzi tagħha jitħassru minkejja kull dispożizzjoni prevista minn liġi oħra jew digriet ieħor.”

Il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern

18

L-Artikolu 26 taż-Zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern”) jipprovdi:

“(1)   Meta jipproċessaw data personali b’rabta mal-attivitajiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ta’ żamma tal-ordni pubbliku u ta’ tmexxija ta’ proċeduri kriminali, l-awtoritajiet tal-Ministeru għall-Intern:

[…]

3.

jistgħu jipproċessaw il-kategoriji neċessarji kollha ta’ data personali;

[…]

(2)   It-termini għaż-żamma tad-data msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-verifika perjodika tal-ħtieġa għall-ħażna tad-data għandhom jiġu ffissati mill-Ministru għall-Intern. Din id-data għandha titħassar ukoll bis-saħħa ta’ att ġudizzjarju jew deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali.”

19

Skont l-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern:

“Id-data li tirriżulta mir-reġistrazzjoni tal-persuni fir-reġistru tal-pulizija li ssir fuq il-bażi tal-Artikolu 68 tintuża biss għal skopijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità u ta’ żamma tal-ordni pubbliku.”

20

L-Artikolu 68 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“(1)   L-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jirreġistraw fir-reġistru tal-pulizija lill-persuni li jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba reat intenzjonat suġġett għal azzjoni pubblika. L-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru mill-awtoritajiet tal-pulizija.

(2)   Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija hija tip ta’ pproċessar ta’ data personali tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li sseħħ fil-kuntest ta’ din il-liġi.

(3)   Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija, l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom:

1.

jiġbru d-[data personali] msemmija fl-Artikolu 18 tal-Liġi dwar id-Dokumenti tal-Identità Bulgari;

2.

jieħdu l-marki tas-swaba’ diġitali tal-persuni u jieħdu ritratti tal-persuni;

3.

jiġbru kampjuni għall-finijiet tal-ħolqien ta’ profil tad-DNA tal-persuni.

[…]

(6)   Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija għandha titħassar fuq il-bażi ta’ ordni bil-miktub tal-kontrollur ta’ data personali jew tal-uffiċjali awtorizzati minnu, ex officio jew wara talba bil-miktub u motivata tal-persuna rreġistrata, meta:

1.

ir-reġistrazzjoni tkun saret bi ksur tal-liġi;

2.

il-proċeduri kriminali jitwaqqfu, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tan-[Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)];

3.

il-proċeduri kriminali jkunu wasslu għal ħelsien;

4.

il-persuna tkun ġiet eżentata mir-responsabbiltà kriminali tagħha u tkun ġiet imposta fuqha sanzjoni amministrattiva;

5.

il-persuna tkun mietet, f’liema każ it-talba tkun tista’ ssir mill-eredi tagħha.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

NG ġie rreġistrat fir-reġistru tal-pulizija, konformement mal-Artikolu 68 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, fil-kuntest ta’ proċedura istruttorja minħabba xhieda falza, reat kriminali previst fl-Artikolu 290(1) tal-Kodiċi Kriminali. Wara li ntemmet din il-proċedura istruttorja, NG tqiegħed taħt akkuża u, permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, ġie misjub ħati b’dan ir-reat u kkundannat għal piena ta’ probation għal sena. Wara li skonta din il-piena, NG bbenefika, b’applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 82(1) u tal-Artikolu 88a tal-Kodiċi Kriminali, minn riabilitazzjoni, li seħħet fl‑14 ta’ Marzu 2020.

22

Fil‑15 ta’ Lulju 2020, fuq il-bażi ta’ din ir-riabilitazzjoni, NG ressaq talba għat-tħassir ta’ din ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija mal-amministrazzjoni territorjali kompetenti tal-Ministeru għall-Intern.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2020, id-DĠPN ċaħad din it-talba, billi qies li kundanna kriminali definittiva ma tagħmilx parti mill-motivi għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 68(6) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2021, l-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn NG kontra din id-deċiżjoni tad-DĠPN għal raġunijiet, essenzjalment, analogi għal dawk ikkunsidrati minn dan tal-aħħar.

