DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

27 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 279 TFUE – Talba għal miżuri provviżorji – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza tal-imħallfin – Reġim dixxiplinari tal-imħallfin – Eżami ta’ kwistjonijiet ta’ liġi dwar l-assenza ta’ indipendenza tal-imħallfin – Pagamenti ta’ penalità”

Fil-Kawża C‑204/21 R,

li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, imressqa fis‑7 ta’ Settembru 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Søndahl Wolff u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentat minn H. Leppo, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn H. Shev, C. Meyer-Seitz, M. Salborn Hodgson, H. Eklinder, R. Shahasavan Eriksson, O. Simonsson u J. Lundberg, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

konvenuta,

IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum lill-baġit tal-Unjoni Ewropea, sabiex dan l-Istat Membru jiġi inkoraġġut jagħti effett, fl-iqsar żmien possibbli, għall-obbligi tiegħu skont id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21 R, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021”, EU:C:2021:593).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat mill-Kummissjoni fl‑1 ta’ April 2021, intiż li jiġi kkonstatat li:

billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 55(4) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal-2001, Nru 98, intestatura 1070), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal-2020, intestatura 190, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni”), l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 29(2) u (3) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, intestatura 5), kif emendata bil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema”), l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) tal‑25 ta’ Lulju 2002 (Dz. U. tal-2002, intestatura 1269), kif emendata bil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi”), kif ukoll l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, li jipprojbixxu lil kull qorti nazzjonali milli tivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita preċedentement permezz tal-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 kif ukoll skont l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li tistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”), sabiex teżamina l-ilmenti u l-kwistjonijiet ġuridiċi dwar l-assenza ta’ indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll taħt l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

billi adottat u żammet fis-seħħ il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni u l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala “offiża dixxiplinari” l-eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita preċedentement mil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll taħt l-Artikolu 267 TFUE;

billi tat lill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex żgurati, is-setgħa li tiddeċiedi kawżi li għandhom impatt dirett fuq l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef u assistent imħallef, bħal, minn naħa, it-talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-imħallfin u l-assistenti mħallfin jew sabiex jiġu arrestati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kawżi fil-qasam tad-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali dwar l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 88a tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Amministrattivi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali żgurati mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 8(1) tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

3

Permezz tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna lir-Repubblika tal-Polonja, sal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21:

a)

tissospendi, minn naħa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u oħrajn, skont liema l-Awla Dixxiplinari għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza, fuq it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin jew imħallfin awżiljarji, li jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja, li jiġu arrestati jew li jitressqu quddiem qorti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Awla Dixxiplinari abbażi ta’ dan l-artikolu u li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jew l-arrest tiegħu, u li tastjeni milli tibgħat il-kawżi msemmija fl-imsemmi artikolu quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

b)

tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li abbażi tagħhom l-Awla Dixxiplinari għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi dwar l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari fuq il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fuq il-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, u li tastjeni milli tibgħat dawn il-kawżi quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

c)

tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, kif ukoll il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin minħabba li jkunu eżaminaw l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta;

d)

tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi Emendata dwar il-Qrati Komuni, tal-Artikolu 26(3), kif ukoll tal-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, tal-Artikolu 6(1a) u (1b) tal-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, sa fejn dawn jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel permezz tal-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta;

4)

tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) u (4) sa (6), kif ukoll tal-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, u tal-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li tistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi sabiex teżamina l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti; u

f)

tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, il-miżuri kollha adottati sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet;

It-talbiet tal-partijiet

4

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-baġit tal-Unjoni pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ ammont li jista’ jwassal lil dan l-Istat Membru sabiex jimplimenta, fl-iqsar żmien possibbli, il-miżuri provviżorji ordnati fid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021;

tiddikjara li l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum huma dovuti mill-għoti tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba għal miżuri provviżorji sal-adozzjoni, minn dan l-Istat Membru, tal-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-miżuri provviżorji kollha ordnati f’dan id-digriet jew sakemm tingħata s-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21, u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

5

Fl-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentati fl‑1 ta’ Ottubru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li din il-kawża tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u talbet li t-talba tal-Kummissjoni tiġi miċħuda.

