26.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/51


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2021 – Guangdong Haomei New Materials u Guangdong King Metal Light Alloy Technology vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-326/21)

(2021/C 297/63)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Guangdong Haomei New Materials Co. Ltd (Qingyuan, iċ-Ċina), Guangdong King Metal Light Alloy Technology Co. Ltd (Yuan Tan Town, iċ-Ċina) (rappreżentanti: M. Maresca, C. Malinconico, D. Guardamagna, M. Guardamagna, D. Maresca, A. Cerruti, A. Malinconico u G. Falla, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla, in parte qua, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/546 tad-29 ta’ Marzu 2021, innotifikat lir-rikorrenti fit-30 ta’ Marzu 2021, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2021, L 109, p. 1) u, sussidjarjament, ir-Regolament “Bażiku” (ir-Regolament Nru 1036/2016), u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens għad-danni dovuti għall-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ konstatazzjoni speċifika tal-kundizzjonijiet ta’ dumping, ksur tal-prinċipji ta’ proċedura amministrattiva ekwa u tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ksur tal-forom sostanzjali u ta’ użu ħażin ta’ poter minħabba n-natura ġenerika tal-ilmenti u minħabba nuqqas ta’ verifika effettiva tal-informazzjoni pprovduta bi ħsieb ta’ kollaborazzjoni.

F’dan ir-rigward qiegħed jiġi sostnut li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b’illegalità inkwantu l-Kummissjoni ma kkonstatatx konkretament il-kundizzjonijiet tas-swieq meħuda inkunsiderazzjoni u r-rikorrenti ma tħallewx materjalment jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-qosor, Hoamei u King Metal tqiesu li kienu responsabbli għal dumping, u għaldaqstant kienu suġġetti għal dazji ta’ natura kompensatorja, mhux minħabba aġir proprju min-naħa tagħhom fl-esportazzjonijiet miċ-Ċina, iżda minħabba evalwazzjoni favorevoli komplessiva tal-ekonomija Ċiniża u għalhekk b’mod għalkollox ġeneriku. Konvinta minn dan, il-Kummissjoni eskludiet kull eżami konkret tad-dokumentazzjoni prodotta mill-impriżi hawn rikorrenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Bażiku fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, tad-determinazzjoni żbaljata tal-prezz “normali” tal-prodott suġġett għal investigazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dazji provviżorji mhux minħabba responsabbiltà personali tal-esportaturi iżda minħabba antipatija lejn il-qagħda globali tal-ekonomija Ċiniża.

F’dan ir-rigward qiegħda tiġi sostnuta l-illegalità tar-regolament minħabba l-fatt li l-Kummissjoni wettqet istruttorja inkompleta u, fi kwalunkwe każ, b’riżultat konfuż u vvizzjat ukoll bl-illegalità li tirriżulta mir-regolament dwar ir-reġistrazzjoni tal-prodotti, li diġà ġie kkontestat quddiem din il-Qorti inkwantu inkludiet fl-istruttorja kodiċijiet tal-prodott (7610 90 90) li, b’ammissjoni tagħha stess, ma għandhomx jiġu inklużi inkwantu dawn huma prodotti differenti minn dawk suġġetti għal investigazzjoni. Dan l-iżball (li ppermetta li jiġu inklużi prodotti differenti) ixejjen kemm il-kundizzjoni tad-dumping (inkwantu l-prezz baxx ħafna relatat inaqqas inevitabbilment u artifiċjalment il-prezz medju) kif ukoll id-danni għall-industrija tal-Unjoni ladarba dawn huma kwantitajiet konsiderevoli meta mqabbel mal-volum totali ta’ kwantitajiet ta’ prodott tali li jxejnu l-effett tal-parti li jifdal tal-prodott importat fl-Unjoni Ewropea.

Fit-tieni lok, l-assenza ta’ konstatazzjoni speċifika dwar il-pożizzjoni tar-rikorrenti hija inkompatibbli mat-Trattat (u r-regoli ċċitati) inkwantu tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva jew għal raġuni oħra li tinsab f’kunflitt mal-prinċipju bażiku ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, minħabba l-prezz tas-suq u tal-istruttura relattiva ta’ nfiq tas-suq prodotta numru ta’ drabi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar injorat kompletament (bħalma ġew injorati l-pożizzjonijiet tal-Gvern Ċiniż dwar is-suġġett tal-ekonomija tas-suq). Dan wassal għal illegalitajiet evidenti kemm ta’ natura sostanzjali (fuq il-kunċetti ta’ valur normali, distorsjonijiet sinjifikattivi, aċċess għall-kreditu, sistema fiskali, sistema legali marbuta mal-qasam fallimentari, pajjiż rappreżentattiv u għażla ta’ dan il-pajjiż) fir-rigward tan-natura proċedurali ttrattata b’mod estensiv fil-motiv preżenti, u li pproduċew effett diskriminatorju evidenti u dannuż.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq assenza ta’ preġudizzju, żnaturament tal-fatti fil-paragun tas-sehem mis-suq u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Permezz tat-tielet motiv ir-rikorrenti jsostnu l-illegalità tar-Regolament ikkontestat minħabba l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli turi kemm l-eżistenza ta’ dannu kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan tal-aħħar u d-dumping.

Barra minn hekk, lanqas ma hemm ebda analiżi teknika minima u l-evalwazzjoni neċessarja tal-proporzjonalità tal-miżura tad-dazju b’riferiment għall-preġudizzju għall-industrija li tkun ikkonstatat undercutting jew underselling, li skont il-ġurisprudenza hija neċessarja għall-finijiet ta’ dannu. Minflok, fil-każ tar-rikorrenti, l-assenza ta’ undercutting u ta’ underselling hija pprovata (fost id-dokumenti varji prodotti fi ħdan il-motiv) mill-prezzijiet ta’ Ex Works ta’ Haomei u ta’ King Metal, li huma paragunabbli mal-prezzijiet Ewropej (Dokument 3, report Bauxite).

Barra minn hekk hemm assenza totali ta’ interess tal-Unjoni għall-impożizzjoni tad-dazju iżda hemm interess esklużiv tal-lanjanti – li l-Kummissjoni sempliċement “adottat” bħala motivazzjoni għaliha nnifisha fejn estendietha, mingħajr ma wettqet analiżi, għall-Unjoni kollha. F’tali kuntest il-Kummissjoni, mill-ġdid, injorat kompletament it-tagħrif prodott mir-rikorrenti matul il-proċedura li la ġie ttrattat fil-kontradittorju matul il-proċedura u lanqas fir-Regolament.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Ftehim Ġenerali tat-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u, sussidjarjament, tal-illegalità tar-Regolament Bażiku jekk dan ma jiġix interpretat konformement mal-ftehimiet internazzjonali.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament 2020/1428, li l-Kummissjoni adottat fuq il-bażi legali tal-Artikolu 207 TFUE, jevita l-kunċetti previsti mid-dritt internazzjonali dwar is-suġġett. Li kieku dan ma kienx il-każ, barra minn hekk, jiġifieri li kieku ma kienx hemm illegalità li tivvizzja direttament ir-Regolament 2020/1428, l-illegalità tkun taqa’ mill-ġdid fuq ir-Regolament Bażiku.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’riferiment għall-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni ekwivalenti għal sanzjoni kriminali, minħabba l-effetti prodotti fuq l-impriżi esportaturi.

Għall-kumpanniji rikorrenti, l-applikazzjoni tad-drittijiet inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq tal-attività tagħhom, liema fatt joħloq preġudizzju irreparabbli u paragunabbli għal dak ta’ sanzjoni kriminali.