25

NG ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija). L-aggravju prinċipali huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikoli 5, 13 u 14 tad-Direttiva 2016/680, li skontu l-ipproċessar ta’ data personali billi tinħażen ma jistax ikun għal żmien illimitat. Issa, skont NG, essenzjalment, dan huwa de facto l-każ meta, fl-assenza ta’ raġuni għal tneħħija mir-reġistru tal-pulizija applikabbli għall-ipoteżi ta’ riabilitazzjoni, is-suġġett tad-data ma jista’ qatt jikseb it-tħassir tad-data personali tiegħu miġbura b’rabta mar-reat kriminali li għalih huwa ġie kkundannat b’mod definittiv, wara li jkun skonta l-piena tiegħu u jkun ibbenefika minn tali riabilitazzjoni.

26

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija huwa pproċessar ta’ data personali mwettaq għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u għaldaqstant jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

27

Fit-tieni lok, hija tindika li r-riabilitazzjoni ma tagħmilx parti mir-raġunijiet għal tħassir mir-reġistru tal-pulizija, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 68(6) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, u li ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija applikabbli fil-każ inkwistjoni, fejn għalhekk huwa impossibbli, għas-suġġett tad-data, li jinkiseb it-tħassir tar-reġistrazzjoni tiegħu f’dan ir-reġistru f’tali ipoteżi.

28

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680 tirreferi għal garanziji biex id-data miġbura ma tkunx eċċessiva, u lanqas ma tiġi maħżuna għal tul li jeċċedi dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata u tiddikjara li l-kontrollur għandu jiffissa termini bil-għan tat-tħassir tagħha jew għandu jiffissa eżami perjodiku. Barra minn hekk, mill-premessa 34 ta’ din id-direttiva hija tiddeduċi li l-ipproċessar għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tagħha kellu jinkludi operazzjonijiet sabiex din id-data tiġi limitata, mħassra jew meqruda. Fil-fehma tagħha, dawn il-prinċipji huma riflessi fl-Artikolu 5 kif ukoll fl-Artikolu 13(2) u (3) tal-imsemmija direttiva.

29

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet iddikjarati fil-punt preċedenti jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal, għall-awtoritajiet kompetenti, għal “dritt kważi illimitat” għall-ipproċessar ta’ data għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u, għas-suġġett tad-data, għat-telf tad-dritt tiegħu għal-limitazzjoni tal-ipproċessar jew għat-tħassir tad-data tiegħu.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2016/680], ikkunsidrat mal-Artikolu 13(2)(b) u (3) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jwasslu għal dritt prattikament mingħajr limiti għall-ipproċessar ta’ data personali mill-korpi kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali u/jew għar-rinunzja mis-suġġett tad-data tad-dritt tiegħu għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, għat-tħassir jew għall-qerda tad-data tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, id-domanda tal-qorti tar-rinviju toriġina mill-fatt li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Bulgaru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ebda waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tħassir tad-data personali li tinsab fir-reġistru tal-pulizija, elenkati b’mod limitat mil-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, ma hija applikabbli fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna ġiet definittivament ikkundannata, bil-konsegwenza li din id-data tinħażen f’dan ir-reġistru u tista’ tiġi pproċessata mill-awtoritajiet li għandhom aċċess għaliha mingħajr ebda limitazzjoni ta’ terminu ta’ żmien minbarra l-mewt tal-imsemmija persuna.

33

F’dan ir-rigward, qabel kollox, mid-deċiżjoni ta’ rinviju, b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-qosor fil-punt 27 ta’ din is-sentenza u mill-kliem tad-domanda preliminari nnifisha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, kif tesponi l-premessa 104 tad-Direttiva 2016/680, il-limitazzjonijiet magħmula minn din id-direttiva għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, previst fl-Artikolu 8 tal-Karta, kif ukoll għad-drittijiet għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, protetti rispettivament mill-Artikoli 7 u 47 ta’ din il-karta, għandhom jiġu interpretati konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tagħha, li jinkludu l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

34

Sussegwentement, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, ġustament, għall-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, dwar it-termini xierqa għat-tħassir tad-data personali jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li din id-data tinħażen. Peress li l-imsemmi Artikolu 5 għandu rabtiet stretti kemm mal-Artikolu 4(1)(c) u (e) tal-istess direttiva kif ukoll mal-Artikolu 16(2) u (3) tagħha, jeħtieġ li d-domanda preliminari tinftiehem fis-sens li tirrigwarda dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ukoll.