Fuq it-talba tar-Repubblika tal-Polonja li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja

Argumenti

6

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fid-dawl tan-natura ta’ preċedent tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 u tal-petitum tat-talba tal-Kummissjoni, din it-talba għandha tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li deċiżjoni li timponi pagamenti ta’ penalità fuq Stat Membru ma għandhiex tittieħed minn Imħallef uniku, b’mod partikolari f’kawża li fiha ġew ifformulati oġġezzjonijiet ta’ prinċipju fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni.

7

Hija tirrileva wkoll li din il-kawża tikkostitwixxi l-ewwel talba tal-Kummissjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bħala miżura provviżorja wara n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ digriet preċedenti u li din it-talba hija impreċiża. Barra minn hekk, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), li jikkostitwixxi l-unika deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi pagamenti ta’ penalità f’tali kundizzjonijiet, ma jinkludi ebda motivazzjoni tal-kriterji li ntużaw sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità.

Kunsiderazzjonijiet

8

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/671/UE tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru 2012 dwar il-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2012, L 300, p. 47), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiddeċiedi huwa stess fuq it-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji jew għandu jibgħat minnufih dawn it-talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

9

B’hekk, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu kompetenza ta’ attribuzzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar kull talba għal miżuri provviżorji jew, meta jqis li ċirkustanzi partikolari jkunu jitolbu li din tintbagħat lil kulleġġ ġudikanti, jista’ jibgħat talba lill-Qorti tal-Ġustizzja (digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21 R, EU:C:2021:752, punt 10, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑204/21 R-RAP, EU:C:2021:834, punt 6).

10

Minn dan isegwi li huwa biss il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jevalwa, każ b’każ, jekk it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa quddiemu jeħtiġux ir-rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-għoti lil kulleġġ ġudikanti (digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21 R, EU:C:2021:752, punt 11, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑204/21 R-RAP, EU:C:2021:834, punt 7).

11

F’dan il-każ, it-talba tal-Kummissjoni għall-pronunzja ta’ pagamenti ta’ penalità ma tinkludi ebda element tali li jirrikjedi l-assenjazzjoni tagħha lil kulleġġ ġudikanti.

12

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja tirreferi għall-importanza tal-kwistjonijiet eżaminati fid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 u għall-fatt li hija tqis li dawn il-kwistjonijiet ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tat-talba tal-Kummissjoni ma jimplikax li ssir evalwazzjoni tal-imsemmija kwistjonijiet, iżda biss li jiġi ddeterminat jekk l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan id-digriet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 104).

13

Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq in-natura ġdida tat-talba intiża għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bħala miżura provviżorja u fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-regoli li jirregolaw l-eżami ta’ tali talba għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud, peress li l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tad-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, EU:C:2017:877), diġà ddeċidiet fuq talba tal-Kummissjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, u peress li l-Viċi President, permezz tad-digriet tal‑20 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ordnat pagamenti ta’ penalità wara nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Mejju 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420).

14

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li pagamenti ta’ penalità ma jistgħux, b’mod ġenerali, jiġu imposti mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma l-kawża inkwistjoni tintbagħat quddiem kulleġġ ġudikanti diġà ġie miċħud permezz tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752).

15

Għaldaqstant, ma hemmx lok li din it-talba tal-Kummissjoni tintbagħat quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-ammissibbilta’ tat-talba tal-Kummissjoni għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità

Argumenti

16

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-talba tal-Kummissjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hija inammissibbli.

17

Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li din it-talba ma tippreċiżax l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li l-Kummissjoni titlobha li jingħataw. Issa, hija l-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi preċiżament il-kontenut tal-miżuri provviżorji li hija titlob l-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, din l-ommissjoni tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Polonja, sa fejn iċċaħħad lil dan l-Istat Membru mid-dritt li jippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità.

Kunsiderazzjonijiet

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat, parti tista’ mhux biss titlob, skont l-Artikolu 278 TFUE, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat fil-kawża fuq il-mertu, iżda tista’ tinvoka wkoll l-Artikolu 279 TFUE, sabiex titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ b’mod partikolari jindirizza, b’mod provviżorju, l-ordnijiet xierqa lill-parti l-oħra (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 96).

19

L-Artikolu 279 TFUE jagħti għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza tippreskrivi kwalunkwe miżura provviżorja li hija tqis neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 97).

20

B’mod partikolari, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkun jista’ jiżgura l-effettività ta’ ordni indirizzata lil parti skont l-Artikolu 279 TFUE, billi jadotta kull miżura intiża sabiex din il-parti tosserva d-digriet għal miżuri provviżorji. Miżura bħal din tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fil-previżjoni tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ fejn l-imsemmija ordni ma tkunx osservata mill-parti kkonċernata (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 100).

21

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 279 TFUE u lanqas l-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ammont preċiż meta hija titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bħala miżura provviżorja.

22

Barra minn hekk, il-proposti eventwalment ifformulati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jiġu imposti ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jorbtu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, peress li dan tal-aħħar jibqa’ liberu li jiffissa l-pagamenti ta’ penalità imposti fuq l-ammont u taħt il-forma li huwa jqis adegwati, fejn il-pagamenti ta’ penalità ffissati għandhom, minn naħa, jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati mal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752, punt 50).

23

Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għad-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, EU:C:2017:877), il-Qorti tal-Ġustizzja ffissat l-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità imposti fuq Stat Membru minkejja li t-talba tal-Kummissjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità ma kinitx tinkludi dettalji tal-ammont tagħhom.

24

L-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità abbażi ta’ talba li ma tippreċiżax l-ammont tagħhom ma hijiex, barra minn hekk, tali li tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat, peress li dan iżomm il-possibbiltà li jindika fl-osservazzjonijiet tiegħu, jekk ikun il-każ sussidjarjament, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li huwa jqis xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tal-kapaċità ta’ pagament tiegħu.

25

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-fondatezza tat-talba tal-Kummissjoni għall-pronunzja ta’ pagamenti ta’ penalità

Argumenti

26

Il-Kummissjoni tqis li, sabiex jikkonformaw mad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, il-korpi kollha tar-Repubblika tal-Polonja, inklużi l-qrati, għandhom jieqfu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija f’dan id-digriet sal-jum tal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21.

27

Madankollu, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika tal-Polonja, permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Awwissu 2021, ma jirriżultax li hija adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi l-miżuri provviżorji msemmija fl-imsemmi digriet.

28

B’hekk, l-ewwel, ebda miżura ma ġiet adottata sabiex timpedixxi espliċitament lill-Awla Dixxiplinari milli teżerċita s-setgħat li ngħatawlu fil-kawżi msemmija fil-punt 1(a) u (b) tad-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

29

B’mod partikolari, il-miżuri adottati mill-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jagħtu lill-President tal-Awla Dixxiplinari l-fakultà li jadotta miżuri proċedurali urġenti f’kawżi fejn il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari għandha tiġi sospiża. Barra minn hekk, din l-awla tibqa’, barra minn hekk, adita bil-kawżi li ġew assenjati lilha qabel il‑5 ta’ Awwissu 2021, u l-President tagħha jew il-membri tagħha għandhom jiddeċiedu, b’mod diskrezzjonali, jekk hemmx lok jew le li titkompla l-proċedura mibdija f’tali kawżi. F’diversi minn dawn il-kawżi, l-Awla Dixxiplinari barra minn hekk kienet iddeċidiet li żżomm seduta jew tiddeċiedi fuq il-mertu.

30

Barra minn hekk, dawn il-miżuri huma applikabbli biss sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Novembru 2021 u mhux sal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21.