35

Bl-istess mod, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-ħżin, b’mod partikolari, ta’ data bijometrika u ġenetika, li taqa’ taħt il-kategoriji partikolari ta’ data personali li l-ipproċessar tagħha huwa rregolat speċifikament mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li d-domanda magħmula tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

36

Fl-aħħar nett, ir-rilevanza ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/680 tirriżulta b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari biss għal dak li jikkonċerna l-paragrafu 2(b) tiegħu. Huwa minnu, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, li l-paragrafu 3 tiegħu jirrifletti wkoll il-prinċipji ddikjarati, b’mod partikolari, fil-premessa 26 ta’ din id-direttiva. Madankollu, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li fil-kawża prinċipali tinsab ukoll inkwistjoni miżura leġiżlattiva intiża li ddewwem jew li tillimita l-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data, fis-sens ta’ dan il-paragrafu 3.

37

Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 10, l-Artikolu 13(2)(b), kif ukoll l-Artikolu 16(2) u (3) tagħha u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħżin, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni f’dan ir-rigward jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ data personali, b’mod partikolari ta’ data bijometrika u ġenetika, li tikkonċerna persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal azzjoni pubblika, u dan sal-mewt tas-suġġett tad-data, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni tiegħu, mingħajr ma jiġi rrikonoxxut lilu, barra minn hekk, id-dritt għat-tħassir tal-imsemmija data jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tal-ipproċessar tagħha.

38

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li d-domanda magħmula tirrigwarda pproċessar ta’ data personali li jirrifletti wħud mill-għanijiet li jaqgħu, konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, mill-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, iċċitat fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li d-data maħżuna fir-reġistru tal-pulizija tista’ tkun suġġetta wkoll għal ipproċessar fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fejn, skont l-Artikolu 2(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għal tali data. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tiżgura li l-ħżin tad-data tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwa tali li jirrifletti għanijiet li jaqgħu taħt il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fid-dawl tal-fatt li dan l-Artikolu 2(3)(a) jirrigwarda eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tingħata interpretazzjoni stretta. (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. Kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet fundamentali għandha, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bis-saħħa ta’ dan l-aħħar prinċipju, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jekk effettivament ifittxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-limitazzjonijiet inkwistjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Kif tenfasizza, essenzjalment, il-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfatti meta l-għan ta’ interess ġenerali msemmi jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra, li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fit-tieni lok, qabel kollox, skont l-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali hija adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata. B’hekk din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, li jartikola l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għalhekk, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ data personali fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u l-ħżin tagħha mill-awtoritajiet tal-pulizija, għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għandhom, bħal kull ipproċessar li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, josservaw dawn ir-rekwiżiti. Tali ħżin jikkostitwixxi barra minn hekk indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, indipendentement mill-fatt dwar jekk l-informazzjoni maħżuna hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jekk l-interessi ġarrbux inkonvenjenti eventwali jew le minħabba dan l-indħil, jew ukoll jekk id-data maħżuna tintużax jew le sussegwentement (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, fir-rigward, iktar preċiżament, tan-natura proporzjonata tat-tul ta’ ħżin tal-imsemmija data, l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680, jipprevedu li din id-data tinħażen taħt forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal tul li ma jeċċedix dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata.

44

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva timponi lill-Istati Membri jipprevedu l-iffissar ta’ termini xierqa għat-tħassir tad-data personali jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li tali data tinżamm kif ukoll regoli proċedurali li jiggarantixxu l-osservanza ta’ dawn it-termini.

45

Kif tiddikjara l-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li d-data personali ma tiġix, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(e) ta’ din id-direttiva, maħżuna għal iktar milli jkun neċessarju. Ċertament, din tħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiffissaw termini xierqa għat-tul ta’ ħżin u li jiddeċiedu jekk dawn it-termini jikkonċernawx it-tħassir tal-imsemmija data jew il-verifika regolari tal-ħtieġa li din tinħażen, suġġett għall-garanzija tal-osservanza ta’ dawn it-termini minn regoli proċedurali adegwati. Madankollu, in-natura “xierqa” ta’ dawn it-termini tirrikjedi, fi kwalunkwe każ, li, konformement mal-Artikolu 4(1)(c) u (e) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-imsemmija termini jippermettu, jekk ikun il-każ, it-tħassir tad-data kkonċernata fl-ipoteżi fejn iż-żamma tagħha ma tkunx iżjed neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li ġġustifikaw l-ipproċessar.