31

It-tieni, il-miżuri adottati mill-President tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huma wkoll insuffiċjenti, ġaladarba, minn naħa, din l-awla tista’ tkompli tiddeċiedi dwar il-kawżi pendenti u, min-naħa l-oħra, peress li l-kompetenza esklużiva tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi msemmija fil-punt 1(e) tad-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 ma ġietx sospiża, u dan jimplika li l-qrati ordinarji huma dejjem obbligati li jastjenu minn tali kawżi.

32

It-tielet, ir-Repubblika tal-Polonja ma semmiet ebda miżura intiża sabiex tissodisfa l-obbligu li tissospendi l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Awla Dixxiplinari, kif jirrikjedi l-punt 1(a) tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, jew sabiex tikkonforma ruħha mal-miżuri provviżorji msemmija fil-punti 1(c) u (d) tad-dispożittiv tal-imsemmi digriet.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-osservanza tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tal-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li timponi fuq ir-Repubblika tal-Polonja il-pagament ta’ penalità ta’ kuljum ta’ ammont li jista’ jinkoraġġixxi lil dan l-Istat Membru sabiex jagħti effett sħiħ, fl-iqsar żmien possibbli, għall-miżuri provviżorji stabbiliti f’dak id-digriet.

34

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ġew adottati l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

35

Dan l-Istat Membru jqis li, skont dan id-digriet, huwa obbligat jissospendi mhux in-natura vinkolanti tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija, iżda biss l-applikazzjoni tagħhom, u dan ma jirrikjedix l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali. Konsegwentement, l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi digriet jaqgħu biss fuq il-korpi msejħa sabiex japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri l-qrati u l-membri tal-persunal dixxiplinari.

36

B’hekk, il-korpi tas-setgħa leġiżlattiva ma humiex destinatarji tal-imsemmija obbligi, peress li huma għandhom biss kompetenza li tippermettilhom jadottaw jew iħassru dispożizzjonijiet ġenerali, ħaġa li ma hijiex neċessarja f’dan il-każ. Bl-istess mod, l-imsemmija korpi lanqas ma għandhom is-setgħa li jemendaw il-kontenut jew in-natura vinkolanti ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, ħlief bi ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri. Is-setgħa eżekuttiva lanqas ma għandha, fl-ordinament ġuridiku Pollakk, is-setgħa li teżegwixxi ordni li tissospendi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ livell leġiżlattiv.

37

Konformement ma’ dawn il-prinċipji u mal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ġew adottati direttivi mill-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li fil-kuntest tagħhom kien xieraq li l-kulleġġi ġudikanti jitħallew jadottaw deċiżjonijiet dwar is-sospensjoni jew il-posponiment tal-kawżi pendenti mressqa quddiemhom.

38

Il-motivi ppreżentati mill-Kummissjoni intiżi sabiex jipproduċu l-prova li r-Repubblika tal-Polonja ma eżegwietx id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jikkonċernaw biss, fir-realtà, parti limitata minnu. L-eżempji pprovduti mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi kkontestat il-fatt li l-maġġoranza tal-qrati Pollakki jiddeċiedu konformement ma’ dan id-digriet. Fil-kawżi rari fejn il-qrati Pollakki jixtiequ jwarrbu l-imsemmi digriet, l-awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx il-mezzi li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħhom. Il-kontestazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet tista’ tiġi żgurata ulterjorment, permezz tal-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji ordinarji u straordinarji. Il-kuntest ġuridiku stabbilit huwa għalhekk suffiċjenti u, fid-dawl tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati, Stat Membru ma jistax jiġi kkundannat iħallas pagamenti ta’ penalità minħabba deċiżjonijiet individwali mogħtija mill-qrati nazzjonali tiegħu.

39

Barra minn hekk, il-miżuri adottati mir-Repubblika tal-Polonja f’din il-kawża huma analogi għal dawk adottati minn dan l-Istat Membru wara d-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277). Issa, il-Kummissjoni ma talbitx l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet.

40

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li r-Repubblika tal-Polonja ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità.