46

B’mod partikolari, huwa bil-għan li jippermettu lis-suġġetti tad-data jivverifikaw din in-natura “xierqa” u, jekk ikun il-każ, li jitolbu tali tħassir li l-Artikolu 13(2)(b) u l-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedu li, bħala prinċipju, dawn il-persuni jistgħu jiġu informati, meta dan ikun possibbli, dwar it-tul tal-ħżin tad-data personali li tikkonċernahom jew, meta dan ma jkunx possibbli, dwar il-kriterji użati għad-determinazzjoni ta’ dan it-tul.

47

Sussegwentement, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tirregola l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, b’mod partikolari d-data bijometrika u ġenetika. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura protezzjoni addizzjonali tas-suġġett tad-data, sa fejn, minħabba s-sensittività partikolari tagħha u tal-kuntest li fih tiġi pproċessata, id-data inkwistjoni tista’ tikkawża, kif jirriżulta mill-premessa 37 tal-imsemmija direttiva, riskji importanti għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

B’mod iktar partikolari, dan l-Artikolu 10 jiddikjara r-rekwiżit li l-ipproċessar tad-data sensittiva jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”, li jikkostitwixxi kundizzjoni msaħħa tal-legalità tal-ipproċessar ta’ tali data u jimplika, b’mod partikolari, kontroll partikolarment strett tal-osservanza tal-prinċipju tal-“minimizzazzjoni tad-data”, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, li tagħha dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika għall-imsemmija data sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 117, 122125).

49

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680 jintroduċi dritt għat-tħassir tad-data personali meta l-ipproċessar jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tal-Artikoli 4, 8 jew 10 ta’ din id-direttiva jew meta din id-data jkollha titħassar biex jiġi osservat obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur.

50

Minn dan l-Artikolu 16(2) jirriżulta li dan id-dritt għat-tħassir jista’ jiġi eżerċitat, b’mod partikolari, meta l-ħżin tad-data personali inkwistjoni ma jkunx neċessarju jew ma jkunx iżjed neċessarju fir-rigward tal-għanijiet tal-ipproċessar tagħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 4(1)(c) u (e) tal-imsemmija direttiva kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 10 tagħha, jew meta dan it-tħassir ikun meħtieġ biex jiġi osservat it-terminu ffissat, għal dan il-għan, mid-dritt nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-istess direttiva.

51

Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2016/680, id-dritt nazzjonali għandu jipprevedi li l-kontrollur jillimita l-ipproċessar ta’ din id-data minflok ma jipproċedi għat-tħassir tagħha meta, konformement mal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali u ma jistax jiġi ddeterminat jekk din id-data hijiex eżatta jew le, jew meta, konformement mal-punt (b) tagħha, id-data personali għandha tinħażen għal finijiet probatorji.

52

Mill-punti preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 eżaminati fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza jiffissaw qafas ġenerali li jippermetti li jiġi ggarantit, fost oħrajn, li l-ħżin ta’ data personali u, b’mod iktar partikolari, it-tul tal-ħżin tagħha, ikun limitat għal dak li jirriżulta li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tinħażen din id-data, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw, fl-osservanza ta’ dan il-qafas, is-sitwazzjonijiet konkreti li fihom il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data tirrikjedi t-tħassir ta’ din id-data u l-mument meta dan għandu jseħħ. Min-naħa l-oħra, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li l-Istati Membri jiddefinixxu limiti ta’ żmien assoluti għaż-żamma tad-data personali, li kif jiddekorru din id-data jkollha titħassar awtomatikament.

53

F’dan il-każ, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-data personali li tinsab fir-reġistru tal-pulizija bis-saħħa tal-Artikolu 68 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern għandha tinżamm biss għal finijiet ta’ investigazzjoni operattiva u, b’mod iktar partikolari, bil-għan li tiġi pparagunata ma’ data oħra miġbura waqt investigazzjonijiet dwar reati oħra.

54

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ħżin, f’reġistru tal-pulizija, ta’ data dwar persuni li kienu suġġetti għal kundanna kriminali definittiva jista’ jirriżulta neċessarju għall-finijiet indikati fil-punt preċedenti, anki wara li din il-kundanna titħassar mir-rekords kriminali u li, konsegwentement, l-effetti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali torbot ma’ din il-kundanna jitneħħew. Fil-fatt, dawn il-persuni jistgħu jkunu involuti fil-kuntest ta’ reati kriminali oħra minbarra dawk li għalihom ġew ikkundannati jew, għall-kuntrarju, li ma jinsabux ħatja permezz tal-paragun tad-data maħżuna minn dawn l-awtoritajiet ma’ dik miġbura waqt proċeduri relatati ma’ dawn ir-reati l-oħra.

55

B’hekk, tali ħżin jista’ jikkontribwixxi għall-għan ta’ interess ġenerali ddikjarat fil-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680, li skontu, għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-reati kriminali kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-ħtieġa li jipproċessaw data personali, miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni u tal-konstatazzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam lil hinn minn dan il-kuntest, sabiex jinkiseb għarfien aħjar tal-attivitajiet kriminali u jiġu stabbiliti rabtiet bejn id-diversi reati kriminali identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 98).

56

Fit-tieni lok, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fir-reġistru tal-pulizija hija maħżuna data relatata mas-suġġett tad-data msemmija mil-leġiżlazzjoni Bulgara u li tirrigwarda dokumenti ta’ identità, il-marki tas-swaba’, ir-ritratt tiegħu kif ukoll kampjun għal finijiet ta’ ħolqien ta’ profil tad-DNA li magħhom, kif ikkonferma l-Gvern Bulgaru waqt is-seduta, tingħadd id-data relatata mar-reati kriminali mwettqa mis-suġġett tad-data u l-kundanni tiegħu f’dan ir-rigward. Issa, dawn il-kategoriji differenti ta’ data jistgħu jirriżultaw li huma indispensabbli għall-finijiet tal-verifika dwar jekk is-suġġett tad-data huwiex involut fil-kuntest ta’ reati kriminali oħra minbarra dawk li għalihom irċieva kundanna definittiva. Konsegwentement, bħala prinċipju, din id-data tista’ titqies li hija adegwata u rilevanti fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680.

57

Fit-tielet lok, il-proporzjonalità ta’ tali ħżin fid-dawl tal-għanijiet tiegħu għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa previsti mid-dritt nazzjonali, li huma intiżi li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data maħżuna mir-rigward ta’ pproċessar kuntrarju għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680, konformement mal-Artikoli 20 u 29 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari miżuri msemmija fl-Artikolu 20(2) tagħha, li jiggarantixxu li tiġi pproċessata biss id-data personali li tkun neċessarja għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar.

58

Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tul tal-ħżin tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa biss fil-każ ta’ kundanna definittiva tas-suġġett tad-data għal reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika li l-ħżin tal-imsemmija data jinżamm sal-mewt ta’ din il-persuna, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi t-tneħħija tal-persuni suġġetti għal proċeduri kriminali mir-reġistru għal tali reat kriminali fil-każijiet l-oħra.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-kunċett ta’ “reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika” huwa ta’ natura partikolarment ġenerali u jista’ japplika għal numru kbir ta’ reati kriminali, indipendentement min-natura u l-gravità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 129).