41

L-ewwel, ir-Repubblika tal-Polonja adottat il-miżuri kollha possibbli fid-dawl tad-dritt Pollakk. It-tieni, il-qrati Pollakki josservaw bħala prinċipju d-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, peress li l-eventwali deċiżjonijiet kuntrarji jistgħu jiġu annullati jew ommessi. It-tielet, id-determinazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet saret konformement mal-prassi tal-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277). Ir-raba’, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra riformi differenti li jneħħu s-suġġett tat-tilwima li dwarha tittratta l-Kawża C‑204/21.

Kunsiderazzjonijiet

Fuq l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità

42

Permezz tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjara numru ta’ miżuri provviżorji, imfakkra fil-punt 3 ta’ dan id-digriet, li r-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata tikkonforma ruħha magħha b’mod immedjat.

43

Issa, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mill-proċess ma jirriżultax li l-miżuri adottati mir-Repubblika tal-Polonja huma suffiċjenti sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri provviżorji.

44

Qabel kollox, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka miżuri ta’ organizzazzjoni adottati mill-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-argument ippreżentat f’dan ir-rigward ma jippermettix li jiġi stabbilit li dawn il-miżuri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi msemmija fil-punt 1(a) u (b) tad-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

45

B’hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax b’mod utli l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-President tal-Awla Dixxiplinari jżomm is-setgħa li jadotta miżuri ta’ emerġenza fil-kawżi li jaqgħu fil-kompetenza ta’ din l-awla skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fid-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

46

Bl-istess mod, mill-osservazzjonijiet konverġenti tal-partijiet jirriżulta li d-deċiżjoni li jitkomplew jew le l-eżami tal-kawżi pendenti fi ħdan l-Awla Dixxiplinari hija adottata, skont il-każ, mill-President jew minn membri ta’ din l-awla, mingħajr ma l-miżuri adottati mill-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jobbligawhom jissospendu dan l-eżami.

47

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja bl-ebda mod ma allegat li l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Awla Dixxiplinari msemmija fil-punt 1(a) tad-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 kienu ġew sospiżi, peress li dan l-Istat Membru jsemmi biss kawża li fiha tali sospensjoni kienet ġiet deċiża.

48

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari fil-kawżi msemmija fil-punt 1(a) u (b) tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet jibqgħu applikabbli fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

49

Għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miżuri adottati huma madankollu suffiċjenti, minħabba li ma huwiex neċessarju li jiġu adottati miżuri ġenerali li għandhom l-effett li jissospendu n-natura vinkolanti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li, kif jirrikonoxxi dan l-Istat Membru, kulleġġi tal-Awla Dixxiplinari kisru ċerti obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 juri li l-mod magħżul minnu sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet ma joffrix garanziji effettivi f’dan ir-rigward.

50

Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja ma kkontestatx l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li ebda miżura nazzjonali ma kienet ġiet adottata sabiex timplimenta l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 1(c) u (d) tad-dispożittiv tal-imsemmi digriet. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma pprovda ebda informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod kif il-qrati u l-awtoritajiet Pollakki kkonformaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi.

51

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fil-punt 1(e) tad-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, ir-Repubblika tal-Polonja ma kkontestatx b’mod utli l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li, minn naħa, il-kawżi pendenti mressqa quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi jistgħu dejjem jiġu eżaminati minn din l-awla u, min-naħa l-oħra, il-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-imsemmija awla għandhom dejjem jintbagħtu lilha mill-qrati ordinarji.

52

Fit-tieni lok, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li miżuri alternattivi intiżi sabiex jimplimentaw id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 ma setgħux jiġu adottati fid-dawl tal-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa tal-korpi leġiżlattivi u eżekuttivi nazzjonali kif ukoll tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Pollakki sabiex jiddeċiedu dwar kawżi pendenti jew diġà magħluqa, dan l-argument ma jistax jirnexxi.