60

Issa, kif osserva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-persuni kollha kkundannati b’mod definittiv għal reat kriminali li jaqa’ taħt dan il-kunċett ma jippreżentawx l-istess livell ta’ riskju li jkunu involuti f’reati kriminali oħra u li jiġġustifika tul uniformi ta’ ħżin tad-data li tikkonċernahom. B’hekk, f’ċerti każijiet, fid-dawl tal-fatturi bħan-natura u l-gravità tal-ksur imwettaq jew fl-assenza ta’ reċidiva, ir-riskju rrappreżentat mill-persuna kkundannata ma jiġġustifikax neċessarjament iż-żamma sal-mewt tagħha tad-data li tikkonċernaha fir-reġistru nazzjonali tal-pulizija previst għal dan il-għan. F’tali każijiet inkwistjoni, ma jkunx jeżisti iżjed in-ness neċessarju bejn id-data maħżuna u l-għan li għandu jintlaħaq (ara, b’analoġija, l-opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 205). Għalhekk, il-ħżin tagħha ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, iddikjarat fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680 u jeċċedi t-tul neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, kuntrarjament għall-Artikolu 4(1)(e) ta’ din id-direttiva.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, huwa minnu, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-riabilitazzjoni ta’ tali persuna, li twassal għat-tħassir tal-kundanna tagħha mir-rekords kriminali, bħal dik li seħħet fil-kawża prinċipali, ma tistax iċċaħħad, fiha nnifisha, mill-ħtieġa li tinħażen id-data tagħha fir-reġistru tal-pulizija, inkwantu din tal-aħħar twieġeb għal għanijiet differenti tal-elenku tal-preċedenti kriminali fl-imsemmija rekords kriminali. Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt kriminali nazzjonali, tali riabilitazzjoni hija suġġetta għall-assenza ta’ twettiq ta’ reat kriminali intenzjonali ġdid suġġett għall-azzjoni pubblika matul ċertu mogħdija ta’ żmien wara li l-piena ġiet skontata, hija tista’ tikkostitwixxi l-ħjiel ta’ riskju inqas sinjifikattiv irrappreżentat mis-suġġett tad-data fir-rigward tal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità jew taż-żamma tal-ordni pubbliku u għaldaqstant element ta’ natura li jnaqqas it-tul neċessarju ta’ tali ħżin.

62

Fil-ħames lok, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iddikjarat fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jimplika, b’mod partikolari, ponderazzjoni tal-importanza tal-għan imfittex u tal-gravità tal-limitazzjoni mqiegħda fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 66).

63

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-ħżin tad-data personali fir-reġistru tal-pulizija inkwistjoni jinkludi data bijometrika u ġenetika. Għaldaqstant għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi li jirrappreżenta l-ipproċessar ta’ data sensittiva għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, l-importanza partikolari tal-għan imfittex għandha tiġi evalwata konformement ma’ numru ta’ elementi rilevanti. Taħt dawn il-punti ta’ evalwazzjoni hemm, b’mod partikolari, il-fatt li l-ipproċessar iservi għal għan konkret marbut mal-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew theddid kontra s-sigurtà pubblika li jippreżenta ċertu livell ta’ gravità, ir-repressjoni ta’ tali reati jew il-protezzjoni kontra tali theddid, kif ukoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom iseħħ dan l-ipproċessar (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data biometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 127).

64

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħżin sistematiku tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna eżaminata għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit ta’ neċessità assoluta, iddikjarat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 u mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ twassal, mingħajr distinzjoni u b’mod iġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-parti l-kbira tal-persuni mqiegħda taħt eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 128129).

65

Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li n-natura ġenerali u mingħajr distinzjoni tas-setgħa ta’ ħżin tal-marki tas-swaba, kampjuni bijoloġiċi u profili tad-DNA tal-persuni ssuspettati li wettqu reat iżda li ma ġewx ikkundannati, hekk kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li biha ġiet adita din il-qorti, ma kinitx sarrfet f’ekwilibriju ġust bejn l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni li qed jikkompetu bejniethom u li, għalhekk, il-ħżin ta’ din id-data kien ifisser preġudizzju sproporzjonat għad-dritt tar-rikorrenti għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u ma setax jitqies li kien neċessarju f’soċjetà demokratika, fejn tali preġudizzju, għalhekk, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S u Marper vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:1204JUD 003056204, punti 125 u 126).

66

Huwa minnu l-ħżin tad-data bijometrika u ġenetika ta’ persuni li diġà kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva, inkluż sal-mewt ta’ dawn il-persuni, jista’ jkun ta’ natura ta’ neċessità assoluta, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-involviment possibbli tagħhom fuq reat kriminali ieħor u, b’hekk, biex l-awturi ta’ dawn ir-reati jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni u jiġu kkundannati. Fil-fatt, jeħtieġ li titqies l-importanza li għandha dan it-tip ta’ data għall-investigazzjonijiet kriminali, inkluż bosta snin wara l-fatt, b’mod partikolari meta l-imsemmi ksur jikkostitwixxi reat gravi (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 93).

67

Madankollu, il-ħżin ta’ data bijometrika u ġenetika ma jistax jitqies li jissodisfa r-rekwiżit li dan għandu jkun permess biss “meta verament ikun meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, biss jekk jieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur li wassal għall-kundanna kriminali definittiva, jew ċirkustanzi oħra bħall-kuntest partikolari li fih twettaq dan il-ksur, ir-rabta eventwali tiegħu ma’ proċeduri oħra fis-seħħ jew ukoll il-preċedenti jew il-profil tal-persuna kkundannata. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li d-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data rreġistrati fir-reġistru tal-pulizija tinħażen sal-mewt ta’ dawn il-persuni fil-każ tal-kundanna kriminali definittiva tagħhom, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ħżin, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, ikun ta’ natura eċċessivament wiesa’ fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din id-data tiġi pproċessata.

68

Fis-sitt lok, fir-rigward, minn naħa, tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jipprevedu l-iffissar ta’ termini xierqa, iddikjarat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680, għandu jiġi osservat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 59, 60 u 67 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(c) u (e), kif ukoll tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, terminu jista’ jitqies li huwa “xieraq”, fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 5, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ħżin tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna kkundannata definittivament għal reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika, biss jekk jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti, bħal dawk imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, b’mod li tali tul ta’ ħżin isir neċessarju.

69

Konsegwentement, anki jekk ir-riferiment, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-mewt tal-persuna kkonċernata jista’ jikkostitwixxi “terminu” għat-tħassir tad-data maħżuna, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5, tali terminu jista’ jiġi kkunsidrat bħala “xieraq” biss f’ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw dan debitament. Issa, dan ma huwiex manifestament il-każ meta dan ikun applikabbli b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni għal kull persuna kkundannata b’mod definittiv.

70

Huwa minnu, kif ġie osservat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu jekk għandhomx jiġu ffissati termini għat-tħassir tal-imsemmija data jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li din tinħażen. Madankollu, minn dan l-istess punt jirriżulta wkoll li n-natura “xierqa” tat-termini għal tali verifika regolari tirrikjedi li dawn jippermettu, konformement mal-Artikolu 4(1)(c) u (e) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li d-data inkwistjoni titħassar fil-każ li l-ħżin tagħha ma hijiex iktar neċessarja. Issa, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt preċedenti, tali rekwiżit ma jiġix issodisfatt meta, bħal f’dan il-każ, l-uniku każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali tħassir, għal dak li jikkonċerna persuna kkundannata b’mod definittiv b’reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika, huwa meta jseħħ il-mewt tagħha.

71

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-garanziji previsti fl-Artikolu 16(2) u (3) ta’ din id-direttiva, dwar il-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet għat-tħassir u għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet mill-persuna kkundannata b’mod definittiv għal reat kriminali intenzjonali suġġetta għall-azzjoni pubblika.

72

Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 10, l-Artikolu 13(2)(b), kif ukoll l-Artikolu 16(2) u (3) tagħha, u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħżin, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni f’dan il-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ data personali, b’mod partikolari ta’ data bijometrika u ġenetika, li tikkonċerna persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal azzjoni pubblika, u dan sal-mewt tas-suġġett tad-data, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni tiegħu, mingħajr ma jitqiegħed fuq il-kontrollur l-obbligu li jivverifika b’mod regolari jekk dan il-ħżin għadux neċessarju, jew li jirrikonoxxi lill-imsemmi suġġett tad-data d-dritt għat-tħassir ta’ din id-data fil-mument li l-ħżin tagħha ma hijiex iktar neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din ġiet ipproċessata, jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tal-ipproċessar tagħha.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 10, l-Artikolu 13(2)(b), kif ukoll l-Artikolu 16(2) u (3) tagħha, u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħżin, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni f’dan il-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ data personali, b’mod partikolari ta’ data bijometrika u ġenetika, li tikkonċerna persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal azzjoni pubblika, u dan sal-mewt tas-suġġett tad-data, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni tiegħu, mingħajr ma jitqiegħed fuq il-kontrollur l-obbligu li jivverifika b’mod regolari jekk dan il-ħżin għadux neċessarju, jew li jirrikonoxxi lill-imsemmi suġġett tad-data d-dritt għat-tħassir ta’ din id-data fil-mument li l-ħżin tagħha ma hijiex iktar neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din ġiet ipproċessata, jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tal-ipproċessar tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.