53

Ċertament, ġaladarba dan id-digriet jistabbilixxi, skont l-Artikolu 279 TFUE, miżuri provviżorji biss, dan ma jimponix fuq ir-Repubblika tal-Polonja li tħassar id-dispożizzjonijiet imsemmija fid-dispożittiv tagħha. Bl-istess mod, id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jeskludi l-possibbiltà li l-implimentazzjoni ta’ tali digriet hija bbażata, parzjalment, fuq miżuri adottati minn qrati.

54

Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89), u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw id-dritt tal-Unjoni huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet nazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras-il għajn), C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 106).

55

Għaldaqstant, anki jekk jitqies li r-regoli fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku Pollakk ma jippermettux lill-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi jadottaw miżuri ġenerali li jordnaw is-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fid-dispożittiv tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex effett fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika tal-Polonja effettivament ikkonformatx ruħha ma’ dan id-digriet jew jekk hemmx lok li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri provviżorji msemmija f’dak id-digriet.

56

Fit-tielet lok, il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja, f’din il-kawża, adottat miżuri analogi għal dawk li hija adottat sabiex tikkonforma ruħha mad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), u li l-Kummissjoni ma kinitx, f’din l-aħħar kawża, qieset xieraq li titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità wara l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, tali li juri li dan l-Istat Membru effettivament ikkonforma ruħu mad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher neċessarju li għandha tissaħħaħ l-effikaċja tal-miżuri provviżorji ordnati b’dan id-digriet, billi tiġi prevista l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità fuq ir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiddiswadi lil dan l-Istat Membru milli jdewwem it-tqegħid f’konformità tal-aġir tiegħu mal-imsemmi digriet (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21 R, EU:C:2021:752, punt 49).

Fuq l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità

58

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jiġu imposti f’din il-kawża, għandu jitfakkar li d-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jirrigwarda miżuri provviżorji li l-osservanza tagħhom hija neċessarja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, għad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-valuri, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata din l-Unjoni, b’mod partikolari dik tal-Istat tad-dritt.

59

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja sabiex turi l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi attenwanti” ma jistgħux jintlaqgħu.

60

B’hekk, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-fatt li d-dritt Pollakk ostakola l-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari sabiex jikkonforma ruħu mad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jiġu imposti.

61

Fit-tieni lok, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, minkejja l-insuffiċjenza tal-miżuri adottati wara l-adozzjoni ta’ dan id-digriet, il-qrati Pollakki jikkonformaw bħala prinċipju ma’ dan, għandu jiġi kkonstatat li hija, fi kwalunkwe każ, ma pproduċietx provi li jistgħu jistabbilixxu l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni.

62

Fit-tielet lok, il-fatt li l-Kummissjoni qieset li kien xieraq, f’kawża oħra, li ma timplimentax il-proċeduri neċessarji sabiex tiżgura l-applikazzjoni ta’ digriet li jistabbilixxi miżuri provviżorji, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax jippermetti lir-Repubblika tal-Polonja tevita l-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jew tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità neċessarju sabiex tiddiswadi lil dan l-Istat Membru milli jippersisti fl-aġir tiegħu.

63

Fir-raba’ lok, l-intenzjoni espressa mir-Repubblika tal-Polonja li tadotta, f’terminu ta’ sena, serje ta’ miżuri intiżi għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka ma tistax tipprevjeni, fl-assenza ta’ azzjoni immedjata ta’ dan l-Istat Membru, l-okkorrenza tad-dannu msemmi fil-punt 58 ta’ dan id-digriet.

64

Konsegwentement, hemm lok li r-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru, tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 1000000 kuljum, mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet lir-Repubblika tal-Polonja sal-jum li fih dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jew, fin-nuqqas ta’ dan, sal-jum tal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21.

 

Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 1000000 kuljum, mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan id-digriet lir-Repubblika tal-Polonja u sal-jum li fih dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑204/21 R, EU:C:2021:593), jew, fin-nuqqas ta’ dan, sal-jum tal-għoti tas-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑204/21.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.